<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

29.1.06

Es tan corto el amor, es tan largo el olvido

Qué más da que la nada fuera nada
si más nada será, después de todo,
después de tanto todo para nada.

José Hierro


Tonio u Tania


Kollox beda xi sentejn ilu, fl-istazzjon ta' Cantoblanco. Wara l-ewwel lezzjoni tal-kors –fejn, nammetti, qattajt aktar ħin inħares lejha, bil-moħbi u mhux, u nisma' leħinha ħlejju milli nagħti kas id-diskors interessanti tal-profs– fuq it-tieni binarju għajnejha ltaqgħu ma' tiegħi, did-darba forsi b'kumbinazzjoni; tbissmet tbissima dħulija, mqarba, grazzjuża, u x'ħin indunajna li konna se nirkbu l-istess tren, mhux biss dakinhar iżda darbtejn fil-ġimgħa, it-tbissima fuq xufftejha saret aktar sinċiera, u aktar ħelwa.

Imbagħad, tren wara tren, dak il-kliem li smajna minn għanja mingħajr isem spiċċa jitwettaq – wara kollox, jew wara xejn, qui se rassemble s'assemble; u f'waħda minn dawk il-ferroviji, hekk kif meta terġa' tibda tinnamra wara żmien twil issib ruħek tkabbar u tgħaġġeb kollox, stħajjilt li forsi l-ebda tren ma kien se jerġa' jara comme deux amoureux tombent, kif ġara lilna dik il-lejla li, in fronte a lei il mio sole, għajnejha f'daqqa waħda iddew aktar mis-soltu, u serquli tiegħi.

U l-lum, l-imħabba tfakkarni f'dik il-fwieħa ta' lumi li kienet timla kamritha, imbagħad kamarti, imbagħad kamritna. Tfakkarni f'tbissima ta' mitt għodwa, fix-joie de vivre ensemble, f'wied sabiħ fejn żewġt iġsma għamlu dell wieħed, f'baci dove lei sa, u f'dik it-triq lejn l-orizzont li rajna meta konna Tenerife, il-mogħdija twila twila tad-dija tax-xemx fuq il-baħar ta' wara nofsinhar, mogħdija lejn il-Lbiċ, lejn il-Brażil, lejn l-art ta' ċkunitha.

Għodwa waħda ta' Lulju, los cigoñinos de abril –iċ-ċikonji ż-żgħar tal-Plaza Cervantes li konna skoprejna f'dħul ir-rebbiegħa– bdew itiru għall-ewwel darba, iżda mingħajrha; fl-istess ħin, falkun ormaj mingħajr bejta telaq lejn gżira ta' għasel nofs baħar 'il bogħod; hi kienet taret ukoll, fuq l-oċean, tul dik il-mogħdija twila twila lejn ix-xefaq tal-ġejjieni, il-lum ix-xefaq tal-passat.

Wegħidtha li xi darba mmur infittixha, li nterraq l-istess triq lejn il-Lbiċ u niġri fi ħdanha, li nsegwi d-dija tax-xemx sakemm nerġa' nara d-dawl ta' għajnejha, u li b'beijo em Bahia nerġa' nwettaq il-kliem ta' dik il-għanja mingħajr isem. Mhux ser ikolli ċans inżomm kelmti. Għax issa, wara kollox u wara xejn, iż-żewġ għasafar se jerġgħu jtiru: hi sejra l-Kanada... u jiena sejjer il-Lussemburgu.



U f'iljieli bħal dan, ġieli nitla' fuq il-bejt u niċċassa lejn il-kwiekeb, lejn is-sema donnu mfarrak, niftakar fid-dawl ta' għajnejha u nisma' r-riħ biex infittex leħinha. Għalxejn, forsi għalxejn. Kif jgħid Don Pablo: Qasira wisq l-imħabba, li tinsa twil qatigħ.






