<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

16.8.05

Pajjiż Imsejken

Kif għamel Bertu b'mod siewi u eċċellenti, ta' min nagħti l-verżjoni tiegħi tat-traġikummiedja li saret nhar is-Sibt li għadda fl-inħawi ta' Ta' Ċenċ.

Ftit qabel ma tlaqt mill-Qrendi u salpajt lejn Għawdex, skoprejt din l-aħbar fit-Times, li dehret ukoll fl-Independent u anki fl-Ogħdos. Stqarrija stampa mill-Mepa li, ġentilment, tinformana li l-irdumijiet ta' Ta' Ċenċ ġew iddikjarati bħala santwarju għall-għasafar, jew biex nikkwota testwalment lill-Mepa, «an IBA (Important Bird Area) of EU importance». Għażla terminoloġika sublimi. Importanti tassew, imma xi tfisser? Kienet koinċidenza li din id-deċiżjoni tal-Mepa tħabbret proprjament il-ġurnata li kellha ssir il-mixja edukattiva organizzata mill-Fondazzjoni Ceratonia u AD-Għawdex? Ir-retiċenza ta' l-istqarrija stampa rigward l-implikazzjonijiet ta' din id-deċiżjoni fuq il-proposta tal-korsa tal-golf –anzi, in-nuqqas tagħhom– hi xi ħaġa li twerrċek. U li twerrxek ukoll, għax kif indunajt ftit sigħat wara, din kienet biss l-ewwel parti tal-pjan: agħti l-idea li l–ambjentalisti qegħdin jagħmlu l-istorbju biss għall-grazzja ta' l-istorbju.

Wasalt is-Sannat nofs siegħa tard, u rajt ġemgħa nies madwar Arnold Cassola, li kien qed jagħmel diskors quddiem kamera ta' televiżjoni. Ħsibt li l-mixja kienet għadha ma bdietx, imbagħad ilmaħt ir-rabja fuq l-uċuħ ta' ħafna minn dawk preżenti, imbagħad rajt ix-xatba u xi erba' pulizjotti. Imbagħad iltqajt ma' Bertu, li fissirli kollox. Kwarta qabel ma kellha tibda l-attività, il-mixja paċifika madwar l-għelieqi, l-irdumijiet, id-dolmens u r-raddi preistoriċi li huma ta' wirt universali, ġie x-xitan u deffes denbu: Victor Borg, sid il-lukanda ta' Ta' Ċenċ, tella' ix-xatba biex jibblokkja l-passaġġ ħieles. U b'hekk, bl-għajnuna ta' erba' suldati tas-sold (jew tax-xelin) li xogħolhom suppost hu li jħarsu l-jeddijiet tal-poplu, neħħielna d-dritt li ngawdu dak li hu ta' kulħadd.

Dik ix-xatba qalagħha minn żniedu, jew kien irċieva ordni minn fuq? Ma nafx, imma issa, denbu taħt il-blata, jistqarr li tella' x-xatba bħala miżura temporanja biex 'isalva' l-art mill-impatt ta' daqstant nies miexja fuqha. Kif wera Bertu b'mod ċar, din l-istqarrija hija nieqsa mil-loġika. U hija wkoll insult lill-individwi, esperti jew dilettanti, li jgħożżu l-ambjent u li xtaqu jieħdu sehem fil-mixja edukattiva.




Il-mixja ma saritx, imma d-diskorsi edukattivi fuq l-ekoloġija u l-istorja, kif ukoll il-qari ta' poeżija, saru xorta waħda. Ma kienx faċli, u jiena ftit li xejn stajt nisma', għax xi wħud kienu qegħdin jiddiskutu mas-Sur Borg u l-biċċa l-kbira tan-nies kienu irrabjati wisq biex iżommu s-skiet. Wara d-diskorsi, ersaqna lkoll lejn ix-xatba għat-teħid tar-ritratt. Naturalment, issa li konna aktar qrib l-ostaklu, quddiem il-fruntiera fiżika bejn l-inġustizzja u l-jedd, l-għajat żdiedu, u l-protesta li kellha tkun paċifika saret protesta storbjuża. Dażgur li n-nies għamlet storbju! Mhux biss l-ambjentalisti, imma għadd ta' turisti li kienu ġew għall-mixja wkoll! Kif jista' jkun li kien hemm sinjali pubbliċi għad-dolmens u għall-irdumijiet ta' Ta' Ċenċ, imma ħadd ma kien jista' jgħaddi biex jarahom?


