<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

25.1.06

Mwejġa




Jeżisti tip speċjali ta' sbuħija li titwieled fil-lingwa, mil-lingwa, u għal-lingwa.
Gaston Bachelard

Huwa sforz innovazzjonijiet bħal dawn li jistagħnew l-ilsna, meta l-kliem jiġi addottat mill-kotra, u bis-saħħa tad-drawwa jsir naturali.
Miguel de Cervantes




Fl-intervista tiegħu mal-Malta Today, il-Prof. Manwel Mifsud saħaq fuq l-importanza tal-kreattività populari fit-tfassil u fl-evoluzzjoni tal-lingwa. Semma per eżempju l-ħolqien tat-terminu karta saħħara, u kif tafu, semma wkoll ir-realtà tal-'bloggin', li l-KNM isegwiha mill-qrib kif ukoll mill-bogħod. Mhux ta' b'xejn, għax il-preżenza tal-Malti (miktub tajjeb) fuq l-eteru għadha limitata, u fejn jidħol l-iskambju ħieles ta' ideat, lil hinn mill-bloggosfera –li André Rizzo darba sejħilha zuntier virtwali– il-panorama tista' tgħid m'hijiex wiesgħa daqskemm wieħed forsi jixtieq.

Bloggin jew bloggejja, ftit jimporta, għax s'issa ntużaw it-tnejn. Darba minnhom, f'Ġunju tas-sena li għaddiet, skoprejna li l-plural bloggin deher miktub fuq stiker imwaħħal ma' tieqa ta' Dardar Malta ġewwa Brussell (araw ir-ritratti). Minbarra dal-kriminal misterjuż, il-forma bloggin użawha wkoll il-Gybexi, Antonio, id-d, u jiena stess. Imbagħad inxterdet il-forma bloggejja (skond il-Gugil kien Mark li użaha għall-ewwel darba, segwit ftit wara minn Immanuel), li l-lum tidhirli aktar loġika: kieku s-singular ta' bloggin kif jiġi?

Skond dan il-glossarju ta' Rebecca Cefai u Immanuel, min jibbloggja huwa bloggej (mhux blog gay !). Il-kelma blogg, bid-doppja, inħolqot minn Mark fl-ewwel bloggata tiegħu, u jekk niftakar sew, kien Pierre li ħareġ bit-terminu bloggata. Id-diversi forom plurali possibbli tal-kelma blogg, kif ukoll il-konjugazzjoni tal-verb (i)bbloggja ddiskutejniehom hawnhekk. Fejn ma tantx kien hemm qbil kien dwar l-użu tal-kelma blogg mal-pronomi mehmużin: Jacques biddel is-sess tiegħu (tal-blogg, mhux tiegħu nnifsu) billi daħħal it-t marbuta u ħoloq il-forma bloggti; kumbinazzjoni nsibu eżempju ieħor fil-blogg ta' Mario; lili għoġbitni, ħallejt lili nnifsi nintrikeb mill-entużjażmu u mill-idea li l-irregolarità żżejjen lil-lingwa, u fuq il-mudell tal-partijiet tal-ġisem bit-Taljan azzardajt nissuġġerixxi li l-ġens tal-kelma blogg jinbidel malli jinhemiżlu pronom; Immanuel ikkoreġini malajr, u qbilt miegħu. Xorta waħda –u ma ninsewx li minħabba n-natura essenzjalment spontanja u dinamika tal-bloggs il-kliem frisk għandu ħabta jiżilqilna minn bejn subgħajna– xahar wara l-korrezzjoni Mark uża l-forma bloggtu... Ifhmuni, ħadd m'hu infallibbli lanqas fejn jidħol it-tħaddim tal-lingwa... anqas u anqas jien, li mhux rari nitbiegħed mil-loġika mqaddsa tagħha. U l-Malti tiegħi għadu iebes.

Insomma, mill-iżbalji nitgħallmu dejjem, u nkomplu mixjin. Fuq il-mudell ta' bloggata issa għandna wkoll il-kelma poddata, li togħġobni wisq. X'int tagħmel bħalissa, Toni? Jaqaw qed tippoddja?

