<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

1.8.05

Ħarsa msaħħra, ħarsa mħassra






Il-bnedmin kollha jitwieldu ħielsa u ugwali fid-dinjità u d-drittijiet. Huma mogħnija bir-raġuni u bil-kuxjenza u għandhom iġibu ruħhom ma' xulxin bi spirtu ta' aħwa.
(Stqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem, il-Ġnus Magħquda - Artiklu 1)


Il-kitba Għarbija minn dejjem affaxxinatni. Xi seba' snin ilu, meta kont għadni naħseb li kont kapaċi nagħmel kull proġett li jgħaddili minn moħħi –jiġifieri qabel ma bdejt naħdem u ħabbatt wiċċi mat-tirannija taż-żmien–, bdejt nistudja l-alfabett Għarbi, bil-ħerqa ta' żgħożija mwaħħra u bit-tama li nsir naf naqra u nikteb dik il-kitba eleganti, dik il-kodiċi rfinuta li tant kienet (u għadha) tiġbidli għajni. Proġett ieħor li wara xi ftit ġimgħat baqa' ma tkompliex minħabba attivitajiet oħrajn. Chiodo scaccia chiodo: kull musmar jaqla' l-ieħor. Ħasra.

Strettament, fil-każ tal-kitba Għarbija, ma nistgħux nitkellmu dwar 'alfabett'. Is-sistema Għarbija, li tintuża wkoll fil-Persjan u fl-Urdu (għalkemm b'ċerti adattazzjonijiet), proprjament hija eżempju ta' abjad, imsejjaħ mill-lingwisti wkoll bħala consonantary. Dan ifisser sempliċement li ma jeżistux karattri għall-vokali, imma dawn jiġu mmarkati permezz ta' għeliem dijakritiċi, tikek żgħar fuq jew taħt il-konsonanti, jew ma jiġu ssinjalati xejn għax jistgħu jintgħarfu mill-kuntest. Din l-ekonomija, flimkien mal-fatt li l-kitba Għarbija hija ta' natura korsiva (saħansitra fil-kitba mitbugħa), għalija jikkostitwixxu l-eleganza li semmejt fuq.

Biex inkunu eżatti, is-sistema tal-kitba Għarbija hija eżempju ta' abjad impur, għax il-vokali twal fil-fatt għandhom karattri għalihom, daqslikieku kienu konsonanti. L-isem abjad ġej mill-ewwel 'nonsense word' (kelma assurda?) magħmula mis-sekwenza mnemonika għall-ittri Għarbin: Alif, Bā', Jīm u Dāl. L-alif mhijiex vokali, imma flimkien mal-Ħamża titqies bħala ittra speċjali b'valur konsonantali li tista' tirrappreżenta speċi ta' a twila jew q dgħajfa, xi ħaġa li tispjega għaliex fil-Malti għandna ċerti għeruq b'radikali 'nieqsa', bħal ngħidu aħna l-verb kiel ('-K-L), jew emmen ('-M-N). Interessanti kif dawn l-ewwel erba' ittri ta' l-abjad Għarbi jixbhu l-ewwel erbgħa ta' l-alfabett Grieg: alpha, beta, gamma, delta. Interessanti wkoll il-'kelma assurda' abecedario, li fl-Ispanjol hija sinonimu għal alfabeto, u fit-Taljan tfisser ktejjeb li kien jintuża biex wieħed jitgħallem kif għandu jikteb l-ittri, jew kompożizzjoni poetika tal-letteratura tardolatina li fiha l-ittri inizzjali ta' kull vers jew strofa jsegwu 'l xulxin f'ordni alfabetika.