Il-lejla nista' nikteb...
(traduzzjoni ta' Pierre Mejlak u Twanny Cassar)

Il-lejla nista’ nikteb l-iżjed versi ta’ diqa.

Nista' nikteb, ngħidu aħna, ‘Il-lejl kollu tifrik,
u l-istilel blu rogħda, rogħda waħda fil-bogħod’.

Ir-riħ ħiemed tal-lejl idur fis-sema u jkanta.

Il-lejla nista’ nikteb l-iżjed versi ta’ diqa.
Ħabbejtha, u kultant ħabbitni hi wkoll.

F’iljieli twal bħal dan kont ħaddantha f’dirgħajja.
Bistha bewsa war'oħra taħt sema infinit.

Ħabbitni, u kultant ħabbejtha jien ukoll.
Dawk l-għajnejn kbar weqfin kif tista’ ma tħobbhomx?

Il-lejla nista’ nikteb l-iżjed versi ta’ diqa,
naħseb li m’għadhiex tiegħi, inħoss li issa tliftha.

Nisma’ dal-lejl immens, immens iżjed mingħajrha.
U l-vers imiss ir-ruħ bħan-nida tmiss il-ħdura.

X’jimporta, għid, li mħabbti... iżżommha ma setgħetx?
Il-lejl kollu tifrik, u hi mhix qiegħda miegħi.

Dak kollox. Fil-bogħod wieħed qed ikanta. Fil-bogħod.
Ruħi ma ssibx mistrieħ għaliex issa tilfitha.

Ħarsti tibqa' tfittixha, donnha biex tasal ħdejha.
Qalbi tfittixha wkoll, iżda hi mhix qiegħda miegħi.

L-istess lejl... lejl li jbajjad l-istess siġar ta’ dejjem.
Aħna, ta’ dak iż-żmien, ma għadniex dak li konna.

M’għadnix inħobbha, veru, imma kemm kont inħobbha.
Leħni fittex ir-riħ biex jasal għal widnejha.

T’ieħor. Tkun ta’ ħaddieħor. Bħall-bews li bistha qabel.
Leħinha. Dawl ġisimha. Għajnejha mingħajr qiegħ.

M’għadnix inħobbha, veru, imma forsi għadni nħobbha.
Qasira wisq l-imħabba, li tinsa twil qatigħ.

Għax f’iljieli bħal dan kont ħaddantha f’dirgħajja,
Ruħi ma ssibx mistrieħ għaliex issa tilfitha.

Anki jekk din tkun l-aħħar weġgħa tagħha li nbati,
U dawn l-aħħar ftit versi li jiena qed niktbilha.

Kummenti: 7

Blogger Pierre J. Mejlak qal/qalet...

Prosit, Twan. Hadt pjacir naqra l-bloggata tieghek daqskemm hadt gost nittraduci dik il-poezija mieghek.

29/1/06 15:35  
Blogger Erezija qal/qalet...

'sejjer il-lussemburgu'?

30/1/06 09:03  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Istja, żelqitli :-)

Iva xbin, għaddejt... dalwaqt miegħek :-)

30/1/06 15:19  
Blogger Erezija qal/qalet...

prosit xbin... li jkollok bżonn, għidli

31/1/06 09:06  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Fl-aħħar għamiltha man! Qegħdin nistennewk bil-ħerqa! Meta tkun tista' agħtina izjed dettalji.

31/1/06 15:03  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi, sur Roquentin!

Tirċievi mingħandi sieħeb.

31/1/06 23:47  
Anonymous Maria qal/qalet...

Nifraħlek għas-suċċess!! Għal dak li għandu x'jaqsam mal-bqija tal-bloggata... Jiddispjaċini tassew, u kif diġà għedtlek, fis-seklu tagħna l-ġeografija saret problema serja wisq, għax m'għadniex niltaqgħu man-nies ta' raħalna biss...

2/2/06 20:58  

Ħalli kumment

<< Home