<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

14.10.05

Gowls għall-paċi



Gowls għall-paċi

Żewġ futbolers Għarab, deċiżivi fil-ħolma ta' l-Iżrael li jgħaddi
għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja

(Traduzzjoni ta' artiklu ppubblikat fil-gazzetta El País, 10 ta' Ottubru 2005)


Żewġ plejers Għarab jistgħu jitniżżlu fl-istorja ta' l-Iżrael bħala l-eroji tal-klassifikazzjoni ta' l-iskwadra nazzjonali għat-Tazza tad-Dinja tal-futbol ta' Ġermanja 2006. Abbas Suan u Walid Badir, li ġejjin mill-minoranza Palestinjana, skorjaw erba' gowls kruċjali kontra Franza u l-Irlanda u għenu biex it-tamiet jinżammu ħajjin sa l-aħħar mument: punt vantaġġ fuq iż-żewġ timijiet meta fadal biss ġurnata waħda. F'ċertu sens, il-gowls tagħhom huma wkoll żrieragħ ta' paċi, sinjali ta' dak li l-lum jidher bħala utopija: il-koeżistenza paċifika bejn l-Għarab u l-Lhud.

F'kumment dwar is-suċċess sportiv u soċjali ta' l-iskwadra nazzjonali tiegħu, Suan stqarr: "Aħna l-isportivi eżempju li teżisti mogħdija oħra, dik tal-ħbiberija u tad-djalogu. Dana qed nagħmluh aħjar mill-politiċi. Ir-rieda tajba tista' tippersisti". Minkejja l-oriġni tagħhom, il-lum Suan u Badir huma l-idoli sportivi ta' bosta Palestinjani u Lhud li jinżlu fit-toroq flimkien biex jiċċelebraw kull gowl li jiskorjaw. Il-kollegi Lhudin iqisuhom bħala "minn tagħna", u jiċċajtaw li l-unika differenza bejniethom hi li Suan u Badir "jitkellmu mal-familja fuq il-mowbajl bl-Għarbi".

Madankollu, fl-Art Imqaddsa mwerwra mill-gwerra, li wieħed isemmi l-għaqda u l-konċiljazzjoni huwa perikoluż. Minkejja l-gowls deċiżivi tagħhom, il-futbolers Għarab Iżraeljani jiġu attakkati fl-istadji minn sapporters Lhudin estremisti, b'kantiċi funebri bħal "Għarbi tajjeb, Għarbi maħruq". B'mod reċiproku, fil-kampi tar-refuġjati Palestinjani tan-naħa l-oħra tal-ħajt, Suan u Badir jiġu akkużati bħala kollaboraturi ta' "l-għadu Zijonista".

Meta jiġu biex jitkellmu dwar il-politika, Badir huwa l-aktar prudenti u riżervat. Forsi għax ħajtu miġruħa mill-assurdu. Diġà qabel ma twieled, l-estremiżmu Lhudi kien ġab l-għawġ fil-familja tiegħu. Il-massakru ta' Kafr Kassem, ta' l-1956, jistudjawh il-lum it-tfal ta' l-iskejjel Ebrajċi. L-għalliema jfiehmu li l-qtil ta' 49 paċifista –residenti Għarab– mit-truppi Iżraeljani kien "żball kbir taz-Zijoniżmu". Il-brutalità u l-kefrija militari baqgħu mmarkati fil-ġisem ta' tifla ta' disa' snin, mtaqqba minn 28 balla. Fost il-mejtin kien hemm ukoll nannu ta' Badir.

L-4 ta' Ottubru 2003, il-ħruxija tal-Yihad Iżlamika waslet għand ir-restorant Maxim, il-post tradizzjonali fejn kienu jiltaqgħu l-plejers tal-Maccabi Haifa, fosthom Badir. Hanadí Jaradat, avukata żagħżugħa u sbejħa, bi tbissima ħelset mill-kontroll tas-sigurtà, u ftit wara, splodiet il-bombi li kienet liebsa. F'daqqa waħda nqerdu wieħed u għoxrin ruħ. B'xorti tajba, il-plejers ma kinux hemm f'dak il-mument, iżda l-membri kollha tat-tim tekniku ndarbu serjament. Badir ra t-testment irreġistrat mis-suwiċida Palestinjana minn fuq it-televiżjoni: "Se nikkonverti ġismi f'għanqud mitralja kontra z-Zijonisti kolonjalisti ta' pajjiżi...".

Suan kiseb popolarità kbira meta f'ġest ta' fraternità ddedika l-gowl tiegħu kontra l-Irlanda "lill-ħuti l-Lhud". Suan jgħid li wara l-partita rċieva ġewwa d-dressing room "it-tagħniqa ta' kull wieħed mill-kumpanni". Iżda, mingħajr tlaqliq, approfitta ruħu mill-applawsi biex jipproklama "lill-poplu kollu ta' l-Iżrael": "Nistgħu ngħixu flimkien, imma l-maġġoranza Lhudija għandha tisma' l-problemi tagħna. Nirrappreżenta lill-Għarab li għaddejin minn problemi ma' l-art u mad-diskriminazzjoni".

Suan u Badir għandhom passaport Iżraeljan, iżda huma dixxedenti ta' l-150,000 Palestinjan li baqgħu ġewwa l-fruntieri ta' l-Istat Ebrajk wara l-gwerra ta' l-1948 u l-1949. Il-lum, ir-rappreżentanti politiċi ta' din il-minoranza –li diġà jammontaw għal xi 1.2 miljun ruħ– jiddenunzjaw id-diskriminazzjoni fil-ħajja politika u soċjali ta' l-Iżrael, stat Lhudi konfessjonali sa mill-ħolqien tiegħu.

Għalissa, l-unika ħaġa li Badir u Suan ma jagħmlux hi li jkantaw l-innu nazzjonali. Joqogħdu fermi, imma fis-silenzju. Ma jħossuhomx rappreżentati minn versi bħal dan: "Waqt li fil-qalba ta' qalbi tħabbat ruħ Lhudija...". 20% tal-popolazzjoni Iżraeljana għandhom qalb li fiha tħabbat ruħ Għarbija u musulmana. Suan jittama li "l-innu xi darba jħaddan xi ħaġa li tirrappreżenta lill-Għarab Iżraeljani. Imbagħad inkun kapaċi nkantah jien ukoll".


Nota: Fl-aħħar l-Iżrael ma kkwalifikawx għat-Tazza tad-Dinja, imma kważi. Spiċċaw fit-tielet post tal-grupp tagħhom, bl-istess punti ma' l-Iżvizzera, u dan minkejja li ma tilfu l-ebda logħba.

Kummenti: 4

Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Ħbieb, hemm xi kelma Maltija għal dressing room ? Fl-Ispanjol jgħidu vestuario, imma vestwarju bil-Malti tfisser 'kostum' jew 'ġabra ta' ħwejjeġ'.

14/10/05 05:24  
Blogger Mark Vella qal/qalet...

tibqa' dressing room.

U minoranza mhux minorija

14/10/05 08:19  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

Dwar dressing room ma nafx imma fil-kaz ta' l-Ingliz il-post fejn ibiddlu l-players huma Changing Rooms!

14/10/05 11:53  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi Mark.

Jacques, ghal mument gibtni fid-dubju... imma milli jidher dressing room tintuza hafna bl-Ingliz f'rabta mal-futbol. Fittixt fil-pagni tal-BBC u sibt xi 18,000 ezempju. (Ara hawn).

14/10/05 14:59  

Ħalli kumment

<< Home