<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

15.9.05

Dawra maż-Żokra

«Anyone whose goal is 'something higher' must expect someday to suffer vertigo. What is vertigo? Fear of falling? No, vertigo is something other than fear of falling. It is the voice of the emptiness below us which tempts and lures us, it is the desire to fall, against which, terrified, we defend ourselves.»
Milan Kundera, The Unbearable Lightness of Being

«X'jiġri meta anki lilek taħtfek il-ħeffa tmarrdek ta' l-essri?
Kitba.
»
Immanuel Mifsud, Tgedwid


Fl-aħħar, wara ħafna taħwid u ħafna tħarbit, bejn żjajjar familjarji, nannti fl-isptar, burdellata dderri ma' xi ħbieb li ġew minn Spanja, nannti reġgħet fl-isptar u elf ħaġa oħra, nerġa' lura għall-kmajra tiegħi bil-ħsieb li nerġa' nsib il-ferħ u s-skiet tas-solitudni, il-ħrara tal-proġetti kreattivi, u forsi, ta' pseudo-ħassieb li jien, it-trejqa mdawla tal-profondità eżistenzjali, li jekk inqatta' wisq żmien 'il bogħod minnha nibda' nħossni battal u nsib ruħi nfittex risposti għal mistoqsijiet li kont ilni li sibt tarfhom is-snin.

Iżda wara l-btajjel tas-sajf, kif is-soltu jiġrili f'dan ix-xahar ħelu u morr ta' Settembru, nagħti ħarsa lejn il-pjan ta' ħidma li kont fassalt u nsib ruħi mitluf. Nippjana u ma nagħmilx, nibda u ma nkomplix, inwiegħed u ma nagħtix, u nbati fl-infern li kont ħloqt jiena stess. Għala dan in-nuqqas ta' ħeġġa, u l-apatija u t-tmantir ir-ruħ li jġib miegħu? X'inhu dak li qed iżommni lura milli sempliċement naqbad u nagħmel dak li nixtieq nagħmel? Mhix biss kwistjoni ta' ħin, jew ta' enerġija... hemm raġunijiet aktar profondi, marbutin mal-Weltanschaung tiegħi, mal-mod ta' kif nifhem id-dinja ta' madwari u l-eżistenza tiegħi fiha u barra minnha. X'inhi l-kriżi, u kif tista' tegħlibha?

Fost affarijiet oħra, hemm il-blogg. Tliet ġimgħat, kważi xahar mingħajr ma nikteb xejn, nitnikker u ntawwal minn ġurnata għal oħra. Jaħasra, ma jistax ikun. It-tentazzjoni li negħleb mill-għoli biex naqa' għal ġox-xejn kbira wisq. L-għażla faċli hija l-għażż, xi attività passiva, bħall-qari, sabiex naħrab mix-xewqa li nibni ċerta loġika biex nikteb xi ħaġa sura, imma fil-qalba ta' qalbi naf li aktar ma nitlajja aktar se niddejjaq. U, bħalma għamel Italo Calvino, li sab tarf il-blokk tal-kittieb billi għamlu t-tema ewlenija ta' rumanz ġdid, inħoss li biex intajjar iċ-ċpar li qagħad quddiem għajnejja, qabel ma jroxx id-dlam u l-mirja tittappan għalkollox, din il-bloggata għandha tkun egoċentrika. Li toqgħod titqalleb xi mkien bejn qoxortok u żokortok, bejnek u bejn ħsibijietek, kultant jagħmillek il-ġid. Anzi, nemmen li huwa wisq neċessarju biex wieħed jeħles mill-jasar tas-sopravvivenza, imqar għal ftit sigħat jew għal ftit paragrafi.