Xi tużżana nies qabżu x-xatba, u fi kwistjoni ta' sekondi, waslu aktar pulizjotti u keċċewhom 'il barra. Peress li kien hemm ħafna tfal, ftit kienu dawk li fittxu l-konfrontazzjoni. X'ħin waslu l-pulizjotti u wħud minna bdejna nibbuwjawhom, Harry Vassallo qabad il-megafon u talab lill-folla li ma tmaqdarhomx għax fl-aħħar mill-aħħar kienu qegħdin jagħmlu xogħolhom. Jiġifieri, li kienu qegħdin isegwu l-ordnijiet ta' min kien bagħathom. Qal ukoll li x-xatba illegali kellha tiġi opponuta b'mod ċivili, billi jitressaq il-każ quddiem il-Qorti. Għall-grazzja t'Alla, ħadd ma ġie arrestat, u ħadd ma weġġa'... imma kważi.

Aktar tard, fil-pjazzetta fejn ittellgħet il-wirja tal-kwadri li tpinġew fl-attività tax-Xagħra l-Ħamra, tfaċċa bniedem voċiferu ('troglodita' fi kliem Bertu, u kif jgħidu bl-Ispanjol, energúmeno), beda jgħajjat ma' l-erbat irjieħ li l-pjazza kienet tiegħu u bagħatna nixxejru 'l hemm. Fakkarni f'dak il-karattru skwilibrat tal-film Cinema Paradiso li mingħalih li hu sid il-pjazza (Fuori tutti! La piazza è mia!), bid-differenza li dal-karattru ma xtaq id-deni lil ħadd. Imbagħad hedded fiżikament lil Harry Vassallo, waslu zewġ pulizjotti, ammetta li l-pjazza ma kienet tiegħu xejn, wassluh sal-karozza tiegħu u bewweġ 'l hemm.


Xejn ma għandi x'inżid, in-nies telqet bil-ftit il-ftit, xi wħud minna bqajna hemm inpaċpċu bil-kwiet, u fl-aħħar bewwiġna 'l hemm ukoll. Issa jidher li sidien l-art ta' Ta' Ċenċ fissru lill-AD li ma għandhom l-ebda intenzjoni li tinbena korsa tal-golf f'dawk l-inħawi u li kien kollu malintiż. Issa naraw, għax tibqa' l-intenzjoni tal-gvern. Forsi, għalkemm il-mixja ma saritx (jew proprju għax ġiet sfrattata b'dak il-mod), ma morniex għalxejn, imma għad nibdew naraw żviluppi pożittivi. Iżda dak li ġara weġġagħna, u weġġagħni, u għadni nibża' li l-importanza ta' korsa tal-golf importanti fl-inħawi ta' importanza ta' Ta' Ċenċ hija aktar importanti għall-gvern milli huma l-ftit postijiet ħodor li baqgħalna, għax mill-kampanja u mill-wirt naturali tagħna donnu ma jimportah xejn.


---------------


L-għada fil-għodu, lura Malta, inżilt għal ħdejn il-baħar, imma ma stajtx ingawdi l-isbuħija ta' madwari. Naħseb li s-saħna tal-ġurnata ta' qabel kienet waslet aktar 'il ġewwa matul l-irqad, u li minħabba f'hekk waqajt fil-muta. Kif nista' ngawdi l-kampanja u l-baħar meta naf li qegħdin jiġu meqruda b'mod daqstant sfaċċat? L-idea biss tal-koros tal-golf u ta' l-iżvilupp li kieku jsir madwarhom diġà hija biżżejjed biex tniġġes. Wara ċ-ċiniżmu u r-rabja, jiġi l-uġigħ il-qalb. Nhar il-Ħadd fil-għodu bqajt iċċassat lejn wiċċ il-baħar u lejn is-sema, mitluf mhux fil-ħsieb imma fl-assenza ta' ħsibijiet. Għal ftit sigħat, l-għaja, l-apatija, l-indifferenza, ma jimpurtani minn xejn. Naħseb li tiġri lil kulħadd, u li nissieltu kemm nissieltu, xi kultant nirkadu. Naħseb li din l-ewwel ġlieda li rridu nirbħu: negħlbu l-bruda u d-dgħufija li jista' jkun hemm fina, inrabbu t-tama, u meta jirnexxilna, nerġgħu naħdmu għal dak li nemmnu fih. Intenni l-konklużjoni ta' Mark tal-ġimgħa li għaddiet għax il-bieraħ għenitni ħafna biex nerġa' niftaħ għajnejja: «Mela, xammarna l-kmiem, hasta siempre, u nerġgħu nibdew».