Interessanti ħafna dawn il-punti ta' xebh, imma mhux ta' stagħġib. L-ittri Għarbin tnisslu min-Nabatew, li kien djalett ta' l-Aramajk u li nsibu f'ċerti skrizzjonijiet fil-belt ta' Petra; l-Aramajk, min-naħa tiegħu, oriġina mil-lingwa Feniċja. Nafu wkoll li mis-sistema tal-kitba Feniċja tnissel l-alfabett Grieg, li fuqu kien ibbażat il-ħolqien ta' l-ittri Etruski u aktar tard l-ittri Latini li bihom qed nikteb dil-bloggata. Jekk inkomplu nitilgħu 'l fuq fis-siġra tal-ġuljana lingwistika, niskopru li l-karattri Feniċji tnisslu mill-alfabett Proto-Kangħan, diġà fl-aħħar sekli ta' Żmien il-Bronż, u li dan min-naħa tiegħu kien ispirat mis-simboli ġeroglifiċi ta' l-Eġittu, li dehru fir-raba' millennju Q.K. Hemm min jipprova jsib rabta bejn il-ġeroglifiċi u l-kitba kunejforma tas-Sumeri ta' Mesopotamia, iżda għalkemm dawn iż-żewġ sistemi nibtu tista' tgħid fl-istess perijodu u milli jidher kienu invenzjonijiet indipendenti minn xulxin, xorta jaqsmu l-unur ta' l-ewwel tentattivi biex il-ħsieb (u ejja ngħiduha, it-transazzjonijiet monetarji wkoll) jitniżżel għar-referenza, u b'hekk, permezz ta' din it-tour de force fl-istorja tal-bnedmin, il-memorja individwali tikseb dimensjoni esterna u ssir kollettiva.

Anch'io a guardarmi bene vivo da millenni,
e vengo dritto dalla civiltà più alta dei Sumeri,
dall'arte cuneiforme degli Scribi,
e dormo spesso dentro un sacco a pelo
perché non voglio perdere i contatti con la terra.

Franco Battiato, Mesopotamia


Ġeneralment, jeżistu żewġ varjanti ewlenin tal-kitba Għarbija: il-Kufi u n-Naskħi. Il-kitba Kufija hija ta' natura angulari, x'aktarx minħabba li kienet tintuża għat-tnaqqix fuq il-wiċċ ta' materjal iebes, bħall-injam u l-ġebel. Eżempju wieħed li nstab Għawdex huwa l-Ħaġra ta' Majmuna, lapida li fiha talba fi forma ta' poeżija eleġijaka, miktuba minn missier li jinvoka s-saħħa spiritwali biex jaffronta t-telf ta' bintu. (F'din il-paġna tinsab traduzzjoni bl-Ingliż ta' din il-poeżija). Eżempju ieħor ta' kitba Kufija huwa din il-lapida li tinsab fil-belt Spanjola ta' Toledo.

Il-kitba Naskħija evolviet bħala sistema korsiva parallelament ma' l-iżvilupp tal-karta, u wara s-seklu X ħadet post il-kitba Kufija bħala l-aktar sistema populari, mhux biss għall-ikkopjar tal-Quran iżda wkoll għall-kitbiet sekulari u personali. Min-Naskħi ġej l-istil modern ta' l-Għarbi miktub, wara ħafna simplifikazzjoni u tirqim. Il-biċċa l-kbira tal-konsonanti ta' l-abjad Għarbi għandhom erba' forom differenti, waħda għall-ittra iżolata u tlieta oħra skond il-pożizzjoni tagħhom ġewwa l-kelma. Għalkemm dawn it-tliet forom ġeneralment jixxiebhu, billi l-ilsien Għarbi huwa mibni fuq il-prinċipju trikonsonantali, tistgħu timmaġinaw il-varjetà kbira li hemm. Ħlief fil-każi ta' ittri li ma jingħaqdux ma' l-oħrajn, l-ittri ta' kull kelma jintisġu biex flimkien jagħmlu figura. Jekk kull kelma hija figura, u bil-pronomi mehmużin u l-forom verbali (u jekk m'iniex sejjer żball, it-tliet deklinazzjonijiet li għandu l-Għarbi, bħas-sitta tal-Latin u tal-Grieg) kull kelma jkollha sensiela ta' forom minkejja l-assenza grafika tal-vokali, nistgħu nilmħu l-infinità ta' figuri possibbli.