Mela, wara daqsxejn ta' awto-analiżi li fiha terraqt mogħdijiet li diġà kont midħla tagħhom –għax jekk moħħi żurżieqa, ruħi bużżieqa li tintefaħ u tinżel skond il-burdata u l-ġurnata–, irnexxieli nagħraf tliet raġunijiet il-għaliex kont għaddej minn din il-fażi ta' passività u l-għala domt ma nerġa' nibbloggja. Infissirhom hawn biex forsi nsib soluzzjonijiet għalihom; żgur li mhux darba għal dejjem, iżda għall-inqas jekk nerġa' naqa' f'din il-qagħda, ikolli l-proċess tal-ħsieb diġà mniżżel u l-ispaga li tmexxini 'l barra mil-laberintu diġà mferrxa wara passejja. Kif jgħid il-Malti, il-miktub mhux maħrub. U min jaf, forsi dawn il-meditazzjonijiet ikunu ta' siwi għal min xi darba jew oħra jkollu r-writer's blog. Nikteb għalija u għal kulħadd, u min ma jridx ikompli jaqra jaf fejn għandu jmexxi l-ġurdien... blog and let blog. Din il-kwotazzjoni li tana nigredo dwar il-ħtieġa li tħares fil-mirja sabiex terġa' ssib il-kreattività ċentrali tiegħek swietli ħafna.


1. Il-Kumpless ta' Ġona
Quante goccie di rugiada intorno a me,
cerco il sole ma non c'è


M'iniex espert fil-psikoloġija, imma sentejn ilu qrajt ktieb interessanti ħafna jismu La personalidad creadora (it-titlu oriġinali jidhirli li huwa The Creative Attitude) ta' ċertu Abraham Maslow. Fost il-bosta ideat li sibt f'waqthom, hemm waħda li l-awtur jgħammidha el complejo de Jonás ('the Jonah complex'). Dan mhux xi kumpless ta' inferjorità quddiem l-oħrajn, imma quddiem id-destin tiegħek. Maslow ifiehem din il-kundizzjoni bħala l-biża' tas-suċċess, il-biża' li ssir dak li inti taf li kapaċi ssir. Jidher kontradittorju, u mhux faċli tiddefinih b'mod preċiż. X'aktarx li għalhekk diffiċli wkoll li tintgħeleb. Il-qtigħ il-qalb quddiem ir-responsabbiltajiet li l-ambizzjoni ġġib magħha jżommok lura mis-self-actualisation, milli tkun realizzat, milli ssir inti stess.

«A musician must make music, the artist must paint, a poet must write, if he is to be ultimately at peace with himself. What a man can be, he must be. This need we may call self-actualisation.»

Quddiem ix-xewqa ġewwinija li tagħmel l-almu tiegħek biex toħloq xi ħaġa, tibża' li din ma tkunx mill-aħjar tiegħek minkejja li taf li għandek il-ħila, u bit-tentazzjoni tat-trivjalità, tiċħad is-sejħa tad-destin u tal-potenzjalità tiegħek, tintrema u tibqa' ma tagħmel xejn. Hekk kif Ġona ħarab mis-sejħa ta' Alla billi baħħar fid-direzzjoni opposta, tipprova tevadi dmirek, minn dik li saret il-vokazzjoni tiegħek. Fiha wkoll xi element ta' biża' li tidher arroganti, li ma tkunx umli quddiem l-oħrajn.

Skond Maslow, is-soluzzjoni hija sempliċement li tgħarraf din il-kundizzjoni, u tisma' li tgħidlek qalbek sabiex il-kuraġġ –jew appuntu, il-qlubija– jiġu waħedhom. Jekk tibża' milli tkun kburi bik innifsek u daqsxejn vanituż, qatt m'int se tmur 'il quddiem; anzi, tkun qed tissogra li ħajtek issir fiergħa, li tmur minn vanità għal vanità. Li ma konniex naqra mkabbrin, konna niktbu dawn il-bloggijiet kollha?



