<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

21.11.05

Malti fl-Ilsien, fil-Qalb, u fl-Unjoni Ewropea #2 – Wiċċ tost

Il-lum wiċċ (tost), u aktar tard reġina (profittarum).

L-argumenti li jsostnu li l-ilsien Malti ma messux ikun aċċettat bħala lingwa uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea nisimgħuhom ta' spiss, tant illi l-lingwisti (fost oħrajn) naħseb ilna li xbajna minnhom. Jien sirt nidrahom, u kien mingħalija li wasalt sa punt fejn ma nintlaqatx iżjed minnhom, minn widna jidħlu u mill-oħra joħorġu. Iżda meta wieħed jikteb ittra fiż-Żminijiet tal-Ħadd, iżeblaħ ilsienu, imaqdar b'ironija batuta lil min qed jagħmel ħiltu sabiex jitħarreġ grupp ta' tradutturi u interpreti Maltin fejn qabel –minkejja l-bilingwiżmu tagħna– ma kien hemm kważi xejn, u mbagħad jiffirma bl-ittri PhD, ħeqq, nibda nitħasseb serjament, u ma nistax ma ngħidx tiegħi. Għax kif jgħid qawl Spanjol, min jiskot japprova.

Waħda mill-istqarrijiet ewlenin ta' l-ittra hija din:

«One of the worst things the Maltese government did when it joined the European Union was to foist the Maltese language on mainland Babel.»

Il-kontro-argumenti tiegħi għal din l-attitudni elittista fissirthom f'riċensjoni tat-taħditiet dwar it-tfassil tal-lingwa li kien ta l-professur Katalan Miquel Strubell f'April li għadda fl-Università ta' Malta. Ser ikolli ntennihom - sfortunatament mhux biss il-lum, iżda għada, pitgħada u min jaf jekk wara ħamsin sena wkoll.

Lil hinn mill-kwistjoni ta' identità, u lil hinn mill-fatt li l-Kostituzzjoni Maltija tgħid li l-Malti mhux biss huwa lingwa uffiċjali iżda wkoll nazzjonali –u dawn iż-żewġ argumenti diġà huma validi ħafna u jmisshom ikunu biżżejjed biex jiġġustifikaw il-Malti bħala lingwa uffiċjali ta' l-UE– hemm żewġ konsiderazzjonijiet oħra li ta' min inżommuhom f'moħħna.

1. Il-prinċipju politiku. Li kieku l-Malti ma kienx ilsien uffiċjali ta' l-Unjoni, Malta ma kenitx tkun stat membru tagħha iżda kolonja. F'qafas politiku msejjes fuq il-konsultazzjoni u n-negozjazzjoni, kull parti għandha tuża t-termini tagħha, mhux tbaxxi rasha billi tilqa' u taddotta t-termini ta' parti oħra qisu xejn m'hu xejn. F'dan is-sens, it-tradutturi u l-interpreti qegħdin hemm biex jassiguraw li kull parti tkun tista' tieħu sehem fil-proċess politiku b'mod indaqs, jiġifieri bl-idjoma rispettiva tagħha.

Fl-ittra tiegħu, Mr. PhD jgħid li:

«Switching [from your own language to a foreign one] is not a sign of inferiority complex but of dexterity and flexibility, adapting to different environments.»

Sa ċertu punt naqbel miegħu – li tuża lingwa barranija mhux bilfors sintomatiku ta' kumpless ta' inferjorità. Imma li tħaddanha bħala l-lingwa uffiċjali tiegħek meta jagħtuk l-opportunità li tuża lsienek ifisser li tkun qed tiċħad lilek innifsek.

