<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\07511862797\46blogName\75Triq+il-Maqluba\46publishMode\75PUBLISH_MODE_BLOGSPOT\46navbarType\75BLACK\46layoutType\75CLASSIC\46searchRoot\75http://maqluba.blogspot.com/search\46blogLocale\75en_GB\46v\0752\46homepageUrl\75http://maqluba.blogspot.com/\46vt\758115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

8.1.06

ewro, bil-w


Bħalma żgur tafu, l-isem li tressaq mill-Kunsill Nazzjonali ta' l-Ilsien Malti għall-munita Ewropea ewlenija huwa ewro, bil-w. Din l-għażla saret wara konsultazzjoni wiesgħa u studju serju. Il-w mhijiex kapriċċ, u, faċli kemm tista' tkun faċli torbot din l-ittra ma' ċerta idea ta' «kburija nazzjonali», ta' min wieħed jisħaq fuq il-fatt li din hija kwistjoni purament lingwistika.

Kif tistgħu taqraw fir-Rapport imħejji mill-Kunsill, ġew ikkunsidrati l-possibbiltajiet kollha. Ir-raġuni l-għaliex intgħażlet il-forma ewro hija sempliċi.

Ħa naraw l-ewwel l-għażla tal-kelma (mitkellma) :

L-għażla tal-kelma

Bħalma jiġri dejjem fil-każ tal-lingwi l-oħra, l-isem tal-munita Ewropea ewlenija għandu joħroġ mill-pronunzja ta' l-ewwel żewġ sillabi ta' l-isem ta' l-Ewropa fil-lingwa li tkun (bħall-Ingliż
euro minn Europe, it-Taljan euro minn Europa
, eċċ.).

B'dan il-kriterju jinqatgħu barra l-forom kollha ppronunzjati la Ingliża (jurow, juro, eċċ.), anke jekk hemm xi Maltin li bħalissa qed jużawhom. Il-kelma ewro tibqa' l-unika għażla possibbli.
(pġ. 2)


Aktar tard naraw l-għażla tal-kitba, jew ortografija:

L-għażla tal-kitba

Il-forma Maltija għandha ssegwi r-regoli ta' l-ortografija uffiċjali Maltija. Dan il-prinċipju jgħodd għal kulma jinkiteb bil-Malti.

Issa l-ortografija Maltija ma tippermettix eu ħdejn xulxin ħlief meta dawn ikunu ppronunzjati bħala żewġ sillabi differenti, jiġifieri
e-u (eż. ateu, eċċ.). Dan mhuwiex il-każ ta' ewro, fejn ew-
tikkostitwixxi sillaba waħda.

Kull meta
eu- ta' l-ilsna Ewropej (ippronunzjata b'sillaba waħda) tinstab fil-Malti, din tieħu dejjem il-kitba ew- (Ewropa, ewfemiżmu, ewkaristija). (pġ. 4)

Id-diskussjoni mbagħad tkompli. Inħajjarkom taqraw l-istqarrijiet li jinsabu fil-paġna 6, relevanti għal kull min jipproponi l-forom issuġġeriti mill-Kunsill fil-fora Ewropej. Se nikkopja biss l-aħħar waħda:

It-tama tagħna hi li din l-attitudni [li trid tillivella l-forom lingwistiċi kollha għal forma waħda] tingħeleb, b'rispett lejn il-karattru individwali ta' l-ilsna differenti, li l-UE tant hija attiva fil-promozzjoni tad-diversità tagħhom. (pġ. 6)

Jewwilla l-pajjiżi l-ġodda ta' l-UE, jew l-iżgħar pajjiżi, jew dawk il-pajjiżi b'lingwa differenti ħafna minn dawk ta' nisel Rumanz u Ġermaniż, għandhom jaċċettaw speċi ta' status sekondarju u jħallu lill-pajjiżi l-qodma / il-kbar imexxuhom minn imneħirhom, kif jixtieq Nicolas Sarkozy? Noqgħodu attenti: kif diġà għedt, din mhijiex kwistjoni ta' kburija. Imma fl-Ewropa tad-diversità ma jistax ikun hemm trattament preferenzjali (il-fatt li r-Renju Unit għadu jirċievi r-rebate u li Franza tirċievi l-akbar ammont ta' għajnuna għall-biedja huwa storja oħra). S'issa aħna 25 stat membru, u mhux xi erba' pajjiżi mdawra minn qabda kolonji. Barra minn hekk, jien ma nemminx li l-munita għandu jkollha isem wieħed biss, għax l-idea ta' l-Ewropa tistrieħ fuq il-pluralità.


ewro, bl-e inizjali żgħira, u bil-w. Din hija l-forma mressqa mill-KNM. Jista' jkun li l-gvern ma jappoġġjax lill-Kunsill, u f'dak il-każ iva, ikun jidħol element ta' kburija għax ikollna niddefendu l-għażla tagħna li tirrispetta l-integrità tal-lingwa Maltija. Għax ma rridux inkunu poplu bi lsien u mingħajr vuċi.