2. Il-Vertiġini, jew il-Mejt
Quanto verde tutto intorno e ancor più in là,
sembra quasi un mare l'erba,
e leggero il mio pensiero vola e va,
ho quasi paura che si perda

It-tieni raġuni l-għaliex kont għaddej minn stadju ta' apatija għandha x'taqsam mal-kwotazzjoni ta' Milan Kundera, u mas-sunett li kont ktibt fuq ix-xejn (u kif mix-xejn jinsilet ix-xejn: ex nihilo nihil fit). Dakinhar, meta awtur wara awtur kienu qegħdin jaqraw biċċa mix-xogħol tagħhom quddiem l-udjenza, il-proliferazzjoni ta' sinjifikat spiċċat tistordini... fl-oċean jew fil-belliegħa ta' xbihat u ideat ħassejtni qisni kont qed negħreq. Speċi ta' vertiġini orizzontali, quddiem il-wesgħa bla tarf ta' kotba, stejjer, poeżiji, fehmiet, argumenti, li kollha flimkien jagħmlu sens u fl-istess ħin ma jagħmlux. Il-lum tant hi vasta l-biblijografija ta' ħajjitna li biex tipprova torganizza l-kaos donnok trid tkun saqajk imsammrin ma' l-art sabiex tkun tista' tiżen u tiddeċiedi ġewwa liema fruntieri se tagħżel dak li taqra. Saħansitra l-aktar qarrej voraċi għandu jaċċetta l-limiti imposti fuqu miż-żmien. Impossibli naqra l-bloggijiet u l-bloggati kollha... il-bloggosfera Maltija saret dinamika ħafna, imma fl-istess ħin, inħoss li ma nistax inħaddanha u nifhimha b'mod sħiħ.

U ejjew ngħiduha... din is-sensazzjoni ta' mejt hija marbuta ma' ċertu biża', jew terrur, li dan il-blogg –u kull ma nagħmel u kull ma nikteb, saħansitra t-teżi tad-dottorat għax żgur li ħadd mhu se jaqraha– jintilef fil-ħamba tal-ħafna, ikun insett baxx jew mikrobu insinjifikanti (tegħmiża lis-superblogger b'riħa ta' ġbejniet t'Għawdex... dalwaqt issir slimy mollusc ;-) ) li jinbela' mix-xibka u jsir parti integrali tax-xejn. Sensazzjoni xejn opportuna għal min hu naqra vanituż!

Is-soluzzjoni? Ħeqq, sempliċi wkoll... trid taċċetta li ħidmitek hija parti mill-kaos, organiżmu ieħor ta' l-ekosistema, jew aħjar, tessera oħra tal-mużajk.


3. Ix-Xettiċiżmu
No! Cosa sono adesso? Non lo so,
sono un uomo in cerca di sé stesso;
No! Cosa sono adesso? Non lo so,
sono solo il suono del mio passo



X'jiswa li tikteb blogg, li tikkomponi poeżija, li tkun kreattiv? Darba f'mitt qamar –li diġà hija darba wisq–, insib ruħi nerġa' nistaqsi lili nnifsi l-għala din l-ossessjoni mal-proġetti kreattivi, il-għala l-ħela ta' enerġija f'affarijiet li x'aktarx ma jinteressaw 'il ħadd. Min aħna aħna biex nisfidaw is-silenzju?

X'jiswa li tikteb, jekk il-ħelsien tal-jien ma jdum xejn quddiem il-manjifiċenza u s-setgħa tal-futilità? Wara kollox, kif qal ċertu bniedem gustuż, aħna l-ulied u l-werrieta ta' xejn partikulari. Xi kultant naqa' fit-tentazzjoni li naħseb li min joħloq l-arti jkun qiegħed jieħu sehem attiv fil-ġlieda universali bejn il-ħolqien u l-qerda, bejn l-iva u l-le, bejn il-ħajja u l-mewt... imma hija biss illużjoni. Issib ukoll min jikkrea bit-tama li jikseb l-immortalità, li jkun imfakkar wara li jkun telaq... Forsi din illużjoni mhijiex, imma f'kull każ, paradossalment, is-sensazzjoni ta' immortalità ddum biss sakemm tagħlaq għajnejk għall-aħħar darba.

