<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

27.4.06

Għada jisbaħ ukoll

Lil waħda li ma teżistix,
sine animo molestandi

Erġajt rajthom. U nixtieq li ma rajthomx.

Għajnejk. Dak il-par għajnejn li, taħt il-qamar tal-ħarifa, jien u nterraq triqti ferħan fis-sikta tiegħi, f'berqa waħda kixfuli t-tristezza kollha li kelli mwarrba u minsija fl-ibgħad irkejjen ta' qalbi. Forsi qed neżaġera. Jew forsi m'iniex, għax kif rajt int stess, b'dik il-ħarsa li tajtni meta għajnejja ltaqgħu ma' tiegħek, qabditni rogħda minn dawk li jaslu biss darbtejn kull 27 sena; u int stess ħassejtni nitheżheż, bħal werqa f'burraxka li tkun waslet għall-għarrieda, f'nofs il-bnazzi. Id-demgħa li qabżitli dak il-lejl, però, u li għadha ma nixfitx, b'xorti tajba inti ma rajthiex.

Darb'oħra, jekk terġa' twassalni d-dar, ma nħallikx titlaq. Indaħħlek fid-dar tiegħi, f'din id-dar ħiemda, spazjuża u mimlija dawl, tempju tas-solitudni li inti rfist darbtejn u mlejt bid-dellijiet tiegħek. U nerfgħek –għax int, ħafifa rixa, donnok magħmula biex tkun merfugħa–, nieħdok sal-kmajra ta' wara u ntellgħek fuq il-mejda, l-istess mejda li fuqha ħarbixtlek dawk il-versi li kelli nħassar, u versi oħrajn li ma ħassartx. U mmellislek xagħrek, bil-mod, u nikkarezzalek wiċċek, bil-mod, u nigdimlek xufftejk –bil-mod dejjem, għax l-imħabba b'għaġla ma tifhimx–; u qaddek fi forma ta' klessidra, metafora ħajja taż-żmien li jgħaddi fuqna bla ħniena u bla mistħija, inżommu sod bejn idejja ħa jieqaf ftit l-arloġġ, waqt li nħoss nifsek ifewweġ ħafif ħafif ma' dahri; u mbagħad għannaqni, rassasni, agħlaqni bejn riġlejk, ħa nħoss, għal ftit sekondi, il-ħajja eterna fil-mina ta' bejn kuxxtejk; ħa nfannad, infannad sa nintilef fil-baħar bla tmiem t'għajnejk; u nkomplu hekk, bil-mod, jien nitriegħed int tirtogħod, ħa nsir it-tbissima, id-daħka ħelwa, l-għajta ta' pjaċir tiegħek, sakemm inti tistrieħ, u nagħtu 'l xulxin it-tagħniqa ta' l-aħħar, u għal nofs mument, forsi, insiru ħaġa waħda.

Imbagħad il-vojt.

Dak il-ġest li int għamilt meta wasalna, li x'aktarx kien awtomatiku u ma ndunajtx bih, u li ma nafx hux l-istess ġest li tagħmel qabel tgħid ċaw u tbus lill-boyfriend (bl-Ingliż, kif tgħidha int, għax tweġġa'), għamilt tabirruħi li ma rajtux. Aħjar. Il-ħolm li nisbaħ fik jibqa' ħaj, imma pretesti biex ninsiek għandi ħafna. Għax int, l-isfinġi l-ġdida l-lum mhux tant ġdida u mhux tant misterjuża, minkejja li għajnejk donnhom żewġ poeżiji ma jieqfu qatt, int il-poeżija ma togħġbokx. U dan li qed nikteb issa m'intix se taqrah. Għax int, l-ewwel mara li dan l-iben il-ħali ħolom biha bil-Malti, dil-lingwa mitlufa u mill-ġdid misjuba li inti titkellem b'tant ħlewwa, int bil-Malti ma taqrax. Nista' nsemmi xi pretesti oħrajn, iżda m'hawnx għalfejn.

U dan kollu –u l-ġranet twal li berbaqt– minħabba par għajnejn li nixtieq li ma rajthomx. Għalkemm li ma kienx għalihom, ja muża sfortunata, ma kontx ktibt din, u din, u oħrajn li qatt ma raw id-dawl. U ta' dan, nassumi li jkolli nirringrazzjak.

Daqshekk. Issa, iffissat kif jien fir-ritwali u fil-bidujiet ġodda, se nitla' fuq il-bejt, u bis-sigarru li għadni kemm xtrajt u li issa se npejjep, se niżżik ħajr, se nibgħatlek l-aħjar xewqat għall-ġejjieni, u se ngħidlek saħħa.

Għada jisbaħ ukoll, u nisbaħ jien mingħajrek, u mingħajr id-dellijiet li bihom imlejtli din id-dar.

Tiegħek,

...


Miktuba fin-numru 7, Triq il-Malinkonija,
tant żmien ilu

Kummenti: 4

Anonymous Anonymous qal/qalet...

Ma nafx x'naqbad nghid.Nahseb kull tip ta kliem li nipprova nuza ser jinstema ftit cliche'.Pero' hadt pjacir naqra il blogg tieghek.

27/4/06 20:53  
Blogger Erezija qal/qalet...

:)

27/4/06 21:59  
Blogger Tuxka qal/qalet...

Twanny,

Ħallejtni bla kliem, kitba sabiħa. Għoġbitni ħafna. Prosit u żommha 'l fuq (keep it up) :)

3/5/06 20:23  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

El usuario anónimo, Ereżija u Tuxka: Grazzi. Balleċ kelli bżonn niktibha dik!

5/5/06 23:27  

Ħalli kumment

<< Home