<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

6.2.06

Dwar normi, valuri, u l-Ewropa tal-mużajk


Il-libertà tal-mibegħda

Rigward l-għagħa li nqala' dan l-aħħar minħabba l-karikaturi ta' Mahoma u l-hekk imsejħa libertà ta' l-espressjoni ftit għandi xi ngħid. Xtaqt ma nagħtix kasu, fost raġunijiet oħra għaliex huwa diskors li jgħajjieni, x'aktarx għax ifakkarni fil-qaħbeċ boarding school tas-subborgi ta' Londra, fejn ir-razziżmu u l-vjolenza –verbali, grafika, fiżika– kienu l-ordni tal-ġurnata. Kwalunkwe pretest kien validu biex dak li jkun jesprimi l-mibegħda tiegħu lejn min hu differenti minnu, jew aħjar, lejn min ma kienx ibati mill-istess marda tiegħu. Għax jien għandi dritt nagħmel hekk u hekk, «it's a free country and I can do and say what I like», u klixejiet oħra ta' dan it-tip, uħud minnhom paradossalment miblugħin minn dak li jkun sema' minn xi films ta' Hollywood dwar il-problema tar-razziżmu.

Free country my arse! Dażgur li l-gazzetti għandhom dritt jippubblikaw insulti, inġurji, insolenzi. U jien għandi dritt ngħid li l-politiku Q huwa mnejjek, li l-opinjonista X nittiena, li l-bloggej Y huwa liba, imma kieku kont ngħid hekk kien ikun għax irrid nesprimi x'naħseb dwarhom u kemm ma naħmilhomx, u mhux bħala dimostrazzjoni tal-fatt li għandi tali dritt.

Logħob tat-tfal. Kif qal Einstein hu u jitkellem dwar in-nazzjonaliżmu, hu marda infantili, hu l-ħosba ta' l-umanità. Fuq naħa u oħra tal-Bosforu rajna u għadna naraw reazzjonijiet eżaġerati –uħud aktar minn oħrajn–, u hawn minn qed jitkellem dwar klaxx ta' ċivilizzazzjonijiet, dwar klaxx ta' valuri, imma li qed nara jien mhux ħlief klaxx ta' preġudizzji u ta' injoranzi grassi. Lil hinn mill-problema tal-libertà ta' l-espressjoni, hija aktar problema ta' mibegħda, ta' pretesti biex il-paladini ta' kull makrosistema ideoloġika, anzi ta' ċerta interpretazzjoni tagħha, jesprimu l-mibegħda tagħhom bl-aktar jew bl-inqas mod inċendjarju.

Normi u valuri

Laqtuni ħafna żewġ asserzjonijiet f'dan l-intervent ta' Jacques. Lil Jacques nammirah għax moħħu jilħaqlu u jaf janalizza tajjeb il-ġrajjiet kurrenti billi jaħseb barra mill-kaxxa, u għalhekk jiddispjaċini meta minflok joħroġ minnha jwebbes rasu u jibqa' ġo fiha. Issa, skond Jacques, fost il-mexxejja spiritwali Musulmani, il-kaos, il-ħruq, il-qtil huma n-norma. Forsi għadni inġenwu, imma jidhirli li din hija ġeneralizzazzjoni mwielda minn preġudizzju. Fil-midja naqraw u naraw ir-reazzjoni vjolenti u spettakolari ta' eluf ta' estremisti, iżda li ma narawx huma dawk il-mullahs li ma jħeġġux għad-dnewwa, għat-tortura jew għat-tqabbid tan-nirien, jew dawk il-musulmani li baqgħu d-dar –u nistħajjilhom ukoll fl-eluf, jekk mhux fil-miljuni– bi kwiethom jew mhux, li jiddispjaċihom mill-insulti tal-karikaturi iżda jiddispjaċihom ukoll mir-reazzjoni ħarxa u qalila ta' dawk li ma jafux x'inhi moderazzjoni u jaqtgħuha li jwieġbu bin-nar, bil-bombi u bit-theddid.

Semmejt il-Bosforu, bħallikieku kien il-punt fejn tibda jew tispiċċa l-Ewropa. Imma kif nafu, id-definizzjoni ta' x'inhi l-Ewropa ma hemmx qbil fuqha u mhux lakemm naqbdu u nfissruha sempliċement skond kriterji personali, anki jekk dawn ikunu maqsumin minn ħafna. Skond Jacques, u għad irridu naraw jekk skond il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-kontinent, li tkun Ewropew ifisser li tkun werriet u depożitarju ta' valuri nsara. U x'inhuma dawn il-valuri? Is-solidarjetà, ir-rispett lejn il-proxxmu, l-umiltà u l-importanza tal-familja bħala l-unità ewlenija tas-soċjetà? Mela dawn il-valuri huma propjetà esklużiva tal-kristjaneżimu jew? Mela ma eżistewx qabel ma Ġeżù ġie msallab, fost komunitajiet li għexu fl-Ewropa u barra minnha qabel is-sena 33 tal-kalendarju Gregorjan?