Kieku kienu jintgħażlu l-forom jurow u sent minflok ewro u ċenteżmu (jew ewroċenteżmu meta jkun hemm possibbiltà ta' konfużjoni mal-munita Maltija, skond il-kuntest), kif jispjega r-Rapport fil-paġna 4, in-numri Maltin aktarx tkompli tingħatalhom id-daqqa tal-mewt.

L-għażla naturali, dik li l-aktar taqbel ma' l-ortografija Maltija, hija ewro. Hemm xi ħaġa stramba f'dan kollu?

S'hawn kollox sew. B'xorti ħażina hemm xi wħud li qegħdin juru reżistenza qawwija għal dawn l-ismijiet per prinċipju, jew għax ma għandhomx demm ma' akkademiċi, jew għax għandhom imsammar f'moħħhom dak l-istereotip tal-lingwisti bħala nies rashom iebsa, nazzjonalisti ferventi 'l bogħod mir-realtà tat-toroq. Jew inkella għax il-Malti ma jħobbuhx, jippreferu jitkellmu bl-Ingliż, u fl-aktar każi estremi, jitmellħu bil-kelliema tal-Malti għax iqisuhom ċwieċ. Lil min jaħseb hekk nagħdru, jekk inhu hekk imdorri. U ma ntihx tort sa barra, għax biex tibqa' f'siktek, aktar u aktar f'soċjetà polarizzata, nitfa ċiniżmu tkun tridha. Kull professjoni għandha l-istereotipi tagħha, inkluż dik ta' l-avikoti {għamża lil seħibna Zemploid ;-) } ... imma jidhirli li wieħed għandu jipprova jżomm moħħu kemm jista' jkun miftuħ.

X'taħsbu? Tista' tagħti l-opinjoni tiegħek fil-votazzjoni li tidher mal-ġenb.


APPELL: Ejjew ma neżaġerawx 'il-kunflitt'. Fil-gazzetti tal-lum ħarġu żewġ artikli tajbin ħafna dwar il-kwistjoni ta' l-ewro. Fil-Malta Indipendenti dehret intervista mal-Prof. Mifsud, President tal-KNM. L-idjoma tat-titlu, «NCML sticks to its guns», naħseb li setgħet ġiet evitata. Nirrikmanda wkoll din il-kitba ta' Charles Flores, għalkemm ma nemminx li hemm bżonn inkunu daqshekk ħorox.

Biex nikkonvinċu, il-kwistjoni rridu nirbħuha bil-kelma t-tajba, bil-pinna u mhux bix-xabla. Ejjew inkunu sereni: ir-raġuni ma tridx forza.

---

La nkunu qbilna fuq l-ismijiet, jien kieku mmur pass iktar 'l hemm. Xi xahrejn ilu fuq il-bloggosfera Maltija ddiskutejna daqsxejn is-simboli li jkunu jistgħu jidhru fuq in-naħa nazzjonali tal-munita Ewropea. Araw dawn il-muniti tal-Greċja:

Kif qed taraw, billi fuq in-naħa komuni ta' l-ewro tinqara l-kelma EURO, in-naħa nazzjonali ta' l-ewro Grieg turi l-isem korrispondenti fil-lingwa ta' dan il-pajjiż. Ovvjament dan kien meħtieġ għax il-Grieg juża sistema alfabetika differenti minn dik tal-pajjiżi l-oħra; iżda l-muniti Griegi m'humiex waħedhom. Araw dawn iċ-ċenteżmi Awstrijaċi:

Funf euro cent, Zwei euro cent, Ein euro cent... fuq iċ-ċenteżmi Awstrijaċi mhux biss jidhru n-numri u isem il-munita, iżda wkoll in-numri miktubin bil-Ġermaniż!

