<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

25.2.06

Is-sindromu tal-boxxla

Seguimmo certe rotte in diagonale
dentro la Via Lattea...


Che bei ricordi di gioventù
Nieħu gost meta Mark isemmi l-Italja tat-tmeninijiet u kif hu u l-ġenerazzjoni tiegħu ddakkru minnha, anki jekk aktar mill-bogħod milli mill-qrib. Huwa żmien li minn dejjem saħħarni, minkejja li qatt ma wasalt biex nifhmu tabilħaqq; jien ġejt Malta fil-85, u meta tlaqt fil-91 kont għadni kemm bdejt inrabbi s-suf. It-tifkiriet li għandi tal-Malta ta' dak iż-żmien huma isbaħ, bil-wisq isbaħ minn dik li skoprejt ta' iben ħali li ġie lura tlettax-il sena wara, u mhux biss għall-klixè ta' l-innoċenza mitlufa... Qed naħseb f'rikordji sempliċi li xi darba kultant jerġgħu jitfaċċaw mingħajr ma nkun qed nistenniehom, l-aktar meta nagħmel xi passiġġata madwar ir-raħal kmieni fil-għodu, nintilef fl-aktar triqat dojoq (iva, fil-Qrendi tista' tintilef!), nilmaħ xi dar mitluqa jew xi ħajt ta' ġebel mittiekel, lest biex jiġġarraf imma għażżien wisq biex iċedi: dehriet ġodda imma familjari li jreġġgħuni għal tfuliti, għax-xbihat ta' imgħoddi mbiegħed, u għoddni nerġa' nitbennen minnhom u mill-irwejjaħ li, ta' l-inqas huma, baqgħu l-istess.


Xbihat li jinkludu l-aktar affarijiet banali, aħna l-ulied ta' l-iskrin iż-żgħir u tal-prodotti tal-minimarket mingħajr ma ridna, bħall-kartuns Taljani li kont nara dak iż-żmien (Lupin, D'Artagnan, Galaxy Express 999); powster kbir ta' Maradona bil-flokk ċelesti tan-Napoli, bil-kelma Mars stampata fuqu biex tfakkarna li l-Pibe de Oro ġej minn pjaneta oħra; il-mikrofonu simpatiku ta' Radio Deejay jgħidilna liema kanzunetti l-aktar li qegħdin jinstemgħu; Jovanotti for President; is-silta Via Lattea li permezz tagħha l-mużika u t-testi ta' Battiato għalija saru kważi reliġjon; it-Totocalcio 1X2 li konna nilgħabu bejnietna jien u z-ziju kull nhar ta' Ħadd (Raider għal min jirbaħ, il-lum Twix); l-istikers tal-Panini; Napoli-Sampdoria fis-Subbuteo; partiti futbol wara l-knisja jew fl-isqaq tan-nanna (bellissimo gol di testa... le ta, handsball! [sic.]) ma' kumpanni li l-lum imexxu l-każin ta' Lourdes, u spiċċaw intilfu fl-ossessjoni bil-logħob tan-nar li diġà serqet il-ħajja ta' wieħed minnhom; l-Imnajdra fejn kont nilgħab ma' ħuti qabel ma tellgħu l-fildiferru; fl-aħħar u mhux l-inqas, l-iljieli sajfija fuq il-bejt niċċassa lejn il-kwiekeb tal-Via Lattea u nisma' t-twerżiq tal-grillu, u l-baħar ħallih iħabbat...

Il-jien bħala mużajk
Kollha xbihat u esperjenzi li saru bċejjeċ jew tesseri żgħar tal-mużajk tal-jien, mużajk li mbagħad ħa l-kuluri u l-forom ta' artijiet u ilsna oħra, aktar jew inqas interessanti u feliċi minn dawk tat-tfulija, imma xorta parti integrali mill-kwadru sħiħ. Ċagħak li jinbidlu u jiżdiedu l-ħin kollu, li jaħarbu minn kull definizzjoni mfissra minn qabel, għax il-jien tal-lum mhux dak tal-bieraħ u lanqas dak ta' għada, bħalma qal il-blatlaqliequ anonimu f'kumment li ħalla f'bloggata tiegħi tax-xahar li għadda, u li għoġobni wisq:

«M'għandix labels ma' dahri bħal ma jkollhom il-ħwejjeġ biex tindikali inix Malti jew le. Jien jien innifsi u daqshekk! Kull fejn immur, kull min niltaqa' miegħu, kull lingwa li nitkellem, kull ktieb (jew anke blogg) li naqra, kull film li nara, kull ħolma li noħlom ikomplu jsawru dak li huwa jien.»

Mhijiex idea ġdida jew li qatt ma ħsibt fiha, imma mhux diffiċli tinsiha lanqas. Għax l-ebda identità m'hija fissa, u aġġettivi bħal 'Malti', 'lingwista', 'xellugi', 'poeta', 'intellettwali' m'għandhomx jitqiesu bħala kategorizzazzjonijiet fissi u awtomatiċi iżda bħala epiteti relattivi; fejn jidħlu ċerti affarijiet –bħall-politika, nagħtu każ– jista' jkun li jien aktar Spanjol milli Malti, u l-fatt li jiena metodiku ħafna f'xogħli ma jfissirx li jiena Ingliż –kif riedha ħabib tiegħi–, il-filologi Taljani li janalizzaw il-manuskritti ta' Dante u Petrarca huma magħrufa għall-atteġġament metodiku tagħhom ukoll, kien minnhom li jien iddakkart, iżda mhux minnhom biss... Imbagħad, il-manwali tal-letteratura jgħidulna li l-idea tal-mużajk hija strutturalista u postmoderna, bħas-sillabi tas-sunett li flimkien jagħmlu sura waħda, bid-differenza li s-sunett huwa forma essenzjalment magħluqa, filwaqt li l-mużajk ta' l-ego huwa organiku, tant illi meta taħseb li wasalt biex tifhmu tinduna li diġà nbidel. Adesso tu, domani non più.