2. Il-prinċipju demokratiku. Minħabba diversi ċirkustanzi, f'Malta u Għawdex mhux kulħadd jasal jifhem u jesprimi ruħu bl-Ingliż b'kompetenza li toqrob lejn dik tal-poplu Brittaniku. Dan mhux żvantaġġ imma sitwazzjoni naturali. Bl-ebda sens ta' patrijottiżmu u mingħajr ma nperpru l-bandiera, ejjew niftakru li wara kollox, aħna m'aħniex Brittaniċi, u qatt ma konna. Aħna Maltin, il-lingwa omm tal-maġġoranza tal-Maltin (jew fil-każ tiegħi, il-lingwa missier) hija l-Malti, u huwa għalhekk li l-aktar għodda demokratika biex il-poplu jesprimi lilu nnifsu hija l-Malti.

Barra minn hekk, kif kien fissrilna l-Prof. Strubell u semmejt jien fil-bloggata ta' April, kull ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea għandu l-jedd li jinforma ruħu u jindirizza lill-istutizzjonijiet f'ilsienu –jew biex inkun eżatt, fil-lingwa nazzjonali ta' pajjiżu–. F'dan is-sens, l-Unjoni għalina hija monolingwi. Il-lum l-UE għandha għoxrin interfaces differenti, wieħed minnhom sewwasew iddedikat lill-Maltin.

L-għaref ta' Cumberland, Rhode Island, USA jgħid ukoll li:

«English is the international language in modern Europe. In Malta, the main newspaper is in English. Maltese patriots eat from its hands. Most Maltese who cannot read it are illiterate.» (It-tipa ħoxna tiegħi)

Hawnhekk iddarrast. Ħadt nifs, u erġajt bdejt.

Ejjew immorru pass pass.

(a) «English is the international language in modern Europe»

Jien kieku ngħid li l-ilsna "internazzjonali" ta' l-Ewropa moderna –UE u mhux UE– huma tlieta: il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż (f'ordni alfabetiku). Għala jrid ikun hemm wieħed biss? Għala din l-ossessjoni ma' l-uniformità, mal-wieħed kontra l-ħafna, mas-singular kontra l-plural? Fil-fehma tiegħi, il-globalizzazzjoni mhijiex u ma għandhiex tkun monolingwi.

L-ilsna li semmejt huma t-tliet working languages jew 'lingwi amministrattivi' tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri dawk li jintużaw għax-xogħol intern u fit-tħejjija għal proposti ta' liġi. Imma ladarba dokument jasal sal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jrid ikun disponibbli għall-pubbliku, jiġi tradott għall-ilsna uffiċjali kollha. Imbagħad hemm is-sitt pivot jew relay languages tal-Parlament (li forsi nistgħu nsejħulhom 'lingwi intermedjarji'; kont se nipproponi 'lingwi bejjiena' imma l-kelma bejjien fiha wkoll is-sens ta' ħuttab... u 'lingwi pern' forsi teknika wisq). Is-sitt lingwi intermedjarji huma t-tlieta ta' hawn fuq, il-Polakk, l-Ispanjol u t-Taljan.

Allaħares l-Ingliż xi darba jieħu s-sopravvent bi ħsara għall-ilsna l-oħra, bi ħsara għall-pluralità.

(b) «In Malta, the main newspaper is in English»

U ftit aktar 'l isfel: «From the United States, I read the online edition of The Times to see Malta's façade on the world. It's the unofficial mouthpiece of the Maltese government and educated circles.» (It-tipa ħoxna tiegħi)

Osservazzjoni personali: il-fatt li l-gazzetta ewlenija ta' Malta tiġi ppubblikata esklużivament bl-Ingliż mhix xi ħaġa li jiena kburi biha. Anzi. Mhux għax noħlom bi broadsheet miktuba bil-Malti biss, imma kien ikun aħjar kieku l-gazzetta ewlenija (mhux bil-fors it-Times) kienet bilingwi. Mhux qed ngħid li kull artiklu u kull avviż ikun jidher fiż-żewġ ilsna –dak ovvjament ma jkunx prattiku–, imma tajjeb li jkun hemm bilanċ ta' artikli, nofshom bil-Malti u nofshom bl-Ingliż, forsi skond il-qasam. Imbagħad il-gazzetta veru tkun il-faċċata ta' Malta għall-kumplament tad-dinja għax tkun qiegħda tirrappreżenta n-natura bilingwi tagħna.