Jiena nasal biex naqbel li l-wirt nisrani kellu u għad għandu rwol kbir fit-tiswir ta' l-identità Ewropea, imma minn meta 'l hawn il-kristjaneżimu kien l-uniku twemmin li hawn fl-Ewropa? L-Albaniżi m'humiex Ewropej, per eżempju? U l-Lhud Sefarditi, u l-komunità Roma? Jacques semma wkoll il-kostituzzjoni Ewropea u l-ħtieġa li jkun hemm riferenza espliċita għall-wirt nisrani. Fil-fehma tiegħi, jekk fil-preambolu ta' l-imsejkna kostituzzjoni titniżżel l-espressjoni patrimonju nisrani flok patrimonju reliġjuż, dik il-kostituzzjoni li se tolqot lil kull individwu Ewropew kieku ssir esklużiva u mhux inklużiva; mhux biss, iżda naħseb li dik is-sentenza tal-preambolu kieku tikkontradixxi l-artiklu I-52 ta' l-istess dokument:

Artikolu I-52
Stat ta' knejjes u ta' organizzazzjonijiet mhux konfessjonali

1. L-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istat li jgawdu, taħt il-liġi nazzjonali, l-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.
2. L-Unjoni tirrispetta ugwalment l-istatus taħt il-liġi nazzjonali ta' organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.
3. Waqt li tirrikonoxxi l-identità u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom, l-Unjoni għandha żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u dawn l-organizzazzjonijiet.
[it-tipa ħoxna tiegħi]

Jekk jintgħażel il-kliem patrimonju nisrani, ma taħsibx li jkun nuqqas ta' rispett lejn il-proxxmu, lejn dawk l-Ewropej tal-lum, tal-bieraħ u ta' għada li għandhom jew kellhom twemmin differenti, u li b'hekk inkunu qegħdin nimxu kontra l-prinċipji nsara? U ma jidhirlekx li huwa arroganti li tiddikjara legalment li l-Ewropa KOLLHA hija msejsa fuq wirt nisrani, u li l-valuri msemmija huma essenzjalment Ewropej meta jeżistu wkoll f'sistemi ta' twemmin oħrajn, uħud minnhom eqdem minn dik nisranija, bħalma huma, per eżempju, ir-reliġjon Ġudajka, il-Ħinduiżmu u t-Taoiżmu?

Alle Menschen werden Brüder

Għax wieħed (jew waħda) jista' jkun spiritwali mingħajr ma jkun reliġjuż, u wieħed (jew waħda) jista' jkun reliġjuż mingħajr ma jilbes kullana b'salib tal-fidda mtawwal li jispiċċa fejn tibda l-iskullatura, mingħajr ma jkollu effiġji tal-madonna jgħassuh minn fuq il-gradenza, mingħajr ma joqgħod ifettaq f'xi urtext bibbliku, u mingħajr ma jniżżel isem it-twemmin tiegħu f'test b'saħħa legali li jolqot lil kulħadd.

Jiena nisma' l-Odi lill-Ferħ ta' Beethoven u von Schiller, naqra l-fuljetti dwar in-natura u l-għanijiet ta' l-Unjoni Ewropea magħquda fid-diversità, u mingħajr dubju, inħoss ċerta kburija. Għax l-Ewropa li nħobb jien hi l-Ewropa tal-mużajk, l-Ewropa ta' l-elf kulur, l-Ewropa ta' l-integrazzjoni imma tal-pluralità, l-Ewropa fejn li tkun differenti huwa normali, l-Ewropa li ma tippretendix li tkun oqdos mill-bqija tad-dinja billi tfaħħar il-valuri tagħha biex tfaqqar lill-oħrajn.