Fost termini oħra maħluqin b'referenza għad-dinja tal-bloggejja nsibu il-mgħadd –nom mimmat–, li x'aktarx jista' jasal biex iħassibna meta nkunu qegħdin inħabbtu wiċċna mal-blokk bloggarju. Mark, li bħalissa mid-dehra jinsab għaddej minn din il-kundizzjoni, sab duwa li hija xuwa billi ta tifsira sekondarja lill-banana.

Rajna wkoll l-istrixxikli ta' Mikiel, li f'kitba eċċellenti dwar il-qagħda tal-Malti ħareġ ukoll bil-verb (i)ppappagalla. Il-bloggata li qed insemmi hija kemmxejn fatalista, iżda wara d-diżappunt ta' l-ewro, ftakart f'din:

«Il-Malti fid-dinja moderna ma jitħalliex jikber kif suppost tikber kull lingwa oħra li tiftaħar bil-libertà tal-ħsieb, għax il-kultura tal-poter lokali tirrikjedi xort’oħra. Meta tara li l-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż, bil-korp tal-pulizija b’kollox, l-aġenziji tal-ħidma soċjali u sa anki l-għaqdiet voluntarji illum jamministraw ruħhom prinċiparjament b’ilsien ieħor flok dak nazzjonali, jaqbdek il-biki jew id-dardir meta tisma' 'l min jgħid li l-Malti hu l-ilsien nazzjonali. Dawn kollha huma sintomi li d-dudu daħal wisq ‘l ġewwa. U l-onorevoli Louis Galea flimkien mal-prim ministru wara dan iż-żmien kollu ta’ tnikkir u tlajjar, qed jipprova jinfaxxa l-ferita li kkankrat. Imbagħad jittamagħna bis-sangral li ilsienna ingħażel bħala wieħed mill-ilsna uffiċċjali fl-UE. X’ironija, il-Malti, ilsien uffiċċjali fl-Ewropa meta f’pajjiżna mistkerrah u degradat fejn tidħol l-uffiċċjalità».


Lil hinn mill-metalingwaġġ, il-bloggosfera wriet u għadha turi ruħha bħala għalqa għammiela ħafna għall-ħolqien ta' kliem u espressjonijiet ġodda, kważi dejjem marbutin mal-kuntest tas-soċjetà Maltija, iżda mhux biss. Wara li skoprejt il-bloggijiet permezz tal-Wikipedja, fl-ewwel intervent tiegħi ssuġġerejt l-espressjoni l-ħarba ta' l-imħuħ ('brain drain'). Il-Prof. Mifsud jippreferi jsemmiha l-ħatfa ta' l-imħuħ, imma dik storja oħra. Jekk m'iniex sejjer żball –għax qalbi tgħidli li diġà kienet tintuża qabel avolja forsi ma kinitx daqstant mifruxa– Sharon ikklassifikat lill-maħrubin u l-maħtufin bħala l-Maltin ta' barra, li tat lok għad-dikotomija ta' ġewwa / ta' barra. U meta Malti ta' barra jsir aktar ta' ġewwa, forsi tista' tgħid li jitmallat, mill-għerq MLT. L-ewwel tifsira ta' dan il-verb ovvjament hija li 'titħammeġ' jew 'issir biċċa ċarruta', u figurattivament, kif darba qalilna seħibna tax-xifer, forsi jista' jfisser ukoll li tiġġaħħan. Ta' min ma nkunux daqshekk ħorox, imma ta' min nammettu wkoll (jien l-ewwel wieħed) li nissieltu kemm nissieltu biex inżommu moħħna miftuħ, il-preġudizzji ma naqsux milli jkunu esposti fil-bloggati tagħna. Waħda mill-ħafna affarijiet li tgħallimt mill-bloggosfera hi li huma l-preġudizzji, li huma wkoll għażliet konxji, li jagħmluna dak li aħna.