Min jaf kieku fuq il-muniti ta' l-ewro Maltin, apparti s-simboli li jkunu jintgħażlu, jidhru n-numri miktubin bil-Malti? B'hekk kieku joħorġu l-ittri kollha li għandhom sinjal dijakritiku (ċ, ġ, ħ, ż):

ċenteżmu
żewġ ċenteżmi
ħames ċenteżmi
għaxar ċenteżmi
għoxrin ċenteżmu
ħamsin ċenteżmu
ewro
żewġ ewro

Mhux biss, imma billi n-numri Maltin ġejjin mill-Għarbi, dawn il-ftit kelmiet ikunu simbolu ta' lsienna bħala l-uniku wieħed Semitiku fl-Unjoni Ewropea. In-numismatiċi li diġà jħallsu flus tajba biex jiksbu l-muniti tal-Finlandja, tal-Vatikan, Monaco u San Marino kieku jiġġennu biex ikollhom il-muniti Maltin f'idejhom...

Bil-kelma ċenteżmu forsi jista' jidher li dawn l-ittri kollha ma jesgħux fil-muniti, iżda l-itwal waħda, għoxrin ċenteżmu, fiha biss żewġ karattri aktar minn funf euro cent.

X'taħsbu? Jekk il-Kunsill jirbaħ il-kawża tiegħu, u kemm il-gvern u kemm l-BĊE jaċċettaw il-forom ewro u ċenteżmu, taqblu li n-numri Maltin għandhom jidhru fuq in-naħa nazzjonali tal-munita Ewropea?

Mill-ġdid, tista' tagħti l-opinjoni tiegħek fil-votazzjoni aktar 'il fuq.


Kummenti: 14

Blogger wwwitchie qal/qalet...

I think you make a very good argument Antoine. I think what you (and the Kunsill) propose makes linguistic sense but I can't help agreeing with Zemp that this will become a nationalist battle... and at that, I shall roll my eyes with great feeling! :)

8/1/06 19:22  
Blogger gybexi qal/qalet...

Prosit Twan. Ikkonvincejtni! :)

Sharon - m'ahniex ezattament poplu maghruf ghall-glied pragmatiku favur il-lingwa nazzjonali tieghu (almenu mhux dawn l-ahhar 15-20 sena)...

8/1/06 20:58  
Blogger wwwitchie qal/qalet...

bex... true, minn daqshekk... we're such a paradox, at times nationalist, at times rather keen on "fitting in" without paying too much attention the consequences... pero i do believe we're going through a nationalist period ... in any case, what i meant, is that the argument will be made that this is a way of making our voice heard in europe and preserving our unique heritage etc etc, which is what i meant when i said it will become a nationalist battle...

8/1/06 22:20  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Proprju minn hekk qed nibża', Sharon: din hija kwistjoni lingwistika, imma l-kwistjonijiet tal-lingwa malajr jinbidlu f'polemiċi nazzjonalisti (ovvjament mhux f'Malta biss!), u malli jinħassu l-ewwel sfumaturi ta' kburija jew saħansitra ta' nefħa patrjottika, l-awtoritajiet jitgerrxu u jitħallu jintrikbu mill-preġudizzji li jkollhom. Il-lingwisti qisna dejjem irridu nħabbtu rasna mal-ħajt... ċjoè mal-mentalità tas-swar ta' min għandu l-poter u ma jridx jisma'. Li jħassibni l-aktar hu li jekk din il-kwistjoni nitilfuha, tkun minħabba interpretazzjoni żbaljata u minħabba preġudizzji, żewġ affarijiet li jiġu minn xulxin u li fl-istess waqt jalimentaw 'il xulxin.

Grazzi tal-kummenti tagħkom. Id-diskussjoni tkompli.

9/1/06 01:24  
Anonymous Maria qal/qalet...

Skużani Twanny,
Għandi nammetti li l-bieraħ għamilt qassata kbira fis-sondaġġ...
Żbaljait fl-ewwel mistoqsija u ma stajtx nibdlu, erġajt ivvutajt minn IP ieħor ;-) u mgħaġġla kemm kont naħseb li vvutajt darbtejn għat-tieni mistoqsija wkoll. Mela huma 2 persuni favur l-"euro" s'issa, 11 favur l-"ewro" u 11 favur in-numri Maltin, aktar loġiku hekk...

Saħħiet, Maria

9/1/06 11:17  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi Maria. Aġġornajtu.

9/1/06 11:35  
Blogger Zemploid qal/qalet...