Ejjew naraw daqsxejn kif l-ittri jintisġu biex jifformaw kelma-figura, bl-eżempju sempliċi ta' l-għerq K-T-B:

K inizjali:

T intermedja:

B aħħarija:

Mela l-għerq KTB jiġi:


Jiena, kull darba li nisma' kelma ġdida f'waħda mil-lingwi li naf, inġibha quddiem moħħi bħala sekwenza ta' ittri sabiex wara nkun nista' nniżżilha u niftakarha. Fil-każ ta' l-Għarbi, nistħajjel li l-kliem jiġu immaġinati u miżmuma fil-memorja bħala figuri. Dan il-fenomenu jiffaxxinani.

Imbagħad hemm il-kalligrafija, fejn l-aspett artistiku tal-kelma-figura (anzi frażi-figura) jilħaq livell ġdid, aktar mistur u astratt. L-enerġija donnha ġġelben tul l-eleganza tal-linji jew tal-ħżuż, bejn l-ittri u bejn il-kliem. Il-partijiet kollha jingħaqdu fi figura waħda, konċiża u ta' spiss simbolika. L-isbuħija astratta tal-kalligrafija Għarbija hija diffiċli biex tiftiehem, u l-"qarrej" li jipprova jħoll it-tifsira tagħha għandu jkun imħarreġ sewwa fl-arti u jrid ikollu għajn akuta. Bħas-sunett u bħall-ħajku, l-elementi individwali jinkixfu bil-ftit il-ftit quddiem il-ħarsa tal-qarrej, sakemm dan jirnexxilu jgħaqqadhom u jiskopri, f'daqqa waħda, is-sinifikat sħiħ ta' l-opra, il-loġika ta' wara l-kreazzjoni.

Bosta opri ta' kalligrafija klassika huma rappreżentazzjonijiet ta' vrus meħudin mill-Quran. Dan l-eżempju huwa ta' l-istil imsejjaħ Thuluth, li tfisser 'terz', x'aktarx b'referenza għall-proporzjoni ġeometrika bejn il-linji dritti u l-kurvi. Jekk tippermettu l-inċiż, osservaw daqsxejn il-messaġġ: il-Quran ma jikkundannax reliġjonijiet oħrajn, iżda jfaħħar id-diversità bħala virtù.



O bniedem! Tkewwintu minn par wieħed, raġel u mara, u nħloqtu fi ġnus u f'razez differenti, sabiex issiru tafu 'l xulxin, u mhux biex titbiegħdu
. (Surah 49, v. 13).



Teżisti wkoll ħafna kalligrafija ta' xejra lajka, per eżempju ta' qwiel jew għajdut tradizzjonali. Din l-opra ta' l-istil Deewani, li kien popolari fost il-kanċellerija Ottomana, togħġobni wisq. L-ittri u l-kliem donnhom jifformaw figura ta' moħħ, simbolu ovvjament ta' l-għerf uman.



Kull min jgħallimni għandu l-qima dejjiema tiegħi.




Ta' min nagħtu ħarsa wkoll lejn il-kalligrafija kontemporanja. Hassan Massoudy, artist modern li joqgħod Pariġi, huwa magħruf għall-amalgama li ħoloq bejn il-wirt tal-kalligrafija tradizzjonali Għarbija u l-kultura tal-Punent. Fl-opri tiegħu, Massoudy jwaħħad dawn iż-żewġ nixxiegħat storiċi billi 'jittraduċi', permezz tal-pinzell, ċitazzjonijiet mil-letteratura u l-filosofija Ewropej.







Id-dar ta' l-għaref huwa l-univers (Demokritu)











Jekk inti differenti minni, ħija, mhux biss ma toffendinix, iżda tagħnini (Antoine de Saint-Exupéry)








Gallerija ta' l-opri ta' Massoudy tinstab hawn.