Fl-aħħar, nhar il-Ħadd ħdejn il-baħar, ġietni f'moħħi l-mużika mnikkta ta' din is-silta (oħra ta' Battiato, skużawni), u ġrejt lura d-dar biex nismagħha. Togħġobni fuq kollox għax f'tmiem il-biki, il-kantawtur jiftakar fit-tama.

Pajjiż Imsejken

Pajjiż imsejken! Mgħaffeġ taħt l-abbużi tal-poter,
ta' nies infami li ma jafux x'inhi mistħija,
mingħalihom li huma Omnipotenti
u li huma s-Sidien ta' kollox.
Fost il-gvernaturi, kemm hawn buffuni perfetti
u li ma jiswew għal xejn!
Dal-pajjiż imġarraf mit-tbatija...
kif ma tħossu xejn quddiem dawk l-iġsma
mixħuta ma' l-art u bla ħajja?

Mhix se tinbidel, mhix se tinbidel,
le, mhix se tinbidel, forsi tinbidel.

U kif se niskużawhom, il-jeni ta' l-istadji
u dawk tal-gazzetti,
jitmiegħku fit-tajn qishom ħnieżer?
Nistħi ftit minnhom, u jweġġagħni
nara lill-bniedem bħala annimal.

Mhix se tinbidel, mhix se tinbidel,
iva, se tinbidel, għad tara kif tinbidel.

Forsi nistgħu nittamaw li d-dinja tiġi lura
għal kwoti aktar normali,
li tkun tista' tikkontempla s-sema u l-fjuri,
li ma nitkellmux aktar fuq id-dittaturi.
Jekk għad baqagħlna biex inkampaw...
ir-rebbiegħa, sadattant, iddum ma tasal.


Saħħiet,

Twanny.

* Ħajr lil Victor Galea għar-ritratti.

Kummenti: 13

Blogger Bertu ta l-Angli qal/qalet...

prosit Twan, l-unika dispjacir li ghandi u li ma kellniex cans nghidu kelmtejn bil kwiet. Ghal darba ohra.

16/8/05 08:48  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Il-Ġaħan Malti (Għawdxi?) jerġa' jagħmilha.

Hekk sejrin f'dan il-pajjiż, titfa' t-trab taħt it-tapit u għax tkun taf erba' bażużli, issib il-forzi taż-żamma ta' l-ordni kollha jgħinuk.

16/8/05 13:21  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

Grazzi Twanny,
bhalma ghidt li siehbek bertu, nghid lilek ukoll: Il-prezenta tieghek fl-avveniment Ta' Cenc kient ferm apprezzata mill-Ghawdxin prezenti fil-folla u minn dawk li qaghdu jittawlu minn wara l-bibien u t-twieqi!!!
Hadd ma basar li mijiet ta' nies kienu lesti jikkonfrontaw persuna f'Ghawdex li t-tifel tieghu qatt ma wehel minuta habs minhabba traffikar ta' droga, li huh qatt ma wehel sekonda habs minkejja li kien jiehu l-blue flims lit-tfal ta' l-iskola meta kien Instructor fl-skola u wara spicca driver ma' huh fil-lukanda Ta' Cenc.
Hadd ma basar li is-Sur Ellis li gie jehodha ma' Dr. Vassallo u jidghi li l-pjazza fejn konna hija tieghu kien ser jispicca jitkecca lura mill-pulizija. Dan l-istess Sur Ellis tal-Girna Restaurant li wara li qatel 2 minn nies fil-Canada, spicca jgawdi u jahx* f'Ghawdex u ferhan ser itir ghax minghalih li l-golfers li ser jigu ta' Cenc ser imorru jieklu fir-restaurant tieghu!
Hemm bzonn li L-Ghawdxin u l-Maltin iqumu mir-raqda u jintebhu li HUMA JISTGHU jaghmlu xi haga!!!
NERGGHU NILTAQGHU

16/8/05 13:51  
Blogger Arcibald qal/qalet...

Proset Twan ta' l-artiklu vera nteressanti... ma kontx naf li spiccat daqshekk drammatika l-haga... vera tal-misthija!

Nistghu nghidu verament li qeghdin f'sitwazzjoni allarmanti jekk il-poplu qas biss jista' jgawdi siti storici u dawk naturali. U l-poplu ingenerali qas biss jaf x'qed jigri. Imnalla jkun hawn nies bhalkom (int u Bertu) li tiehdu interess attiv f'dan il-qasam.

16/8/05 19:20  
Anonymous marelli qal/qalet...