Sfortunatament, jekk jiena nibgħat ittra lit-Times biex inwieġeb għall-argumenti tal-Prof. Bonnici, ikolli niktibha u nibgħatha bl-Ingliż. Araw kemm huwa ironiku: biex niddefendu l-Malti fil-«gazzetta ewlenija» ta' pajjiżna jkollna niktbu f'ilsien ieħor!

(c) «Maltese patriots eat from its hands»

Kif diġà aċċennajt, il-kwistjoni tal-lingwa tmur lil hinn mis-simboliżmu. Naħseb li ż-żewġ naħat tad-dibattitu naqblu li l-patrjottiżmu agħma m'għandniex x'nambuh. Din mhix kwistjoni ta' patrijottiżmu, u lanqas ta' «misplaced nationalism», fi kliem Mr. PhD.

(d) «Most Maltese who cannot read [English] are illiterate.»

Iċ-ċirasa fuq il-kejk. U ċ-ċirasa fiha velenu.

Billi m'għandix statistiċi li nkun nista' norbot fuqhom, se nagħti każ wieħed ta' bniedem Malti li ma jafx jaqra bl-Ingliż iżda mhuwiex illetterat. Niddibuta li jkun eċċezzjoni, għax mhux kulħadd kellu x-xorti li jattendi u forsi jispiċċa l-iskola.

Jgħidu li ħadd ma jtella' lil nannuh fis-sala, imma jiena ma nistħix. In-nannu tiegħi ma jafx aktar minn erba' kelmiet bl-Ingliż. Nannti għamlet xi żmien taħdem bħala s-seftura tal-Professur Aquilina, imma dik storja oħra.

Nannuwi jaf jaqra bil-Malti. Mhux biss, iżda jaqra aktar minn sitt sigħat kuljum. Lil hinn mill-kotba ta' letteratura, jinteressa ruħu fil-ġrajjiet kurrenti. Id-dokumenti bil-Malti dwar kif taħdem l-Unjoni Ewropea li kultant niġbor mingħand il-MIC, inklużi l-bullettini ta' l-Aġġornat li joħorġu darba fil-ġimgħa, jaqrahom bil-qalb kollha. L-aktar fejn tidħol il-politika tal-biedja, fost oqsma oħrajn li jistgħu jolqtuh direttament. Araw nannuwi kemm hu analfabeta.

Li tkun taf lingwa waħda biss ma jfissirx li inti inqas Ewropew minn dawk li jafu jitkellmu tnejn jew aktar. L-Unjoni Ewropea twaqqfet għaċ-ċittadini kollha, għal kull saff tas-soċjetà, u mhux biss għall-aktar edukati. Aktar 'il fuq stqarrejt li kieku l-Malti ma kienx ilsien uffiċjali, Malta ma kinitx tkun stat membru iżda kolonja. Semmejt il-prinċipju politiku, iżda dan jgħodd ukoll għall-prinċipju demokratiku. Jekk tneħħi l-lingwa Maltija mill-Unjoni Ewropea, tkun qed tneħħi l-jedd li wieħed jinforma ruħu u jindirizza lill-awtoritajiet f'ilsienu, u b'hekk tkun qed taljena liċ-ċittadini.


Ikklikkja fuq l-istampa... m'għandi l-ebda idea fuqiex jitkellem is-sit għax ma nifhimx bil-Ġermaniż


Bejn is-sens komuni li jissemma f'għeluq dik l-ittra tat-Times u n-nostalġija għal żmien il-kolonjaliżmu hemm baħar jaqsam. L-elittiżmu ta' l-akkademiċi huwa perikoluż daqskemm huwa perikoluż il-patrijottiżmu. Ittri bħal dik tal-bieraħ, aktar u aktar meta iffirmati bl-ittri PhD donnhom xi awtorità li rridu nisimgħu minnha, jagħmlu l-ħsara mhux biss lill-ilsien Malti iżda wkoll lilna bħala poplu. Li ma kontx pulit u diplomatiku, kont naqleb għal-lingwa kolonjali u noħroġ b'reazzjoni kemmxejn aktar pastaża minn din li ġejja:

Take your PhD and stick it where it fits.

