<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

27.10.05

Daqsxejn ta' pawża



Jiddispjaċina ngħarrfukom li minħabba ċirkostanzi mhux imprevisti, Triq il-Maqluba se tingħalaq għal żmien ġimagħtejn. Mhux għax ġejja l-imbierka reġina ta' l-Imperu tal-Faqar Komuni, iżda għax ċertu ħmar tgħabba b'piż li bilkemm jiflaħ għalih u f'daqqa waħda sab ruħu mdendel fl-arja u kważi fgat bix-xogħol.


Niskużaw ruħna għall-inkonvenjenza. Huwa mistenni li t-triq terġa' tinfetaħ wara l-12 ta' Novembru, b'aktar bloggati, traduzzjonijiet, sunetti multilingwi u thewdiniet ta' kull xorta.


Safrattant nistednukom iżżuru din l-għażla ta' bloggati mill-imgħoddi:

Merħba bikom!: L-ewwel bloggata
Malti fl-Ilsien, fil-Qalb, u fl-Unjoni Ewropea: Ftit noti dwar it-tfassil tal-lingwa
Xejn: Is-sensazzjoni tal-vojt megħluba permezz tas-sunett 'Ex Nihilo Nihil Fit'
Beatus Ille: Dwar il-ħajja tar-raħal u l-ħajja tal-belt, bil-poeżija 'In Città'
Malta, Croce e Delizia: Ferħ u niket wara żjara Brussell u l-Lutzeburgu, bis-sunett 'Lura'
Ittra lil Ivana: Tweġiba (li baqgħet ma ntbagħtitx) għal ittra mingħand tfajla Serbjana li tixtieq iżżur Malta
Il-Ħajja... Mistoqsija: Tifkiriet ta' Madrid wara l-attakki ta' Londra
C'est la vie: Poeżija dwar il-futilità tal-ħajja (il-favorita tiegħi... probabbli l-isbaħ waħda li qatt ktibt)
Ħarsa msaħħra, ħarsa mħassra: Dwar il-ġmiel tal-kitba Għarbija, is-sikkatura tar-razziżmu u t-tama ta' soċjetà multikulturali
Pajjiż Imsejken: Il-mixja edukattiva f'Ta' Ċenċ sfrattata mill-abbużi tal-poter
L-issa kemm iddum ma tasal?: Bid-deni qabel safra oħra fl-Ewropa mfissda
Jum Dinji tat-Tradutturi: Ħsibijiet fuq il-ħidma iebsa tat-traduttur
Se penso a come ho speso male il mio tempo: L-aħħar sunett, dwar l-għażż, il-mistħija, u l-isfinġi l-ġdida


U biex nagħlqu, għandna pjaċir nippreżentawlkom id-dwett Katalan El Último de la Fila, żewġ kantawturi magħrufin għat-taħlita ta' senswalità u stojċiżmu li timraħ fil-poeżija tagħhom.

Dan huwa l-album li għamilli kumpanija xi erba' snin ilu meta kont qed nistudja għall-aħħar eżamijiet tal-lawjra. Niftakarhom sew dawk il-ġimagħtejn, kien żmien ta' serħan il-moħħ, ta' ħsieb ċar kristall u benessri fiżiku, wieħed mill-aktar perijodi ta' ħajti li fih ħassejtni fuq tiegħi u lest nilqa' kull ostaklu bil-kwiet u mingħajr tlaqliq ta' xejn.

U hekk kif is-(sub)konxju jfittex paralleliżmi fil-passat qabel ma r-ruħ issalpa f'baħar ġdid, erġajt skoprejt din il-mużika u bħalissa qed terġa' ttaffi ftit id-dwejjaq ta' l-istudju u timlieni bl-enerġija ta' dari. Barra minn hekk, l-ambizzjoni u l-libido jmorru id f'id... Tifhmunix ħażin... hija biss kwistjoni ta' psikoloġija.

Fi kliem Ereżija: Ewropa mfissda here I come...

Mela iftħu l-volum, jekk tridu daħħlu anki l-kuffji (ċjoè l-headphones), u intelqu fis-seħer ta' Astronomía Razonable.

Ħudu gost. L-eremita Caxaro jselli għalikom.

Narakom u naqrakom,

Twanny.




Astronomija Raġonevoli

Ħallini nittawwal fl-irqad tiegħek, qalbi,
ħa naraw id-dinja x'tgħidilna,
nara dak li ma rajtx, inkun dak li ma kontx,
negħreq fl-imħabba tiegħek.
Nintelqu fil-vertiġini sfrenata
ta' astronomija raġonevoli.

Fil-kenn tal-barka tad-diżordni tal-qamar,
inħallu warajna kull liġi,
tas-sema u ta' l-art.
Ħallini nittawwal fl-irqad tiegħek, qalbi,
u ninsa d-dwejjaq kollha...
kemm hu diffiċli li naċċettaw id-dittatura
ta' Alla waħdieni.
Nagħlqu għajnejna u naraw,
nista' nagħlaq ir-ruħ u nintelaq inħobb.

M'hemmx doveri jsejħulna,
anqas dottrini x'insegwu.
Nagħlqu għajnejna u naraw.
In-nies jekk trid takkużana ta' mġiba immorali.
Titlaqx minn ħdejja...
nagħlqu għajnejna u naraw.
Oqgħod hawn! Oqgħod hawn ħdejja...
Oqgħod hawn! Oqgħod hawn ħdejja...

Kummenti: 2

Blogger gybexi qal/qalet...

irnexxielek iggib job ta' traduttur ma' l-U.E. jaqaw? Jekk dak hu l-kaz nifrahlek - ftit hemm nies iktar iffissati u ddedikati lejn il-lingwa taghna (u li ghandom PhD fit-traduzzjoni biex tghaxxaq) kif int int.

Kuntent ghalik jekk dak hu l-kaz. Prosit.

27/10/05 10:28  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi hafna tal-kliem sabih, Kurat. :-)

Le, ma ksibtx post bhala traduttur ma' l-UE, dik ta' l-Ewropa mfissda ktibtha ghax issa ghandi nindifen fl-istudju tat-trattati u ta' l-istorja kollha ta' dak il-mostru politiku-ekonomiku (nixtieq nikteb ukoll 'socjali' imma nahseb inkun qed nigdeb lili nnifsi) li forsi, jekk id-donna bendata trid, xi darba jhaddimni... Mill-bqija hemm cans li fl-ahhar nibqa' hawn Malta... imbaghad naraw.

In bocca al lupo lill-bloggejja li qeghdin jithejjew ghall-imbierek ezami ta' Novembru (li kumbinazzjoni ser isir f'gheluq snin dan il-piccolo mostro iehor) ;-) Omens, omens everywhere...

Donna bendata hanina ta' l-avikoti u tat-tradutturi tradituri kollha, ehlisna mill-ghazz u min-nuqqas ta' kuragg, kif ukoll mit-trick questions u l-hbieb foloz u l-izbalji tad-dizzjunarju ta' Mario Serracino Inglott. Hobzna ta' kuljum aghtina l-lum jekk mhux ukoll ghal ghomorna, ahfrilna l-gheltijiet urtugrafici bhalma nahfru lid-dizzjunarju imsemmi, la ddahhalniex fid-dubji lingwistici izda ehlisna minn kull mistoqsija dwar il-bagit ta' l-Awropa u l-process tat-tehid tad-decizjonijiet amen.

Daqshekk ghax qed nitlajja

Ciao amore ciao

27/10/05 15:13  

Ħalli kumment

<< Home