"...għax mill-kampanja u mill-wirt naturali tagħna donnu ma jimportah xejn."

il-gvern m'għandux ideja x'jaħbat il-wirt naturali. Għalihom il-kelma 'ambjent' tfisser l-erba' fjuriet li jħawlu fir-roundabouts 'l hemm u 'l hawn. Tal-biki kif kull roqgħa kampanja rridu nivvintaw kif ħa neqirduha f'dal-pajjiż. U l-lista dejjem tikber - xagħra l-ħamra, baħrija, ta' ċenċ...

prosit tal-blogg :)

16/8/05 19:43  
Blogger Roderick Mallia qal/qalet...

Kenneth...

u l-Għawdxi x'inhu? Mhux il-Ġaħan Malti 'a confezzione grande'? Qed tifhem? Ħeq... I mean...

16/8/05 20:26  
Blogger Kenneth qal/qalet...

This comment has been removed by a blog administrator.

19/8/05 03:38  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Hehe, u ħa ngħidlek, veru ta'! Qed tifheem?

19/8/05 03:39  
Blogger Guze' Stagno qal/qalet...

Heh... anzi ma darukomx bil-gebel kif kienu ghamlu lill-Laburisti fl-1961... ostja injuranza twahhxek.

Confezione Grande? King size...

20/8/05 11:45  
Blogger Kenneth qal/qalet...

anzi ma darukomx bil-gebel kif kienu ghamlu lill-Laburisti fl-1961... ostja injuranza twahhxek.

Għal daqshekk mhux l-Għawdxin biss. Għandi informazzjoni minn sorsi familjari ta' min jorbot fuqhom illi dik kienet tiġri wkoll il-Marfa. Qassis magħruf hawn il-Mellieħa (magħruf għall-moħħ magħluq tiegħu, lilhinn mill-politika jiġifieri) li għadu jraqqad lil tant u tant nies li għadhom jazzardaw imorru l-quddies illum, kien jieħu 'l-abbatini jwaddbu l-ġebel lil ta' Mintoff huma u ġejjin minn Għawdex. Jiġifieri wara l-ħasla ġebel Għawdex, nissopponi li kienu jdabbru oħra hekk kif jirfsu hawn.

Viva Ġesu' Kristu.

L-intenzjoni tiegħi mhix li nidħol f'kwistjoni partiġġjana, imma biex nuri li daw is-suppost qassisin juru kollox barra qdusija.

20/8/05 18:54  
Blogger Guze' Stagno qal/qalet...

Xi haga simili kienet grat ukoll lil Manuel Dimech meta pprova jaghmel meeting f'Hal Qormi: wiehed sacerdot kien xewwex lir-rahhala u daruh bil-gebel sa ma kwazi haggruh.

Kwazi kwazi lil min waddab il-gebel tithassru ta' njorant li hu. L-ikbar tort hu tax-xewwiexi... li nghiduha kif inhi kien jaqbillu ferm li l-poplu jibqa' Gahan.

21/8/05 15:09  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Wiżgur li kien jaqbillu. Niftakar silta ta' proża ta' J.J.Camilleri fil-Qawsalla, mingħalija bl-isem ta' "Ir-Ribelli" li kienet tittratta, fost l-oħrajn, din it-tema li l-kappillan tar-raħal qatt ma ħa gost b'min ma kienx jibla' kollox bħal mazzun.

Il-problema hi li l-Malti għadu Ġaħan u għadu jpaxxi lil dawn ix-xewwiexa, li l-unika ġustizzja għalihom hi li jaqilgħu ħasla ġebel bħall-Aboriġini (minn hawnhekk niskuża ruħi talli qed inwaqqa' 'l-Aboriġini f'livell daqshekk baxx)... bħalma, wara kollox, kienu jagħmlu b'tant pompożita' u preġju huma stess. A taste of their own medicine, jgħidu l-Ingliżi.

Jekk dawn il-qassisin sejrin il-Ġenna, allura kulħadd jista' jserraħ rasu fuq l-inkwiet u l-ġlied fl-Istrixxa ta' Gaża. Dawk it-tfal ta' 11-il sena li jwaddbu l-ġebel lis-suldati, dawk għall-Ġenna wkoll. Talanqas issa nafu li wara din il-ħajja se jsibu l-"paċi ta' dejjem" huma wkoll, fil-kumpanija ta' l-aqwa saċerdoti li pproduċiet Malta. Tassew għandna biex inkunu kburin.

21/8/05 16:15  
Blogger Athena qal/qalet...

Twan I have an unrelated question:-) Any possibility of downloading and saving this Battiato song and the one you had before? (I can't even spell it so I won't try!). I *really* like those songs:)

Ok, time to get back to my parallel universe, Mon I hand in my dissertation. Woohoo.

24/8/05 22:58  

Ħalli kumment

<< Home