Imma aħjar ma mmorrux daqshekk 'il bogħod għax l-estremiżmu, f'kull għamla tiegħu, huwa perikoluż ukoll.

Għal-lum daqshekk. Saħħiet.

Antoine Cassar
B.A. (Hons), Dip. Post. Trad. li mhix M.A. għax għamiltha Spanja, Suf. Inv. Filol. u kważi
kważi PhD

Kummenti: 12

Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

Kullu sormu!

(istja ridt nghid "Eat his ass" bil-Malti u m'inix cert li ktibtha tajjeb... forsi ghax flok bqajt Malta naghmel Ph.D. dwar is-sovranità u l-unjoni gejt Lussemburgu?)

21/11/05 10:15  
Blogger gybexi qal/qalet...

hmm. jahasra kieku ma kienx daqshekk estremist seta jaghmel zewg punti tajbin imma tant huma convoluted u ma jafx ezatt xi jrid li ahjar jara naqra x'inhu jghid ezattament qabel ma jxejjer il-Ph.D's taht imnehirna (niftakar kien hemm zmien, ma nafx ghadux hekk, li kullhadd Malta, ghal kull haga ta' xejn kien jitfa l-ittri tieghu wara kull email tipo Regards, Ritienne Callus, Diploma in Cross-stitching jew Jason Zarb, B.A. Beekeeping).

Klassika li l-ghawdxin jeqilbu ghall-Malti bhall-Maltin jeqilbu ghall-Ingliz. Ghidlu ma jhawwadx il-hass mal-bass... fl-ewwel kaz zewg djaletti jinftiehmu bla problema minn xulxin (fil-fatt hafna zghazagh ghawdxin qed izommu l-accent biex jitkellmu mal-Maltin dan l-ahhar u ovvjament nifhmu kollox), fit-tieni kas huma LINGWI (mhux djaletti) li m'ghandhom xejn x'jaqsmu ma' xulxin u.. ejja ta... qed titkellem ma' l-Inglizi f'gieh alla - lanqas jafu li jezistu lingwi barranin dawk, ahseb u ara kemm jafu jitkellmuhom (wisq inqas il-Malti). X'attitudni ta' xi hadd li dejjem ghex f'pajjiz anglo-sassonu u qatt ma vvjagga naqra jew ghex f'postijiet fejn ma jittkellmux il-lingwa tieghu ghandu istja...

Pregudizju vojt, veru - imma qatt ma kelli demm ma' l-akkademici. Minn 10, 9 minnhom ikunu qishom pakkett croutons (fejn kull crouton hi pretensjoni, nettworking akkademiku u arroganza, u l-frak li jibqa taht huma l-innovazzjoni u l-intelligenza tal-professur)... ahjar jiehu naqra xi naqra pcp milli joqghod jigri gharwien f'Cumberland, R.I. ixejjer il-PhD fir-rih jew jikteb fil-gazzetti Maltin (m'hemm xejn ahjar x'taghmel hemm?)...

21/11/05 15:17  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Regards, Ritienne Callus, Diploma in Cross-stitching jew Jason Zarb, B.A. Beekeeping

X'wahda dahhaktni, Bex!

Ghogobni hafna dak li ktibt dwar l-ismijiet pseudo-Francizi li ssibhom Malta biss. Preposterous, hux? Ritienne, Rodianne, Rosienne... dawk jivvintawhom apposta, jew il-genituri jhawdu l-vokali minghajr ma jindunaw?

Fuq nota ohra, min jaf kemm hawn djar hawn Malta jisimhom Massabielle ?? Probabbli aktar milli hemm gewwa Franza.

Is-sensiela ta' bloggati dwar il-Malti fl-UE tissokta.

22/11/05 17:38  
Anonymous Manuel Mangani qal/qalet...