F'Marzu tas-sena li għaddiet, wara l-attakki ta' Madrid u l-manifestazzjoni solidarja f'Alcalá li l-Frankisti rnexxielhom jittrasformaw f'apoloġija tal-bandiera Spanjola, jien u sħabi morna sal-Café Continental, klabb ta' jazz fejn kienet taħdem ħabiba tagħna u fejn konna nintefgħu xi darbtejn fil-ġimgħa biex nistrieħu u niddiskutu dwar l-għasafar u n-naħal, il-politika u l-kotba, il-ħajja u l-baħħ. Dakinhar, jiena li kont għadni taħt ix-xokk tal-mewt ta' sieħbi Juan Manuel u bir-rabja tas-sagrileġġ tal-manifestazzjoni, fil-Conti bqajt sieket. L-ebda kelma ma kelli aptit inlissen, u bqajt iċċassat lejn l-iskrin tat-televiżjoni. Kienu għaddejjin l-aħbarijiet fuq il-Canal Plus Spanjol.

Xi tliet sigħat qabel, il-pulizija kienet sabet ittra f'landa taż-żibel ħdejn moskea fil-Lvant ta' Madrid. L-ittra kienet miktuba bl-idejn, bl-Għarbi. Kienet ir-rivendikazzjoni 'uffiċjali' ta' l-attakki li kienu seħħew fil-għodu. L-ittra ntweriet fuq l-iskrin, issa fil-perspettiva kollha tagħha, u issa iffukata ħalli dehru biss ċerti kelmiet. Urew l-ittra, imbagħad il-moskea, imbagħad l-istampi tat-treni distrutti u l-pjattaformi kulur id-demm, imbagħad lura għall-ittra. Darba, darbtejn, tliet darbiet. F'inqas minn kwarta, naħseb li rajt il-kitba Għarbija fuq l-iskrin xi għoxrin darba.

Nammetti li f'dak il-mument, ġo moħħi għamilt rabta bejn il-kitba Għarbija u t-terroristi. Kull darba li ffokaw fuq l-ittra ħassejtni nitriegħed. Il-figuri tal-kliem f'daqqa waħda dehruli koroh. Imbagħad indunajt x'kien qed jiġrili, u ma stajtx ma niftaħx ħalqi.

«¡La hostia, macho! ¡Lo están consiguiendo! ¡Con estas imágenes los cabrones me están metiendo miedo con la escritura en árabe! ¡Me están haciendo odiar lo que antes me atraía y quería aprender! ¡Los cabrones!»

U stħajjilt l-eluf, il-miljuni ta' nies madwar Spanja li f'dak il-mument kienu qegħdin jaraw it-televiżjoni fis-salotti tagħhom, u kif l-istess rabta li kont għamilt jien kienet qed timmultiplika ruħha fl-imħuħ u fis-subkonxji ta' l-oħrajn. Immaġni tat-tkexkix. Erba' fanatiċi (nevita l-kelma fundamentalisti għax ma nemminx li l-vjolenza hija wieħed mill-fundamenti ta' l-Islam) ixerrdu l-mibegħda bil-bombi u l-medja tieħu ħsieb li l-mibegħda tiġi globalizzata u tasal sa l-ibgħad irkejjen ta' l-imħuħ u tal-qlub.

Ħasra li jekk il-lum tidher xi biċċa kitba bl-Għarbi fuq it-televiżjoni, probabbli li ma jkunx f'xi dokumentarju iżda fuq l-aħbarijiet, wara xi attentat u numru indefinit ta' mejtin u midruba.

Ħasra li fis-subkonxju Ewropew (imma niftakru li l-Islam huwa reliġjon Ewropeja wkoll), jew agħar minn hekk, propjament fil-kuxjenza ta' aħna li nużaw alfabett ta' ittri iżolati u mhux abjad ta' ittri minsuġa, il-kitba Għarbija saret marbuta mar-ritratti ta' komunikati u paġni web li jsejħu għall-hekk imsejħa 'gwerra mqaddsa'.