Iss' ara hekk, Twann - hekk, iva. Ma nara ebda problema illi n-naha ta' wara tal-muniti (jew in-naha ta' fuq ... ) ikollhom simboli u/jew in-numri miktubin bil-Malti.
Hemmhekk iva - huwa f'loku illi tesprimi s-sens ta' nazzjonalizmu tieghek. Ghaliex le? Sentimenti bhal dawn hemm hinhom u posthom bhal kwalunkwe haga ohra.

Istjec! Kull ma naghmel 48 siegha 'il boghod mill-bloggosfera; nigi lura ... u ara x'kull 'can of worms' mort niftah ghalikom! ;-)

U Twann ... nahseb li ormai haqqni link fil-blogroll tieghek!

9/1/06 22:22  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi, Zemploid.

Kelmtejn ta' malajr dwar 'is-sens ta' nazzjonalizmu' li semmejt int. Nixtieq nagħmilha ċara li bil-kitba tiegħi f'dan il-blogg nixtieq niddefendi lill-ilsien Malti, u għaldaqstant lill-poplu li jitkellmu. L-għan tiegħi m'huwiex li nxejjer il-bandiera, u nittama li m'iniex qed nistema' wieħed li qed jipprova jagħmilha ta' paladin ta' l-aħmar u ta' l-abjad, ta' l-ideoloġija jew ta' l-hekk imsejħa "valuri" li xi wħud iħobbu jiftaħru bihom, donnhom xi badge li wieħed jilbes biex juri lil ta' barra kemm huwa midħla ta' dik li minghalih hija l-'moralità', la retta via, u l-unika triq it-tajba.

Xejn minn dan - kemm xtaqt insemma' leħni favur il-jedd li wieħed ikun sempliċement dak li hu, f'kontinent li fl-istess ħin huwa wieħed u plurali.

10/1/06 01:40  
Blogger Coemgen qal/qalet...

Bloggata ferm interessanti!
.....u tfajt il-vot ukoll:)

10/1/06 08:33  
Blogger vlad qal/qalet...

Any views on this letter appearing in today's Times?:

Maltese nouns

C. John Zammit, St Catharines, Ontario, Canada.

It was reported that the Maltese language body has coined the ewro (January 5).

Since when did Maltese nouns take an "o" ending? If we must have a Maltese identifier for the coin, then why not select a word which is compatible with our language? My two cents' worth, il-Lewra would be more appropriate (Lewri/Lewriet, in the plural).

11/1/06 15:13  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

>>L-EWRO.
>>
>>Hawn min jahseb li fil-Malti
>>Kollox miexi dritt u sewwa,
>>Izda dan l-imsejken Malti
>>F'daru stess isib l-ghedewwa.
>>
>>Waqt li dejjem, il-barrani
>>Tah id-dritt u rrispettah,
>>Spiss issib xi Malti bravu
>>Li mhux hlief jikkalpestah.
>>
>>Dan il-bravu jkun jidhirlu
>>Illi fl-gherf tassew jispikka,
>>Izda mbaghad kif jiftah halqu
>>Dlonk issibu ce bit-tikka.
>>
>>Harsu ftit lejn din ta' l-ewro...
>>Minn Brussell gew accettati,
>>Il-Ministri wkoll fehmuha,
>>Imma mbaghad... ftit impjegati
>>
>>Li jidhrilhom jifhmu f'kollox,
>>Li se jfuru bis-sapjenza;
>>Ghadhom b'rashom infaxxata,
>>Ghadhom joffru rezistenza.
>>
>>Issa dawn mhumiex lingwisti,
>>Mhux zgur jifhmu ftit fil-kakka,
>>U fil-Malti... bil-kemm jafu
>>Fejn ipoggu l-gh u l-h.
>>
>>Imma jaghmlu bhad-dundjani
>>"Glugg Glugg Glugg" joholqu stress,
>>Basta jpacpcu u jpecilqu,
>>Lanqas jifhmu kliemhom stess.
>>
>>Ahna 'l dawn parir naghtuhom
>>"Hadd mhu sejjer jaghti kaskom.
>>Hallu x-xoghol ghal min jaf jaghmlu,
>>U mill-bqija... dabbru raskom!"
>>