Jiġifieri skond Dr. Bonnici, aħna għandna (jew kellna) inkunu l-uniku pajjiż li jċedi d-dritt li juża l-ilsien nazzjonali fl-UE.

Jekk dan mhuwiex sinjal ta' kumpless ta' inferjorità, ma nafx x'jiġifieri kumpless ta' inferjorità.

23/11/05 00:00  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Ilqatt il-likk, Manuel.

Grazzi tal-kumment.

23/11/05 22:19  
Anonymous Aj spijk Moltijz (wan of twenti ofixil juripijin junjin lengwigiz sins 2004) qal/qalet...

Ir-ragunijiet prattici li l-Malti jkun lingwa ufficjali ta' l-UE huma kemxejn skarsi (b'kull rispett ghan-nannu ta' Antoine...), imma la l-UE m'ghazlitx (bhall-Amerika) li tiffunzjona b'lingwa wahda, allura l-ebda stat membru ma seta' jirrinunzja d-dritt li lsienu jkun hemm ma' l-ohrajn. U nzid: wisq anqas Malta, ghax din l-imbuttatura kellna bzonnha ferm sabiex nibdew nohorgu minn qoxortna u nhossuna nazzjon bhall-ohrajn, anke jekk fost iz-zaghar. Ghax f'dal-pajjiz immorru minn estrem ghall-iehor: jew nahsbu li hadd ma jista' ghalina jew qisna bezqa nintrifsu minn kulhadd b'kumpless qawwi ta' inferjorita', jew kif kien poggiha Oliver: nitbandlu bejn il-mit ta' Gahan u l-mit ta' La Valette. Iva, l-Malti ghandu jkun lingwa ufficjali ta' l-UE, imma issa naqtghuha u nitkellmu fuq xi haga ohra bhal haddiehor - wara kollox dan il-fatt ilu aktar minn sena u missu ndara u sar haga kominplejs!!

30/11/05 02:00  
Blogger Zemploid qal/qalet...

Zewg punti qosra:
1. Mhux kull min hu Malti necessarjament ghandu, jew jippreferi l-idjoma Maltija. Bhalma diga tennejt f'blogs ohra, l-idjoma tieghi hija mija fil-mija ingliza - u allahares hawn min ser jghidli li allura jien inqas Malti minn haddiehor.

2. Manuel Mangani qed jinsa zewg pajjizi importanti: L-Irlanda u l-Awstrija, li l-lingwi taghhom ufficjali fl-UE huma l-Ingliz u l-Germaniz. Jekk hawn xi hadd li ghandu l-guts imur jghid lil xi Irlandiz jew xi Awstrijakk li pajjizu huwa kolonja ta' l-Ingilterra jew il-Germanja (rispettivament), naqta' rasi li jiddobba daqqa ta' ponn f'wiccu.

Il-Malti sar lingwa tal-UE purament minhabba raginijiet politici u f'das-sens qed naqbel maghkom perfettament. Imma (u hawnhekk qed nitkellem bhala bniedem li, tajjeb jew hazin, jifforma parti mill-avukatura Maltija) ghad irrid niltaqa' ma' avukat wiehed li hu wiehed li f'xogholu jirreferi ghal xi test legali bil-Malti minflok bl-Ingliz. Huwa proprju dan li jdejjaqni - li minhabba ragunijiet politici, qed isir tberbiq ta' miljuni fit-traduzzjonijiet li m'huma ta' ebda uzu prattiku ghal nies bhali, li jippreferu illi juzaw test Ingliz minflok wiehed Malti meta jigu biex jaghtu opinjoni legali.

Ili nghid seklu li ser nikteb bloggata fuq il-blog tieghi dwar din l-affari kollha tal-lingwa. M'hemmx li nsib minuta cans dan l-ahhar ... uff!

PS: X'ironija hux! L-ewwel kelmiet li ktibt f'dal-kumment kienu "zewg punti qosra".
;-)

30/11/05 19:23  
Blogger Zemploid qal/qalet...