U m'hemmx xi ngħidu, ħasra wkoll li individwi li ma għandhom xejn x'jaqsmu ma' l-estremisti, fl-Ingilterra, f'Spanja u f'pajjiżi oħrajn, qed jiġu mheddin, aggrediti u saħansitra maqtulin minħabba l-kulur aktar skur tal-ġilda tagħhom, u wħud minnhom lanqas biss huma Islamiċi. Darba minnhom, fit-tramuntana ta' Wales fejn ħija kien jattendi l-Università, erba' ġuvintur lokali ħasbu li kien mill-Pakistan. Ħija dakinhar kien qed jimxi bil-krozzi wara li kien weġġa' siequ f'partita futbol, imma ħatfu l-krozzi minn idejh, tefgħuh ma' l-art u tawh xebgħa bihom.

Ħasra.

Xi jrid ifisser Zapatero bl-alleanza ta' ċiviltajiet, li ppropona s-sena li għaddiet f'laqgħa ġenerali tal-Ġnus Magħquda? Blair laqa' l-idea u faħħarha bħala mezz biex il-gvernijiet nazzjonali jikkumbattu t-terroriżmu. Lili togħġobni l-idea wkoll, iżda ma rridx nara biss 'alleanza' bejn pajjiżi. Jekk l-idea hija wkoll li, bħalma jgħid il-vers tal-Quran li semmejt fuq, il-ġnus differenti "insiru nafu 'l xulxin", x'aktarx permezz ta' aktar skambju kulturali, mela merħba biha. Nistħajjel li hemm ħafna individwi li jistgħu jservu ta' eżempju. Wieħed minnhom huwa l-kalligrafu Hassan Massoudy.

Xtaqt nagħlaq dil-bloggata b'ton pożittiv, b'ħsieb kemm jista' jkun ottimista. Eżempju ieħor ta' wieħed li jissielet biex jibni pontijiet bejn il-kultura hekk imsejħa 'tal-Punent' u l-kultura Għarbija hu l-kantawtur Sqalli Franco Battiato. Battiato jinteressa ruħu ħafna fil-filosofija eżoterika Sufija, li mhux bil-fors għandha x'taqsam mar-reliġjon. Huwa wkoll espert fit-Taoiżmu, u tista' tkun vera l-akkuża li huwa daqsxejn ta' picaflor, kelma Spanjola użata biex tindika artista li jaqta' ftit fjuri minn ħafna għelieqi differenti biex jagħti varjetà wiesgħa lill-arti tiegħu, mingħajr ma jinżel fil-fond u jmiss l-għeruq ta' l-ebda aspett. Jiena ma nafx, imma l-fatt li mhux biss iżomm moħħu miftuħ iżda joħroġ 'il barra minn triqtu biex isib ideat imbiegħda, għalija diġà jfisser li qed jagħmel sforz nobbli. Battiato huwa mistiku, u biex sar mistiku kellu jsiefer lejn l-Orjent.

Battiato huwa wkoll wieħed mill-uniċi mużiċisti tal-Punent li għoġbu jagħmel kunċert f'Baghdad. Għal dan il-kunċert, ta' l-1992, qaleb waħda mis-siltiet tiegħu għall-Għarbi, L'ombra della luce. Tistgħu taqraw it-test oriġinali f'din il-paġna, filwaqt li l-video ta' l-interpretazzjoni tagħha bl-Għarbi jinstab hawn. Imbagħad hemm silta oħra li Battiato kkompona speċjalment għal dan il-kunċert, ibbażata fuq poeżija tradizzjonali Iraqija. Jisimha Fogh in-Nakhal. F'din il-paġna tinstab traskrizzjoni tal-kliem tagħha u traduzzjoni bit-Taljan. Din hija traduzzjoni bil-Malti.

