<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

12.3.06

Ħajku

Tagħrifa ċkejkna: Dil-bloggata qed niktibha bħala att ta' protesta nejjieki u taħt l-ilsien kontra żewġ avversarji li għandi wisq għal qalbi. L-ewwel wieħed hu t-tabakk, u t-tieni, kollega ħelwa li biex tiċċajta miegħi l-bieraħ qaltli dan il-kliem:

«seriously Twann, you are toooo artistic ... you've been reading too much poetry... poetry won't bring you any money... I don't lose myself in such trivia!»


Banalità delle banalità –għax ma jistax ikun kollox ħwejjeġ għoljin– xi ġimagħtejn ilu ddeċidejt li naqta' l-vizzju tat-tipjip. U sal-bieraħ il-wegħda żammejtha: saħansitra ksirt ir-rekord tiegħi ta' jiem mingħajr sigaretti minn mindu ġejt Malta fis-sajf ta' l-2004. Il-bieraħ, ġurnata kollha dwejjaq u pseudo-depressjoni (bl-eċċezzjoni tal-kliem divertenti ta' hawn fuq), żlaqt ftit qabel dħalt norqod, u biex tgħaxxaq lanqas biss gawdejtu.

Il-vantaġġi ta' ħajja mingħajr duħħan jafhom kulħadd, u mhix ix-xewqa tiegħi li noqgħod nippriedka. Kemm ngħid li r-raġuni #783251 il-għala ma jaqbillix nobrom jew inqabbad dak is-sigarett hi li dan l-aħħar sibt ruħi nikkonċentra aħjar, anzi nnutajt li qed ikolli meded tal-konċentrazzjoni itwal minn qabel. Min jaf, forsi bħala kittieb mhux pejjiep (jew non-smoking poet !) jirnexxili nkun inqas għażżien u aktar kreattiv.


U issa, sabiex daqs ġimagħtejn oħra nerġa' nikser ir-rekord, li qed nagħmel hu li kull meta tiġini l-kilba, flok nobrom sigarett naqbad id-dizzjunarju Malti-Ingliż ta' Aquilina, niftħu bl-addoċċ u 'nobrom' kelma. Jekk togħġobni, għal ġol-ktejjeb fejn, mingħajr ebda dixxiplina, inniżżel ta' kuljum l-ideat u l-espressjonijiet interessanti li nkun iltqajt magħhom.

B'hekk qed jirnexxili nnessi ftit l-għatxa mxajtna għat-tabakk. Jew inkella, niftaħ dan il-ktieb u nisraq qawl; jew idjoma minn hawn; jew ħajku minn din il-ġabra ta' Oliver Friggieri. Ftit ilu, fil-paġna 20, iltqajt ma' din il-ġawhra, u ma stajtx ma ntellagħhiex hawnhekk għall-bloggejja sħabi:

Kulħadd jitkellem
fuq l-internet, u l-gwerra
bħas-soltu tkompli.


F'leħħa ta' berqa, jien u niftakar fl-idea tal-ħajja bħala tiġrija kontra l-baħħ u ġlieda kontra t-tnessija, kif ukoll fil-kumment ċajtier ta' ħabibti dwar l-inutilità tal-poeżija (u tgħidx kemm dħakt bil-qalb), tnebbaħt biex nikteb din it-tħeżżiża ħafifa bħala ħajku ta' risposta:

Dil-ħajja gwerra
bejn il-ħolqien u l-qerda;
ikteb kemm tiflaħ.


Għaldaqstant, jien se nerġa' nisfida ruħi, u se nżomm il-kolp u 'l bogħod mit-tabakk sakemm żmien id-duħħan jisfuma.

Għalissa però, il-kitba u t-traduzzjoni kreattiva, don Pablo Neruda u Mikiel Anton Vassalli se jkollhom jistennew sakemm inlesti l-biċċa xogħol li mehdi fiha, il-qlib ta' katalgu ta' għamara u prodotti għal-lukandi li donnu ma jispiċċa qatt. Ta' l-inqas, qed nidħak nara kif ċerti simboli reliġjużi u filosofiċi saru elementi ta' moda anki fl-industrija tal-porċellana. Per eżempju:


L'assiette Ying Yang : C'EST TENDANCE!!


Tfakkarni f'dawn il-versi tas-silta Magic Shop ta' Battiato (poeta ieħor li ilu ħajtu kollha jaħli l-ħin):

E più si cresce e più mestieri nuovi
gli artisti pop, i manifesti ai muri
i Mantra e gli Hare Hare a mille lire
l'Esoterismo di René Guénon

Una Signora vende corpi astrali
i Budda vanno sopra i comodini
deduco da una frase del Vangelo
che è meglio un imbianchino di Le Corbusier

Supermercati coi reparti sacri
che vendono gli incensi di Dior
rubriche aperte sui peli del Papa...


Insomma. Jien se nkompli nagħmel ħilti biex ma nerġax inħaddan id-duħħan. Flok sigarett - kelma, qawl, idjoma, ħajku. Sadattant, ħbieb tiegħi... iktbu kemm tifilħu!

Kummenti: 8

Blogger Arcibald qal/qalet...

aw siehbi... tal-hela ta' hin nifhmek perfettament ghax nismaghha hafna drabi jien... l-unika konsolazzjoni hija li ghallinqas ghandna xi haga li zzommna ghaddejjin. Din tal-flus bla sens, ghax kieku nnehhi kull haga li ma naghmilx ghal flus, nispicca b'hajti vojta. L-unici affarijiet li jifdal, kieku, jkunu l-unici affarijiet li naghmel ta' bil-fors apposta ghall-flus.

13/3/06 09:16  
Blogger Erezija qal/qalet...

għoġbitni l-ħajku tiegħek twann... IKTEB KEMM TIFLAĦ!!

15/3/06 09:20  
Blogger cyberdigger qal/qalet...

Good luck with quitting smoking. I hope to do the same thing myself. Next week, of course. They say quitting is the easiest thing to do, and it must be, because I have done it a thousand times. Make sure you don't become addicted to the haikus instead though. That could be nasty.

16/3/06 18:14  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi digger. Ilni tlitt ijiem ma mmiss it-tabakk issa, u lanqas għandi aptit. Ix-xorti t-tajba lilek ukoll.

Dwar il-ħajku, diġà ilni xi għaxar snin ivvizzjat bis-sunetti. Forsi wara li nkun lestejt it-teżi naqta' dal-vizzju wkoll.

Antonio - fakkartni f'dik il-frażi ta' Valle-Inclán xbin... intik risposta (twila) aktar tard.

16/3/06 18:59  
Blogger Coemgen qal/qalet...

Prosit! Kellek il-ħila tibda l-waqfien. Issa qis li tkomplieh, mhux twaqqfu.

17/3/06 00:31  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

http://ggant-joseph.blogspot.com/

20/3/06 09:27  
Blogger Hsejjes qal/qalet...

Nahseb il-koncentrazzjoni tieghek qed tonqos mhux tizdied, meta tikkunsidra li it-12 il qattus ma rajtux!! :p Imma good luck anyway. Keep it up.

23/3/06 10:29  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi Ħsejjes. Ma kinitx problema ta' konċentrazzjoni, imma għax sirt daqsxejn werċ dan l-aħħar!

S'issa ilni 11-il jum mingħajr sigarett. Daqt nerġa' nikser ir-rekord... grazzi tal-kuraġġ.

23/3/06 10:44  

Ħalli kumment

<< Home