... Biex ma ninftiehemx hazin: meta qed nghid ghall-avukati u ghar-riferenzi illi jaghmlu ghat-testi, mhux qed nitkellem ghall-ligijiet Maltin, imma ghal dawk id-direttivi, regolamenti, etc. tal-UE li gew tradotti ghall-Malti.

30/11/05 19:29  
Anonymous Maria qal/qalet...

Heqq, ma naqbel xejn ma' zemploid (bħala Awstrijaka li jien) u lanqas mija fil-mija ma' Manuel...

Il-fatt li l-Malti huwa l-lingwa ta' pajjiż wieħed biss ma jfissirx li dan hu l-każ ta' kull lingwa oħra. Dil-ħaġa tiddipendi minn ħafna fatturi storiċi. Il-Ġermaniż m'huwiex il-lingwa tal-Ġermanja (biss), imma wkoll ta' l-Awstrija (lingwa nazzjonali, għalkemm għandna 6 minoranzi wkoll, u uffiċjali), ta' Liechtenstein (nazzjonali u uffiċjali), ta' parti ta' l-Iżvizzera (li għandha 4 lingwi nazzjonali), tas-Sud-Tirol (uffiċjali wkoll f'livell lokali), tal-Lussemburgu (waħda minn 3 lingwi uffiċjali) u ta' parti tal-Belġju. (U hemm xi minoranzi f'pajjiżi oħra wkoll.) U, għalkemm huwa lingwa waħda, ma nistawx ngħidu li huwa mija fil-mija l-istess lingwa, jew li dawn il-pajjiżi għandom l-istess storja, l-istess kultura jew l-istess mentalità.

Il-Malti huwa lingwa, mhux idjoma. Idjoma hi l-Għawdxi, hux hekk? (Jew iċ-Ċiprijott, biex insemmi xi lingwa li nafha aħjar mill-Malti u pajjiż li diġà żort.)

Il-lingwa nazzjonali ta' l-Irlanda ħa ssir lingwa uffiċjali ta' l-UE fl-2007, u naturalment ħa jsir konkors għat-tradutturi dalwaqt.

U, Manuel, fil-fatt jeżisti pajjiż li jċedi d-dritt li juża l-ilsien nazzjonali fl-UE: il-Lussemburgu. Ġara hekk għax huwa mill-ewwel membri ta' l-UE waqt il-konstituzzjoni li fiha l-Lussemburgiż ġie rikonoxxut bħala l-lingwa nazzjonali u l-ewwel lingwa uffiċjali hija pjuttost reċenti. U l-Lussemburgiż għadu ma tantx ikkodifikat, b'ortografija uffiċjali u hekk. Il-lingwi ta' l-iskejjel Lussemburgiżi huma l-Ġermaniż u l-Franċiż. Il-Lussemburgiż huwa l-lingwa tal-kindergardin u ta' l-ewwel sena ta'l-iskola primarja, u jaqraw bih letteratura wkoll, imma ma jiktbux bih fl-iskola.

1/12/05 20:07  
Anonymous Maria qal/qalet...

Għandi kurżità kbira tassew...

Jekk aħna l-Awstrijaki, skond Zemploid, inċedu d-dritt li nużaw l-ilsien nazzjonali tagħna fl-UE, liema suppost li hu l-ilsien li fih naħsbu u noħolmu??? L-użu ta' l-Ingliż f'Malta għandu xi ħaġa komuni ma' l-użu tal-Ġermaniż fl-Awstrija??? :-))))

1/12/05 22:10  
Blogger Zemploid qal/qalet...

This comment has been removed by a blog administrator.

2/12/05 00:06  
Anonymous Maria qal/qalet...

Għeżież ħbieb,
Forsi jinteressakom dan is-sit dwar il-minoranzi u l-lingwi żgħar fl-UE:
http://europa.eu.int/comm/education/policies/lang/languages/langmin/euromosaic/index_en.html

2/12/05 10:27  

Ħalli kumment

<< Home