Fuq is-Siġar tat-Tamar

Fuq is-siġar tat-tamar, hemm fuq
fuq is-siġar tat-tamar, hemm fuq
ma nafx hux ħaddek li qed jiddi
jew il-qamar, hemm fuq
ma rridx, imma l-għali qed jaħqarni.

Jistaqsini l-isfaċċat:
"Għala wiċċek isfar?"
L-ebda marda ma għandi,
inbati minħabba dik is-samranija
li taħbisni bil-ħlewwa ta' għajnejha.

Video ta' l-interpretazzjoni ta' Fogh in-Nakhal f'Baghdad jinstab hawn.
F'din il-paġna hemm video ieħor, mill-festival ta' Ravenna.
Jew inkella, ikklikkjaw fuq play fuq in-naħa tal-lemin biex tisimgħu l-verżjoni mill-album Caffè de la Paix, fil-fehma tiegħi l-isbaħ waħda.

Nagħlaq b'opra kalligrafika oħra ta' Massoudy. Naħseb li did-darba m'hemmx bżonn traduzzjoni. Biżżejjed ngħidilkom li din il-figura hija magħmula bl-ittri Sin, Lam u Mîm.



Kummenti: 14

Blogger thecoolestblog qal/qalet...

Cool blog and cool message

1/8/05 21:27  
Blogger wwwitchie qal/qalet...

This is such a tour de force. I've already read it three times and I think I need a fourth reading before I comment properly!

2/8/05 10:32  
Blogger wwwitchie qal/qalet...

This comment has been removed by a blog administrator.

2/8/05 10:32  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

ilmarijamadonna

hu nifs.
erga ibda.

the slow blogger hits us with the largest bomb of all!

impressjonanti... interessanti...illuminanti

issa naghfas print imbaghad naqraha bilmod... kif suppost taqra' l-ibbloggar tal-Maqluba

prosit xbin

2/8/05 11:24  
Blogger MaltaGirl qal/qalet...

Twanny, togħġobni il-header il-ġdid tiegħek, u l-qawl, għerq u kliem l-eremita - kollha ideat tajbin.

Bħalek kont bdejt nitgħallem l-alfabett Għarbi (snin ilu) għax l-aspett viżwali affaxxinani, imma bilkemm spiċċajt it-tieni kapitlu tal-ktieb li kont xtrajt... issa qed tħajjarni nerġa' nipprova. Sibtu interessanti ħafna dak li ktibt dwar it-tnissil tal-alfabeti, veru taf tispjega b'mod ċar. Grazzi tas-spjegazzjoni dwar il-kalligrafija - kont rajt xi eżempji fl-istil Thuluth fuq il-qoxra ta' Bibbji ta' xi ħbieb Għarbi, u veru kont ħsibthom stampi sakemm xi ħadd urini li fil-fatt kienu kitba... ta' l-għaġeb.

U naqbel ma' l-oħrajn - veru bloggata ta' barra minn hawn, jekk veru tista' ssejjħilha bloggata, jistħoqilha isem differenti. Nixtieq li nibdew naraw iktar kitbiet minn tiegħek f'proġetti bħall-wikipedija u Tabellina. Prosit, ġbin.

2/8/05 12:38  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Issa wara l-Għarbi, aqbad ukoll iċ-Ċiniż u ċ-Ċirilliku, tlett alfabeti/lingwi li l-kitba tagħhom sa minn dejjem affaxxinatni.

3/8/05 01:06  
Blogger Kenneth qal/qalet...

U prosit tat-tibdiliet li għamilt fil-blogg, għax issa qed ninduna x'żidt fil-ġenb!

3/8/05 02:27  
Blogger l-istordut kroniku qal/qalet...