14/1/06 21:05  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

Antoine, din tan-numri Maltin ma ngebbduhiex izzejjed. Fil-kumplessita' interessanti ta' Malta fil-fatt ghandna zewg sistemi ta' numri n-numri Maltin Semitici (wiehed, tnejn, tlieta,...) uzati l-aktar ghall-ghadd akkumulattiv (p.ez. hames siggijiet, sitt mitt lira, erba' platti, elf ruh, u anke allura zewg ewrocentezmi, ecc.) u n-numri Maltin Anglo-Sassoni (wan, tu, tri, for, fajf, siks, ecc.) uzati f'formazzjonijiet numerici informattivi (in-numri tat-telefon, tal-karozzi tal-linja, tal-kmamar fil-lukandi, ecc.). Ghad fadlilna xi farkiet ta' tradizzjoni ta' numri Rumanzi bhall-prima u c-cinkwina tal-lottu jew l-espressjoni "gejna ottu." Din il-varjeta' enormi ta' dinja shiha fuq gzira zghira hija l-aktar haga li taghmel lil Malta - u l-lingwa taghha - specjali u sa certu punt internazzjonali. Il-puristi li jridu kollox ikun prattikament Gharbi mhumiex hbieb ilsienna ghax li kieku ma kienx ghat-tahlit li huma msawwar bih, ilsienna kien ikun biss djalett tat-Tunezin (ghax Gharbi essacc ma kien qatt halli niftiehmu ghax l-Gharbi klassiku qatt ma mess ma' xtutna)...
Il-blatlaqliequ

11/2/06 01:58  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi tal-kumment.

Naqbel ħafna ma' l-idea li l-varjetà fl-użu tan-numri tagħti lil Malta u lill-Malti dimensjoni internazzjonali.

Biss nixtieq niċċara li jien m'iniex wieħed mill-puristi li aċċenajt għalihom. Xorta naħseb li l-preżenza tan-numri żewġ, ħames eċċ. fuq il-muniti jistgħu jkunu simbolu ta' dak l-element li jagħżel ilsienna mill-bqija tal-lingwi Ewropej. Naqbel però li jekk il-Malti għandu jitqies bħala speċjali (u din nista' ngħidlek mingħajr l-ebda sens ta' patrijottiżmu li m'għandix dubju dwarha), dik is-speċjaltà nsibuha fil-varjetà ta' l-influwenzi lingwistiċi li għenu biex fassluh, u mhux sempliċement fl-element Semitiku.

B'xorti tajba jidhirli li l-lum ma tantx insibu 'puristi' fost il-lingwisti. U jien minn dejjem kont favur il-pluralità. Biss, jekk se ngħidu u niktbu l-forma ewro bil-Malti, żgur għandna nużaw magħha n-numri Semitiċi. Li kieku aċċettajna l-ortografija euro il-munita kienet se titqies bħala waħda barranija (meta se ssir tagħna wkoll u se nkunu qegħdin nużawha ta' kuljum), u bħala kunċett li se jifforma parti integrali tar-realtà Maltija, importanti li fl-għadd akkumulattiv nibqgħu nużaw l-istess sistema numerika (żewġ ewro flok tu jurowż, eċċ).

Grazzi ta' l-interess.

ps. Il-mgħadd (statcounter) jgħidli li qed tikteb mil-Lussemburgu. Billi xi xahrejn oħra probabbli li se nkun qed naħdem miegħek (jekk inti taħdem mal-Kummissjoni), napprezza jekk tiktibli u tgħidli min int.