Iżda hawn min jagħti wisq importanza lin-numru wieħed, lis-singular, lill-għadd waħdani. Kieku xtaqt niġġeneralizza bħalhom kont insejħilhom is-singularisti jew il-waħdanisti, imma ma rridx immur daqshekk 'il bogħod. Nagħmel passejn biss. Bħal min jgħid li xi ħaġa ma teżistix għax kumbinazzjoni qatt ma raha b'għajnejh, jew bħal ħafna nies ta' l-Istati Uniti (li m'humiex l-uniċi Amerikani - fuq l-użu antonomażiku ta' dal-aġġettiv nitkellmu darb'oħra) li jaħsbu li t-tim li jkun rebaħ xi kampjunat sportiv nazzjonali jikkwalifika awtomatikament bħala l-world champions, jew bħal ħafna Spanjoli li mingħalihom l-ikel tajjeb għas-saħħa jittiekel f'pajjiżhom biss porque por allí no saben comer, jew bħal ċertu Peter Pricktoe [sic.; non sic.; sick; żikk], xiħ Ingliż jikteb fil-maltaforum donnu dejjem fis-sakra, jgħid li jħobb pajjiżna u jsostni li l-Maltin kollha jmissna nitkellmu bl-Ingliż BISS u nħallu l-ilsien Malti jmut... Dak min iż-żobb jaħseb li hu??

Għax fl-Ewropa tal-mużajk hemm post għal kulħadd, u post għal xulxin. Hemm post ukoll għall-waħdanisti, basta ma jirnexxilhomx jillivellaw kollox għal forma waħda, għal lingwa waħda, għal twemmin wieħed.

La semmejt il-Bosforu, hawnhekk għandkom il-bidu u l-għeluq ta' silta ta' Battiato jisimha Venezia-Istanbul.

Venezia mi ricorda istintivamente Istanbul
stessi palazzi addosso al mare
rossi tramonti che si perdono nel nulla...

[...]

L'Etica è una vittima incosciente della Storia:
ieri ho visto due uomini che si tenevano abbracciati
in un cinemino di periferia...
e penso a come cambia in fretta la Morale:
un tempo si uccidevano i cristiani e poi questi ultimi
con la scusa delle streghe ammazzavano i pagani.
Ave Maria.

E perché il sol dell'avvenire splenda ancora sulla terra
facciamo un po' di largo con un'altra guerra.


Franco Battiato, Venezia-Istanbul




Post scrotum *

Kont se nagħlaq billi ngħid imbagħad is-skiet, iżda l-bieraħ qrajt din il-ħuġġieġa ta' ċertu Ragonesi fit-Times, u m'hemmx xi ngħidu, inħraqt mill-ewwel:

"If we pursue the trend that our spoken and written words are as suggested by those who want to make a name for themselves, we would then be approaching more the Arabic world, and abandoning our European fundamentals.
Do we want the European Union to start having doubts whether we belong to the old continent or the Arab world? I shall be the first one to strenuously oppose such doubt.
"

Waħdanista ieħor. Dan is-sinjur huwa preġudikat lejn il-lingwisti, preġudikat lejn id-dinja Għarbija, u biex tgħaxxaq, fil-fehma tiegħi għandu idea mill-aktar żbaljata dwar x'inhuma l-«valuri fondamentali» ta' l-Ewropa, għax jidher li ma jifhimx li l-Ewropa tal-lum hija msejsa fuq il-pluralità u fuq l-integrazzjoni. Minflok l-Ewropa tal-mużajk irid jara l-Ewropa tas-soppa, u skond il-messaġġ tiegħu (u l-kuntest li fih inkiteb), min jipproponi forom bħal ewro bil-w jagħmel hekk biex ikun differenti u jiġbed l-attenzjoni - mhux biss, iżda jkun qiegħed «jabbanduna l-prinċipji fondamentali ta' l-Ewropa» !!

L-aktar ħaġa li tgħaddabni, però, hi li jekk niddeċiedi li nwieġbu fl-istess gazzetta, ikolli nikteb ir-risposta tiegħi bl-Ingliż. Għalkemm ta' preġudikat li hu, risposta kieku ma tiswa xejn għax tidħol minn widna u toħroġ mill-oħra, tkun xi tkun il-lingwa li biha tkun miktuba.

Bejn il-moħħ magħluq ta' Ragonesi u l-moħħ magħluq ta' dawk li jipprotestaw billi jqabbdu l-ħġejjeġ fit-toroq ma nara l-ebda differenza.

Insomma. Jien ukoll għandi tendenzi waħdanisti, fejn jidħlu ċerti affarijiet.

Is-skiet ser ikollu jistenna ftit ieħor.


* Terminu introdott fuq il-bloggosfera Maltija minn Jacques, u li nsejt insemmi fil-bloggata Mwejġa

Kummenti: 1

Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

ftaht bl-akkuza
int tajtni risposta,
issa ghandek ir-replique

l-ewwel parti
(ghax gejja bit-twila)
tar-risposta hawn intik:

http://akkuza.blogspot.com/2006/02/meta-jaqa-c-cpar-i-libert.html

6/2/06 11:38  

Ħalli kumment

<< Home