Is-sindromu tal-boxxla
Faċli tħossok mitluf f'did-dinja tad-diversità kummerċjalizzata, fejn l-eżotiku jinbiegħ fil-pakketti tal-plastik, u l-kultura tradizzjonali tiġi manifatturata ġewwa fabbriki li, bir-riklami kbar tan-neon, saru jixbhu lill-briedel. Orrajt, għalija qed nitkellem, qlibt mill-jien għall-int mingħajr ma ridt. Għax hawn min iħossu komdu meta jkun imdawwar minn elf prodott u elf marka, meta jilbes żarbun ta' kumpanija multinazzjonali ċelebri li tħaddem it-tfal fit-Tajwan, jew meta jixtri djamant ta' għaxart elef lira biex juri lil seħbitu kemm ir-relazzjoni tagħhom hija unika waqt li dawk li jaħdmu fil-mini bilkemm għandhom għaxja ta' lejla. Klixejiet tal-looney left, hux? Tgħid Twanny għandu flokk ta' Che Guevara mitwi fil-qiegħ ta' l-ewwel kexxun? Le, m'għandux. Imma donnu ma tistax tieħu pożizzjoni mingħajr ma tiġi mdeffes fil-kexxun ta' ħaddieħor skond il-forma mentis partikulari tiegħu.

Iżda mhux fuq hekk xtaqt nitkellem. Il-punt hu li l-ħajja urbana li tant ħabbejt, bl-għeġubijiet kollha tagħha, sirt nistmerrha. Aktar għal raġunijiet konċettwali milli minħabba d-densità tan-nies. U ġejt Malta biex forsi niftaħ il-pulmuni u nsib tweġiba għal ċerti mistoqsijiet. Sewwa bsart, ma sibthomx kollha. Ma jimportax. Sibt il-beraħ, u sibt il-qtigħ tan-nifs. Għadni ma nafx x'inhu dak li jagħmilni Malti lilhinn mid-demm u l-laħam, iżda hija ormaj mistoqsija mingħajr importanza. L-hekk imsejħa liġi ta' l-appartenenza, li skondha kulħadd jappartieni lil ċerta art, lil ċerta storja li kienet bdiet ħafna qablu, l-istess liġi li għenet biex tikkonvinċini niġi lura, ma nistax naqbel magħha għalkollox. Wieħed jista' jkun ta' ġewwa u ta' barra fl-istess ħin, u jista' jixtieq it-tnejn: jumejn ilu, f'kumment fuq il-blogg tas-Skipp, għedt li nissimpatizza ma' dawk li għażlu l-eżilju; erbgħa u għoxrin siegħa wara, fuq il-blogg ta' David, għedt il-kontra, li ma nagħtix tort lil min ibati min-nostalġija. Donnha saħħara dil-gżira, mara ħelwa li trid tibqa' magħha għal dejjem iżda fl-istess ħin trid tinżamm 'il bogħod minnha għax tweġġgħek. U issa jien sejjer 'l hemm, lejn it-tramuntana kif tgħid il-boxxla, għandi seba' mitt sena biex nitlaq, imma xi ħaġa qed iżżommni lura, u qiegħda ttertaqli qalbi.

Forsi, kif diġà għedt kemm-il darba, dari mhix hawn, u lanqas 'l hemm. Forsi dari, wara kollox, huwa l-moviment; moviment djagonali, forsi 'l isfel, forsi 'l fuq.

Jew forsi dari huwa d-dubju, ix-xenqa dejjiema li nparpar 'l hemm li tissielet max-xewqa kostanti li nibqa' fejn jien.


Pawża

Dal-blogg se jieqaf għal ftit, għax għadni kemm dħalt għal proġett kbir li kien ilu jistenna wisq. Issa li ħsilt bdejtu, irrid inlestih. Aktar informazzjoni meta jkun imniedi.

Xifer: għal meta r-rumanz tiegħek?

Kummenti: 2

Blogger Angelo Chetcuti qal/qalet...

bħalissa qed naqra 'El Diego' ...u l-ewwel bloggata li qatt ktibt kienet dwaru...minkejja li jien milanist. Prosit tal-blogg u tal-bloggata.

28/2/06 13:37  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi Angelo. Iva niftakar l-ewwel bloggata tiegħek dwar Il grande mito.

Jien kont inħobb nara l-partiti tal-Milan meta kien hemm Gullit, Rijkaard u Van Basten... il-lum ma naħmilhomx imma, forsi għal raġunijiet politiċi ;-)

Ħasra li ż-żmien tad-deheb tan-Napoli ma tantx dam...

28/2/06 18:25  

Ħalli kumment

<< Home