antoinecassar at onvol dot net

11/2/06 02:41  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

Mela nahseb li qbilna f'kollox dwar dan il-punt!
Jien ma ridtx nghid li inti xi purist! Kont qed nitkellem b'mod generali peress li hemm it-tendenza li minhabba li hawn bosta Maltin li bi qziez, injoranza jew pregudizju idamdmu l-Malti billi jimlewh bl-Inglizati, hafna minn dawk li jhobbu l-Malti jaqbzu l-limiti u jehduha qatta bla habel kontra l-element Malti Anglosassonu. Lajkitornot (!) l-element Anglosassonu fil-Malti sar l-aktar wiehed kreattiv u progressiv u huwa nattiv ghall-Maltin daqs l-elementi l-ohra. Naf Maltin li ma jafux hlief il-Malti u jghidu l-hin kollu "startja l-karozza", "dur fuq sajdek", "ihhendiljah bil-galbu" u tant ohrajn minn dawn, li huma espressjonijiet Maltin daqs kull kelma Semitika antika u prozajka li ghandna (ghax il-valur lingwistiku ta' kelma ma johrogx mill-antikita' jew il-"quaintness" taghha, imma mill-uzu mifrux fost il-kelliema nattivi). Issa, sahansitra jekk il-Maltin jippruvaw iwarrbu, biex nghid hekk, apposta s-Semiticita' ta' lsiennhom minhabba xi pregudizzju kontra l-Gharab u x'naf jien, wiehed jista' jikkundanna kemm irid il-pregudizzju essacc, imma ma jistax jitkaza bl-ghazliet lingwistici sovrani tal-massa u bir-realta' tas-sitwazzjoni. Dan li qed jigri Malta diga' gara xi sekli ilu fi Sqallija, meta l-lingwa originali ta' Sqallija spiccat ghal kollox (hlief f'Malta, fejn dak li kien jissejjah is-Siqali huwa fil-fatt il-Malti Semitiku li ghadu maghna)u hadilha postha d-djalett Sqalli Rumanz. Illum hemm min fi Sqallija qed jibki din it-telfa u tismaghhom jghidulek "uza MAKATARI flok FUZZURETTU jew RABATI flok KWARTIERU" imma issa forsi tulejt. L-ultrasemiticizmu tal-Moviment tal-Malti ta' ftit snin ilu forsi aktar naffar nies milli gabar simpatija... kienu qalulna nuzaw MITJAR u r-rezistenza tant kienet qawwija li anke AJRUPORT irrifjutajna u llum prattikament kulhadd jghid ERPORT. Jien ghalija dawn kollha possibilitajiet tajbin, imma nammetti li l-aktar komunikattiva u normali hija ERPORT. Il-problema tohrog meta nigu biex niktbu minhabba l-ortografija kompromettenti li ssawret fl-ghoxrinijiet fuq mudelli Taljani li qajla tista' tkompli taqdina llumilgurnata... imma l-element Anglosassonu fil-Malti mhux se jtaffi passih sempliciment minhabba l-ortografija, ghax l-abitat naturali tal-lingwa huwa l-ilsien mithaddet...

Dwar in-numri, bil-Malti kurrenti, irrispettivament jekk wiehed jghidx EWRO jew JUROW, normalment wiehed juza n-numru Malti Semitiku, p.ez. Hames Ewri jew Hames Jurows, jekk ikun qed jitkellem f'sens kwantitattiv/aritmetiku (l-istess bhal Hames bananiet jew Hames plejers). Jekk wiehed, pero', isemmi isem il-munita f'sens informattiv, ma nissorprendix ruhi jekk nisma' lil min jghid Fajf Jurows (p.ez. "il-karta tal-fajf jurows turi pont li jinsab..."). Bil-flus prezenti ftit li xejn Maltin jghidu p.ez. Ghaxar sents/centezmi ghax kwazi kulhadd jghid: Ten sents. Ir-realta' tan-numri Maltin Anglosassoni hija qawwija mhux biss minhaba li l-kotba tal-matematika tat-tfal (anke dawk ippubblikati f'Malta jkunu bl-Ingliz) imma aktar u aktar peress li n-numri Maltin li gejjin mill-Ingliz jeghlbu lil dawk Semitici fil-koncizita' (id-digits 1-10 kollha sillaba wahda ghajr is-sevin). Jien stess, li ghandi sies ta' Malti tajjeb, spiss harabli xi numru tat-telefon li nghata f'xi reklam fuq ir-radju bil-Malti Semitiku jekk ma kellix bajrow f'idi halli nnizzlu mill-ewwel, mentri meta jinghataw (kif normalment isir) bil-Malti Anglosassonu nzommhom fuq xuftejja bla diffikulta'. Fil-kitba hemm rezistenza kbira li n-numri jinkitbu wann, tu, tri, ecc. minhabba li jidhru strambi ferm anke jekk jinghaddu hekk il-hin kollu bil-fomm. Punt iehor huwa li l-pronuncja twarja sew bejn il-Malti u l-Ingliz (nghidu ahna: tri vs three, for vs four [fo:], seventi bl-accent penultimu u seventy bl-accent fil-bidu, ecc.) Jidher li ghandna bzonn ta' revoluzzjoni mill-gdid fl-ortografija taghna...
Niktiblek e-mail halli nidentifika ruhi u nispera li narak ma ndumx la titla' l-Lussemburgu (iva, jien qieghed mal-Kummissjoni)... nahseb li jkollna xi diskussjoni interessanti minn zmien ghal iehor!

12/2/06 04:04  

Ħalli kumment

<< Home