<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

7.2.06

Dwar normi, valuri, u l-Ewropa tal-mużajk #2

Jekk huma jaraw lilna bħala dimonji, u aħna naraw lilhom bħala xjaten... mela għandu jkun nixtiebhu!


(Ittra miftuħa lil ta' Nakkuża)

Sur Referonderrrrr,

Ħadt pjaċir naqra l-epistola tiegħek. U ċ-ċajta tar-raba' ħarġa ta' Nażżarda għoġbitni wisq ukoll.

L-intenzjoni tal-bloggata ta' qabel din ma kinitx li noffendik, u dak li ktibt ma kienx indirizzat lilek biss. La qbadna did-diskussjoni kordjali bejnietna, inkompli, ħa naraw safejn naqblu u ma naqblux, u ħa naraw jekk, kif nissuspetta, fejn tidħol il-ħtieġa li jissemma l-wirt nisrani fil-kostituzzjoni se nispiċċaw naqblu li ma naqblux.

Kjarifika, please

Kont se nitolbok kjarifika dwar jekk fil-kitba tiegħek dwar l-Ewropa tal-valuri, fejn semmejt «the mullahs of this world [and] their norms», kontx qed tirreferi għal komunità sħiħa jew għal sezzjoni waħda biss. Ta' preġudikat miżinformat li jien assumejt li inti preġudikat kontra l-musulmani. Imma la din id-darba użajt b'mod speċifiku l-kliem «in-naħa storbjuża musulmana» diġà għandi risposta. Meno male.

Solidarjetà

Tellajt il-bandiera Daniża bħala sinjal ta' solidarjetà. Fausto għamel l-istess. Tajjeb. Naqbel, għax b'xorti ħażina, il-barbari qatgħuha li jqiegħdu lid-Daniżi kollha f'keffa waħda u bdew jheddu u jattakkaw bini, individwi u prodotti bħallikieku kienu rappreżentanti ta' l-erba' min-nies li ħażżu l-karikaturi u ppubblikawhom. Ma naqbilx, però, li għandna nbiddlu d-drawwiet li jista' jkollna billi nixtru prodotti Daniżi apposta bħala statement, għax b'hekk tkun qed tkompli bl-istess logħba tat-tfal.

Iżda xi ngħidu mbagħad għal dawk il-musulmani li mhumiex barbari, li ma rreaġixxewx b'dak il-mod? Dawk ma narawhomx fuq l-iskrin iż-żgħir mill-kumdità tal-pultruna, imma jeżistu, u sfortunatament sabu ruħhom offiżi fuq żewġ fronti: l-ewwel mill-karikaturi, u issa mill-ħbieb tan-nar (jew il-ħaddiema ta' l-oskur, kif semmejthom tajjeb int) li magħhom, għarukaża, jaqsmu l-istess twemmin. Ma taħsibx li ta' min nesprimu s-solidarjetà tagħna magħhom ukoll? Veru, dawk m'għandhomx bandiera. Aħjar għalihom. Imma xorta tista' ssib mod biex tagħmilha ċara u tkeċċi ċ-ċpar.

Il-musulmani li jħobbu l-paċi jeżistu. Bil-ħafna. Jekk humiex il-maġġoranza jew il-minoranza ma nafx. Jien iltqajt magħhom u żgur li int ukoll. Il-problema hi li, la ċ-ċwieċ jagħmlu l-aktar storbju, aħna aktarx nisimgħu aktar lilhom, filwaqt li l-paċifisti jittarrxu u jissikktu, bil-konsegwenza li mbagħad ma niftakrux aktar fihom.

Libertà u responsabbiltà

Ħaġ'oħra. Jien fl-ebda mument ma għedt li l-gazzetti ma kellhomx dritt jippubblikaw dawk il-kartuns. Ma semmejtx iċ-ċensura lanqas, u naqbel miegħek li ħadd ma għandu jiddetta x'tista' jew x'ma tistax ixxandar il-midja ta' pajjiż ieħor, jew lil min tista' jew ma tistax tinsulta. Għoġobni ħafna dak li ktibt dwar il-bilanċ tal-libertajiet. Jien ukoll naqbel li l-libertà tiegħi tispiċċa fejn tibda tiegħek u viċeversa. Wara kollox, dan huwa ovvju.

Il-ġurnaliżmu jimplika ċerti responsabbiltajiet, u waħda minnhom hija sewwasew li ma tistimulax jew ma tħeġġiġx il-mibegħda. Naħseb taqbel miegħi li tpinġija tal-profeta Mahoma b'bomba mdeffsa fit-turban tiegħu tista' ġġiegħel lill-qarrej, matur jew mhux, jagħmel u jkompli jagħmel rabta stretta f'moħħu bejn l-Iżlam u t-terroriżmu. Imma x'inhu l-messaġġ ta' dik il-karikatura? Forsi tasal biex tgħidli li hija kwistjoni ta' interpretazzjoni, imma m'hemmx dubju li min skeċċjaha xtaq jgħaddi kumment mill-aktar negattiv dwar it-twemmin tal-musulmani. Forsi għax preġudikat, jew forsi għax jobgħodhom.

Mibegħda kontra mibegħda

Appuntu, jien is-sitwazzjoni nifhimha hekk. Ara din l-analoġija togħġbokx. Żewġ subien, żewġ school bullies li jkasbru u jumiljaw lit-tfal l-oħrajn b'tattiċi differenti, jobogħdu 'l xulxin. Wieħed minnhom għandu dal-ors tal-filpa (teddy bear biex niftiehmu), jgħożżu ħafna għax kien ta' missieru u ilu jżommu kumpanija minn mindu twieled. Darba fost l-oħrajn, il-bully l-ieħor jirfislu l-ors, forsi mingħajr ma ried. L-ieħor jibda jirrabja u jagħmel kjass sħiħ, jgħaqqad il-ponn u jnewwilhulu. Imma biex jurih li ma jibżax minnu, anzi, forsi għax qed jieħu gost jarah jgħajjat u jitgħaddab, ikompli jirfes fuq l-ors ħa jibki aktar. Kif tispiċċa l-istorja ma nafx, forsi jippruvaw jifirduhom xi subien oħrajn jew xi żewġ għalliema (Zapatero u Erdogan? Tgħid ma jisimgħux minnhom?), imma nittama li tispiċċa b'wiċċ il-ġid.

Daqshekk għalissa. Dad-diskors fuq il-libertà tal-kelma u fuq il-mibegħda jgħajjieni. Jinteressani ferm aktar x'taħseb inti dwar l-Ewropa u l-importanza tal-valuri nsara. Ħerqan biex nerġa' naqrak aktar tard ħa nara x'tgħidilna.

Saħħiet u l-jum it-tajjeb.

Il-vjaġġatur 'polifonku'

Kummenti: 3

Anonymous Maria qal/qalet...

Twanny, jien kont nistenna l-poeżija... u issa hemm epistola oħra flokha :-))

7/2/06 09:44  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi Maria. Malli jispiċċa dal-battibekk kordjali, is-skiet...

7/2/06 09:55  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

http://akkuza.blogspot.com/2006/02/meta-jaqa-c-cpar-ii.html

u l-bidla tkompli...

7/2/06 11:51  

Ħalli kumment

<< Home