Ma fiha xejn ħażin, wara kollox. F'dik li għalija kienet speċi ta' epoka tad-deheb tal-bloggosfera Maltija, rajna l-elit liberali (by courtesy of his excellence Mr. Tonio Borg), l-elit krepuskolari, l-elit ġenerali u l-elit normali. U l-wankellettwali, li skond Jacques jippruvaw jagħmluha ta' l-intellettwali, jaqraw letteratura insipida, u s-soltu jkunu komunisti li ma jistħux milli jmorru jieklu għand il-McDuh!nald. U għadni ma nafx xi jfisser it-terminu 'wishy-washy socialist' kif jużah l-istess akkużatur. Wieħed li jħobb jaħsel xewqatu? Boqq... U l-onaniżmu u s-soċjaliżmu x'għandhom x'jaqsmu ma' xulxin?

Żgur wieħed mill-aktar mumenti divertenti ta' l-aħħar ftit xhur kien meta l-Gybexi qabbel lit-tant maħbuba opinjonista DCG ma' borża ċips: «ta' Bertu's Takeaway - fejn il-frites huma l-intelliġenza u ż-żejt hu x-xaħam ta' l-'islimizzar' u preġudizzji tipikament 'haughty' u pretenzjużi tal-pepe. Int trid iċ-ċippa biss imma ser issibha indurata u tqattar biż-żejt tal-preġudizzji». Innutaw il-kelma slimizzar... u David, attent bħal dejjem, ħa spunt minn dan il-paragun ħelu (jew mielaħ) u ttraduċielna t-terminu 'le fritisme' bħala ċ-ċipsiżmu. Bex kien ħareġ ukoll bil-kelma 'lumpenbourgeoisie', li mbagħad ġiet immalteżizzata (jew tmalltet) bħala lumpenborgeżija.

Xi kliem u espressjonijiet oħra li ħriġna bihom:

- Iċ-ċelebri 'navel-gazing' li kultant titfaċċa fl-ittri li jintbagħtu lill-gazzetti ġiet tradotta b'diversi modi: «niċċassaw lejn żokritna»; «jilgħaq żokortu»; jien użajt l-idjoma dawra maż-żokra; b'sinifikat daqsxejn differenti, forsi aktar masokista, Ereżija u l-Imżebbel jħobbu jgħidu «niffanga fil-jien», waqt li jien, f'sunett egoċentriku għall-aħħar, għażilt «nitmiegħek fil-jien». U aktar tard, l-eżistenzjalista tan-nirien ħoloq l-espressjoni «stħarriġ il-jien».

- Darbtejn minnhom, hu u jitkellem dwar kif ta' spiss l-aħbarijiet ma jkunux ħlief sensiela ta' avviżi dwar x'għamel kull ministru tal-Kabinett, Antonio qaleb 'press release' bħala «agħfas erħi», traduzzjoni li għadha taqsamni bid-daħk sal-lum. Ħareġ ukoll bil-kelma ġenjalata (ma tinsabx fid-dizzjunarji), li użaha wkoll Nigredo; u b'referenza għall-kunċert ta' l-Aussie Floyd li kellna s-sajf li għadda, Antonio ħoloq il-kelma kangarunata. F'dal-kunċert rajna wkoll lill-Burdati Xitwija, li l-mużika tagħhom, bi ftit eċċezzjonijiet, fil-fehma tiegħi hija daqsxejn imġobbna ('cheesy'), biex nuża kelma li biha Nigredo ddeskriva d-djalogu tal-film "Anġli".

- Rajna l-Hawnropa, li mbagħad saret l-Awropa (imfissda skond Ereżija). U kellna wkoll l-Evropa, it-tema ta' l-aħħar bloggata ta' Tgedwid. Issa Immanuel għażel li jikteb f'blobb, kelma li togħġobni għax tinstema' onomatopejka u jidhirli li tirrappreżenta sew l-ispontanjetà u dik iċ-ċerta irregolarità tal-bloggs, fejn il-bloggati jitfaċċaw sobtu, filli tkun qed taqra waħda filli tkun qed taqra oħra li tidfen ta' qabilha, u qatt ma tista' tobsor għal meta l-bloggata li jmiss.