Ħeqq, forsi li toħloq l-arti hija fil-fatt attività illużorja, ħolma li ma tistax titwettaq. Imma jibqa' l-fatt li jekk nifhmu l-arti bħala kull komunikazzjoni li jkollha funzjoni estetika, kulħadd (jew kważi kulħadd) jieħu gost joħlom billi jieħu sehem f'din il-komunikazzjoni, sew jekk ikun qed jagħti sew jekk ikun qed jirċievi. L-arti hija wkoll għotja, minn wieħed lill-oħrajn jew minn wieħed lilu nnifsu.

Hawnhekk ma sibtx soluzzjoni, ħlief li nikteb sempliċement għax nieħu pjaċir nikteb. Is-sensazzjoni ta' sħuħija li nħoss wara li nkun lestejt sunett ħelwa wisq, imma ma tantx iddum. Blokk ieħor li kont għaddej minnu dan l-aħħar kien dak tal-poeżija... xtaqt inżomm l-għodda misnuna billi nipprova nħarbex xi ħaġa, u sibt biss il-biża' li ma jirnexxilix. Għalhekk ktibt is-sunett li ġej, li għandu jinqara bħala letteratura li titkellem dwarha nnifisha. Spiss il-kittieba jagħtu muftieħ lill-qarrej sabiex jifhem aħjar il-kumplament ta' l-opra tagħhom... jien xtaqt inkompli f'din it-tradizzjoni. Il-meta-letteratura togħġobni għax tnaqqas id-distanza estetika bejn il-kitba u l-qarrej, bejn il-kitba u l-awtur, u aktar importanti minn hekk, bejn l-awtur u l-qarrej.

M'hemmx paragun ma' C'est la vie jew In Città, forsi qatt ma nikteb poeżija bħalhom... mhux għax dawn għandhom portata aktar 'universali' fis-sens illi l-qarrej jista' jidentifika ruħu mal-messaġġ tagħhom –il-poeżija li tifli l-kundizzjoni kollettiva u dik li tgħarrex fl-individwu ngħożżhom fuq l-istess livell għax nemmen li l-ebda waħda ma tista' teżisti mingħajr l-oħra–, iżda għax ir-ritmu tas-sunett li ġej huwa daqsxejn nieqes fl-ewwel parti... u l-konklużjoni tiegħu hija, appuntu, illużjoni. Imma għall-inqas, għelibt il-kriżi li kont fiha, u issa nista' ngħaddi għal ħaġ'oħra.


SONNET ÉGOCENTRIQUE

Jgħiduli tal-Kuppija, ħames lustri u sentejn,
soy de una isla esmaltada, de un pueblo del sur,
dari, jekk jien għandi, pultruna fuq l-irdum,
rasi iebsa, żaqqi ratba, the sea is my terrain.

Mosaïque de pensées, creuset logique d'idées,
sette e sette, otto e sei, taħlit ta' kliem mistur,
le mot juste, faux-rébus, à beau jeu, beau retour,
mortal fears, no frontiers, I write for I am vain.

Artista masoquista, nitmiegħek spiss fil-jien,
jien li nobrom il-kliem, ego ad altiora tendo,
dil-mogħdija taż-żmien trid tkun ħolqien bla tmiem,

questi sprazzi di veglia son pochi, io lo so,
dur désir de durer, desafiando el silencio,
ma spero di esser letto quand'io me ne andrò.


Il-Qrendi, 30 ta' Awissu 2005


Tistgħu tisimgħu dan is-sunett billi tikklikkjaw hawn. Ħajr lil Antonio talli ħa ħsieb il-mużika fl-isfond.

Għalissa daqshekk. Nispera li jogħġobkom.

Tislijiet,

Twanny.


E intanto il sole tra la nebbia filtra già,
il giorno, come sempre, sarà...



Kummenti: 9

Anonymous Anonymous qal/qalet...

Nice Blog.

I have a Site / Blog about how to start file sharing with your PC.

It has everything you need to know about file sharing.

Please visit if you have the time.

15/9/05 04:05  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

U hallina minnkom...