Fuq il-blogg tal-Gybexi rajna wkoll il-blobbitettura, li m'għandha x'taqsam xejn mal-blobb ta' Immanuel, ħlief forsi dik ix-xbieha ta' xi ħaġa li tidher meta l-inqas tkun qed tistennieha.

[NB: Din il-biċċa li ġejja ttieklet il-bieraħ mill-Blogger mingħajr ma ndunajt]

- Ma ninsewx il-kliem Franċiż li qed jagħni l-lingwa Maltija fost il-maħrubin u maħtufin li tajjeb jew ħażin sabu ruħhom Pariġi, Brussell u l-Lussemburgu: id-dexetti jintefgħu ġol-pubell; tirkeb it-trejn mill-garr, imma attent għas-saluppi; u ġib l-adisjonn għax ġejjin il-Maltiiinne u rrid naħrab 'l hemm. Savà?

- Fl-aħħar u żgur mhux l-inqas, u f'livell aktar ludiku, għandna l-isfikronisti li jirrappurtaw l-avventuri tad-dea l-għamja u ta' kull min miskin jintlaqat minn xi sfiga. Tant hu wiesa' l-vokabularju tal-Bollettino li jistħoqqlu glossarju għalih. Imma dan xogħol għal snien Ġakbu. Is-sur Sfigho, bħal bosta bloggejja oħrajn, huwa konxju ħafna tar-realtà lingwistika; tant hu hekk li f'kumment li ħalla fuq Xifer wara li Mark kien ipprovda glossarju ta' espressjonijiet sempliċi bil-Malti li għandna nużaw fit-taħdit ta' kuljum minflok l-ekwivalenti Ingliżi, qal hekk:

«Ninghacdu mieghec b'sens solidali f'dina il Crociata ghal Malti taiieb, ahna tal-bollettin li ilsienna uisch chieghed ghal calbna (stramba din is-sentenza... tipo xofftejna qeghdin ghal costilii).
Pero nibqa incazzat li f'ilsienna m'ghandniesc chelma fissa ghal "Hello" u li dina tvaria ghal chull circostanza minn "Merhba" ghal "X'ghandna" ghal "Haun scbin" ghal "Min izzobb kellmech".»



Issa għala mwejġa bħala t-titlu ta' dil-bloggata? Mwejġa hija proposta terminoloġika sfigata –ċajta, s'intendi– għal 'majkrowejv', li darba tfajt f'kumment fil-blogg tal-Gybexi. Rizzo kompla miegħi u ħareġ bil-kelma rmidiera, li fil-fehma tiegħi tista' taqdina għax permezz tas-suffiss -iera tinftiehem mingħajr problemi:

«L-irmidiera qiegħda fuq l-imwejġa... newwilhieli.»

Imma l-kelma mwejġa se nużaha b'skop differenti. Naħseb qbilna li t-tfaqqis tal-bloggijiet Maltin mhijiex xi rivoluzzjoni. Kien hemm min sejħilha moda, u x'aktarx morna pass aktar 'l hemm. Jien ma nafx, iżda nittama li issa li d-dinja tal-bloggs ilna li drajnieha sew inżommu r-ritmu, anki jekk (kif sewwa qal il-Gybexi l-ġimgħa l-oħra) m'aħniex magħquda daqskemm forsi konna xi sitt xhur ilu. Qed ngħid magħquda fl-attività, f'proġett li fl-istess ħin huwa wieħed u plural, allaħares naqblu f'kollox. Anki meta nitnejku u nitkellmu dwar ċuċati. Jalla l-kitba Maltija fuq l-eteru tkompli titkattar, għalkemm għandi suspett –u huwa biss suspett– li wara sena jew sentejn inkunu xbajna, u kull wieħed jispiċċa jinkanala l-kreattività spontanja tiegħu band'oħra. Ma jimportax: jekk din tal-bloggosfera hija biss mewġa, jew mwejġa, ejjew inkomplu nagħtu ż-żewġ ewroċenteżmi tagħna biex ikompli jissaħħaħ u jistagħna bil-ftit il-ftit il-Malti.

Xi sitt xhur ilu Pierre qaleb għall-Malti, u Jacques beda jikteb bloggati bil-Malti kull nhar ta' Sibt. Nies, kif diġà għedt meta ktibt lil Ivana, nemmen li hawn Malta, il-lingwa tal-futur m'hijiex l-Ingliż. Il-futur huwa bilingwi, imma aktar milli Ingliż, il-futur huwa Malti. U b'dal-kontribut umli tagħna –għalkemm forsi mhux umli biżżejjed–, aħna, il-bloggejja Maltin, qegħdin ngħinu biex infassluh.

Kummenti: 14

Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

Tajba din il-bloggata Twan. Tajba wisq.Xi punti zghar li tqajmu jisthoqqilhom kjarifikazzjoni:

"il-blobb" nahseb li huwa omagg u riferenza ghall-programm satiro-politiku taljan bl-istess isem prodott minn Antonio Ghezzi... imma forsi jghidlek iktar dwar dan Immanuel.

"wishy-washy socialist" hija riferenza ghal bicca Stand-Up Comedy ta' Rowan Atkinson intitolata "Conservative Party Conference" fejn jigbed saqajn il-konservattivi billi jaghmilha ta wiehed minnhom li qed jiddeskrivi is-socjalisti mibgheda ("Then we can of course return to the wishy washy socialist niggerloving left wing commy ways ." hija il-quote ezatta).

Dwar blog u l-ghaqda nahseb li kullhadd sab triqtu. Minkejja il-kategorizzazzjoni inutli li ippruvajna naghmlu fil-bidu - inqsamna wahidna. Hemm blogs politici, blogs letterarji, blogs satirici, blogs ta' djarju personali, blogs teknici, blogs komici u blogs godda. Hemm min bhali jahseb li bloggtu hija state of the art u hemm min jahseb li l-blog huwa aside zghira fir-recta tal-hajja.

Imma nahseb li il-blogs qieghdin hawn biex jibqghu ghal xi ftit iehor zgur... Sadattant j'accuse qed joqrob l-40,000 qarrej u l-ewwel sena ta' bloggati (10 ta' Marzu).

U bilhaqq... Sibtijiet Flimkien ma johrogx biss-is-Sibt... minkejja l-isem!

25/1/06 10:42  
Blogger Erezija qal/qalet...

Bloggata mill-aqwa din. L-istudju storiku tal-blogosfera Maltija bdiet!!! Imma korrezzjoni żgħira: Meta Gybexi irrifera għall-lumpenbourgeoisie, ma kinitx xi invenzjoni tiegħu, kif tista' tara minn din id-definizzjoni:

http://www.answers.com/topic/lumpenproletariat

25/1/06 11:47  
Blogger gybexi qal/qalet...

- madunna santa daqs xiex fiha. la jkolli gimgha naqraha... anzi ha nibda issa ha la qieghed bil-leave :)

- lumpenbourgeoisie minghalija jien ivvintajtha imma setghet kienet wahda minn dawn il-kliem li tisma xi darba u tinsa u meta terga ssemiha ma tirrealizax li kont smajtha qabel x'imkien... bhal meta gieli ikollok kelma ma tkunx taf ezatt xi tfisser jew kif tuzaha imma meta tuzaha tuzaha sew, jew issuq rota, jew tghum, jew...

Insomma, jien lumpenproletariat (li OVVJAMENT hu l-muddell u r-referenza fuq xiex ibbazajt il-kelma tieghi... anzi l-kelma lumbenbourgeoisie kienet tahdem fuq intertestwalita' u li dak li jkun ikun diga familjari mal-kelma lumpenproletariat minn qabel) qed nara f'dak is-sit li semmejt int.

25/1/06 12:39  
Blogger Erezija qal/qalet...

iva, għandek raġun. Sori.

25/1/06 13:14  
Blogger david qal/qalet...

Sabiha din Twanny.

Kont bdejt nittraduci xi siltiet minn L'Egoiste Romantique imma kont wehilt f'din:

Caroline, 22 ans:
- A 18 ans, je passais mes journees a rever d'amour. A 22, je passe mes nuits a le faire.