15/9/05 04:08  
Blogger gybexi qal/qalet...

eh... mela ghalek ilek nieqes dan iz-zmien kollhu... ghamilt xi 3 gimghat biex tiktibha din nahseb :)

15/9/05 08:43  
Blogger Pierre J. Mejlak qal/qalet...

Merhba lura Twan. Nitkellmu bil-kwiet il-gimgha d-diehla...

15/9/05 09:39  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

wink back from the superblogging lowly insect... imma kieku tisma' mill-qawl tal-gimgha mhux ahjar?

prosit xbin

15/9/05 11:18  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi nies. Kif jgħidu bil-Maltish, 'immissjajtu' l-blogg... ħassejt in-nuqqas tiegħu... jew aħjar, ħassejt in-nuqqas tiegħi.

Jacques, bil-kliem 'ibbloggja ftit' jiena ridt infisser li mhux bil-fors trid tibbloggja kuljum, darba fil-ġimgħa għalija biżżejjed per eżempju... nammira ħafna r-regolarità tiegħek (u ta' Antonio, li jikteb kważi kuljum ukoll), kif ukoll il-fatt li l-bloggati tagħkom is-soltu jkunu konċiżi u jmorru dritt għall-punt. Min-naħa l-oħra, ta' ossessiv li jien, filwaqt li ngħożż il-varjetà, il-ftit dwar ħafna jagħtini s-sensazzjoni ta' vertiġini li semmejt fuq, u għalhekk nippreferi l-ħafna dwar ftit. Għalhekk ukoll nikteb fit-tul... kwistjoni ta' temperament differenti.

Ovvjament l-ideal ikun li tibbloggja ħafna u tibbloggja tajjeb... imma biex tagħmel hekk irid ikollok ħafna, ħafna ħin ħieles.

Kif jgħidu, żommu 'l fuq... dejjem hemm lok għat-titjib.

15/9/05 16:44  
Blogger Arcibald qal/qalet...

Proset ta' artiklu interessanti ħafna Antoine. Forsi jien nikteb ftit dwar ħafna bi stili differenti għar-raġuni li bil-blogg sibt post fejn nikteb il-ħsibijiet, l-opinjonijiet u l-kummenti tiegħi dwar id-dinja - u ma' taf id-dinja hija mkissra, frammentata u bla direzzjoni ta' xejn.

Il-biċċa hi li qatt ma nieqaf naħseb dwar xiex sa nikteb fil-blogg - jiġifieri jekk ma jiġini xejn f'moħħi normalment nispiċċa ma nikteb xejn. In-normal hu, iżda (u bħal ma tafu), li jgħaddu wisq affarijiet minn quddiem għajnejja u minn bejn widnejja li nispiċċa nikteb dwarhom - għax naħseb li huma mhux ta' min jitlifhom.

Dik ta' Maslow ta' Ġona naqbel miegħek perfettament, u anki tal-vertiġini. Il-fatt hu iżda li issa sirt niġi nitnejjek jekk per eżempju xi ħadd jismax il-mużika tiegħi jew le. Is-sodisfazzjon nieħdu fil-kreazzjoni stess. Avolja nammetti li xi kultant tiġini l-kilba tal-performance fil-pubbliku - li tara n-nies jisimgħu il-mużika tiegħek u tkun taf li qed jieħdu gost hija kbira wisq!

Insomma proset sieħbi - kompli ikteb issa li erġajt startjajt il-magna. :)

15/9/05 18:24  
Blogger nigredo qal/qalet...

welkam bekk twannie...

16/9/05 21:58  
Anonymous Maria qal/qalet...

Bloggata sabiħa tassew!

Imma peress li inti perfezzjonista bħali, ħa nibgħatlek korrezzjoni żgħira: Il-kelma Ġermaniża tinkiteb "Weltanschauung" b' 2 "u" u tiġi pronunzjata: vélt-an-xaw-ung. Rigward il-premju tiegħi... nixrob ilma biss jien ;-).

Saħħa,
Maria

23/9/05 18:50  

Ħalli kumment

<< Home