Nispera li l-bloggejja Maltin ma jdumux ma jsibu s-soluzzjoni. Ghadni bla risposta sa llum. Hasra.

wara "bloggata" u "poddata" ghaliex mhux:

Xiferata (terminu letterarju li permezz tieghu wiehed isemmi certi ittri bhal 'A', 'T' jew 'S', biex johloq sens ta' misteru u/jew senswalita')

Zerafata (majjalata ta' ikel Franciz)

25/1/06 14:54  
Blogger Arcibald qal/qalet...

Tajba Twan... u ghandi zewg ewrocentezmi. Il-bicca tan-'navel-gazing' kienet bdiet, jekk niftakar sew, wara li Fausto kien iddeskriva lili u lill-ghaziz blogg tieghi b'dan il-mod:

"Occasionally he moans too much but unlike other bloggers who resort to obscure navel-gazing as some sort of indication of existential depth, Antonio remains an enjoyable, comprehensible and unpretentious read."

Il-link qieghed hawn: http://malta9thermidor.blogspot.com/2005/08/its-over.html

Ghallinqas xi hadd jiehu gost jaqra l-blogg... jekk ghadu, ha nghidu hekk!

Barra minn dan nahseb li z-zmien li nippruvaw nikklassifikaw il-bloggijiet issa spicca, ghar-ragunijiet li:
1. hemm wisq ifaqqsu u jispiccaw regolarment, u qisu ma jaghmilx sens li nippruvaw naghmlu xi haga definittiva minn xi haga hajja li qeghda dejjem tinbidel
2. ghalkemm vera li hafna mill-bloggijiet ghandhom stil partikulari, nahseb li dawn mhux limitati ghal stil wiehed bhal ma jigri fil-gazzetti u l-midja stabbiliti. Jien, ezempju, nikteb bloggata politika u satirika, warajha wahda dwar il-karozzi li ma nifhimx fihom u li nixtieq nixtri, u wara dwar muzika u s-cd l-gdid li ghadni kif rrekordjajt. Mhux facli titfani f'toqba ta' guva (pigeon-hole) nassumi!

Insomma proset ghal darb'ohra u zommha l-fuq!

25/1/06 19:28  
Blogger Fausto Majistral qal/qalet...

Twan, il-vokabularju kkreat deliberatament dwar il-bloggijiet m'ghandu x'jaqsam xejn ma holqien ta' termini b'mod popolari. Kemm taf issemmi kliem mahluqa ricentement li bhal "katra sahhara" feggew b'mod "naturali" fil-lingwagg?
Nahseb li l-poplu Malti tghazzen u meta jehel fuq isem ta' xi haga jirrikorri mill-ewwel ghall-ingliz.

25/1/06 19:31  
Blogger Pierre J. Mejlak qal/qalet...

Prosit, Twan. Ghamilt bicca xoghol tajba hafna hawn.

"Xiferata" kbira wisq! :)

26/1/06 13:48  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Din it-tip ta' bloggata li trid titfa' link permanenti għaliha fil-ġenb tal-blogg ħa tibqa' hemm bħala referenza!

26/1/06 17:13  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi ħafna, nies. Inweġibkom fit-tul aktar 'il quddiem.

Sadanittant - Fausto, kont appik li naqbel miegħek, imma trid tqis li f'għajnejn il-lessikografi, it-terminologi u dawk li jfasslu l-politika lingwistika, anki jekk il-blogg huwa mezz essenzjalment miktub, il-ħolqien ta' kliem ġodda bħal dawk li elenkajt hawn fuq huwa fenomenu populari. Jewwilla l-bloggejja m'aħniex parti mill-poplu?

Kelmtejn dwar l-evoluzzjoni "naturali" tal-lingwa: xi mkien, xi darba, xi ħadd joħroġ b'xi kelma ġdida f'leħħa ta' berqa, il-kelma tingħoġob, taqbad art u trabbi l-għeruq. Bosta kelliema x'aktarx ma jkunux konxji ta' dan il-proċess għax il-kelma mbagħad għoddha tieħu ħajja għaliha: hu dan it-tifrix li huwa 'naturali', imma l-ħolqien tal-kelma jidhirli li dejjem ikun deliberat. Wara kollox, bħall-bniedem, il-kliem ma jitwelidx waħdu!

26/1/06 23:13  
Anonymous Maria qal/qalet...

Antoine,
Niftakar li għall-Grieg jeżisti xi dizzjunarju tan-neoloġiżmi fejn tista' ssib min ikkrea xi kelma jew oħra u meta kkreaha. Jekk joħroġ ktieb bħal dan għall-Malti ser issib postok fih int ukoll :-)!

Naħseb li l-ktieb imsemmi huwa tan-neoloġiżmi qodma li ġew kkreati wara t-twaqqif tal-istat Grieg, meta in-nuqqas ta' terminoloġija kien enormi. Għadu ma kienx hemm, pereżempju, terminu għall-"kultura"!! Imma llum meta nitkellmu dwar il-"politismos", ħadd ma jinduna li dan neoloġiżmu! Iżda hemm ukoll ħafna neoloġiżmi li ħadd ma jiftakar l-eżistenza tagħhom, għax qatt ma ntużaw mill-poplu. Il-bnedmin kollha huma kapaċi jikkreaw kliem ġdid skond il-bżonn biex jesprimu ruħhom, imma l-Istorja biss taf tiddeċiedi fuqu!

Jiena żgura li l-lingwi aktar "żviluppati" kollha kellhom jgħaddu mill-fażi tan-nuqqas kbir. Xi 300 sena ilu l-Ġermaniż, pereżempju, kien lingwa "tal-kċina". In-nobbli kienu jintgħallmu bil-Franċiż, il-borgiżi bil-Latin. L-iskejjel fejn it-tagħlim kien isir bil-Ġermaniż kienu ddestinati kważi għall-bdiewa biss...

Grazzi tal-kollegament għall-intervista mal-Professur Mifsud. (Ħeqq, m'iniex se nibagħtu lill-forum tal-kolonjalisti tad-dwejjaq, għax m'hemmx bżonn ta' fantażija biex nimmaġina x'kien ikun hemm kummenti ;-).)

Idejjaqni ħafna dak li semma, jiġifieri, jekk niftakar sew, li l-istudenti Maltin, meta ma jkunx jafu xi kelma Ingliża, jistħu minn dal-fatt u jmorru d-dar biex ifittxuha fid-dizzjunarju, waqt li ma jistħu xejn mill-kliem Malti li ma jafux. Għala?? Kieku Malta kienet kolonja Olandiża, konna naqraw l-ħmerijiet ta' DCG bl-Olandiż??? Boqq!... Illum smajt xi ħaġa oħra li dejqitni ħafna. F'xi webkast dwar l-arti viżivi l-preżentatur jgħid li hemm diversi artisti interessanti li wieħed ma' jistax jistedinhom, għax m'humiex kapaċi jitkellmu dwar xogħolhom b'Malti aċċettabbli! Ħeqq, waħda mill-poeżiji magħrufin ta' Seferis tgħid li "kull fejn immur, il-Greċja tweġġagħni". Malta għadni ma żorthiex, imma diġà qed tweġġagħni...

Il-lejl it-tajjeb
Maria

27/1/06 02:06  
Anonymous Maria qal/qalet...

wara t-twaqqif *ta'l-istat* Grieg, meta *n-nuqqas*...

Skużani ;-)

27/1/06 02:18  
Blogger Robert Micallef qal/qalet...

Just put a link on WT to your excellent post. well done. I propose the word 'Bloggerija'..could it be the best Maltese translation for blogging?

28/1/06 00:20  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

"Skond dan il-glossarju ta' Rebecca Cefai u Immanuel"

All the credit has to go to Immanuel for that - I wrote in English and he did the translation into Maltese. I was very impressed with how he managed to do it!

Rebecca.

28/1/06 11:13  

Ħalli kumment

<< Home