Għoddni mal-bloggejja sħabek Antoine biex nikkummentalek li din bloggata eċċellenti. Għoġobni l-episodju li rrakkontajt meta kont fil-Cafè Continental. Fakkartni wkoll f'esibizzjoni tal-kaligrafija Għarbija li kont rajt fil-Luvre. Hija ħasra li l-apprezzament lejn il-kultura tal-orjent, hija ftit li xejn mifruxa hawn Malta. Kompli sejjer hekk.

3/8/05 15:41  
Blogger Athena qal/qalet...

Twann, prosit, veru hadt gost naqra. U il-kanzunetta ta' Battiato veru affaxxinanti. Apparti minn hekk fakkartni li nixtieq nitghallem l-Gharbi, sempliciment ghax inhobb il-lingwi. Hmmm forsi s-sena d-diehla nsib kors fl-universita', issa naraw.

3/8/05 16:35  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Kemm qed niehu gost nara l-interess taghkom fil-kulturi ta' l-Orjent, hbieb!

Grazzi hafna tal-kummenti taghkom.

Interessanti dak li qalet MaltaGirl, dwar jekk din tista' ssejhilha bloggata jew jekk jisthoqqilhiex isem differenti. Dil-mistoqsija gaghlitni nahseb fuq l-ghan tal-blogg innifsu. Jista' jkun li dak li ktibt huwa serju wisq biex jigi ppubblikat f'blogg? Jew ghax twil wisq? Blogg ma jistax ikun edukattiv?

Izda mbaghad, hemm zewg ragunijiet il-ghaliex nahseb li l-blogg kien l-aktar post xieraq ghal din il-kitba. L-ewwel, hemm il-vantagg tad-dimensjoni vizwali (l-istampi tal-kalligrafiji, ecc.) u interattiva (l-awdjo u l-videos li ghamilt link ghalihom). Kieku kont nibghat dil-kitba lil Tabellina, kienet tkun differenti hafna, u probabbli b'effett differenti.

It-tieni raguni hija li r-raba' parti tal-bloggata tirrakkonta episodju personali. Nahseb li l-element personali huwa wiehed mill-ingredjenti bazici tal-blogg, filwaqt li f'mezzi ohrajn wiehed x'aktarx ghandu jillimita l-prezenza tal-jien fil-kitba tieghu.

Dwar jekk se nikkontribwixxi xi artiklu ghal Tabellina, iva, imma ma nafx meta, u lanqas fuq xiex. Dwar il-Wikipedja, ghadni nistenna li nsib il-hin biex inlesti u norqom artiklu li ktibt fuq Spanja, fost affarijiet ohra. Il-problema hi li jekk se naghmel xi haga, jew naghmilha kif mehtieg, jew ma naghmilha xejn. Ghandi bosta progetti mibdijin li ghadhom jistennew biex johorgu fil-berah... imma qabel, irrid inkun zgur li huma (kemm jista' jkun) perfetti. Dan il-vizzju tieghi, naghmel kollox bil-mod, nipprova nizen (kwazi) kull kelma u kull detall. Perfezzjonist izzejjed, naf, imma jiena rasi iebsa.

Insomma, nirringrazzjakom mill-gdid. Napprezza kull kumment li nircievi.

Bil-haqq: hemm xi hadd jista' jfisser il-kliem "bla sens" ta' l-eremita? Hemm tifsira mohbija!

Sahha,

The Slow Blogger ;-)

3/8/05 18:20  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

Excellent Blog! From what I gathered, you could make a ton of money from this blog! Click here if you're smart.

4/8/05 10:43  
Blogger Neriku-Frangisk Gawdxi qal/qalet...

Ghal darba ohra (u bir-ragun) PROSIT! Kull kelma fiha x'tomghod, kull sentenza fiha x'tizen u kull rokna fiha x'tifli.
Bhal ohrajn jien ukoll xtaqt nitghallem l-Gharbi, l-aktar ghax nemmen li b'konoxxenza tajba ta' l-Gharbi tghinek fil-Malti bhal ma l-Latin jghin lit-Taljani, l-iSpanjoli, Francizi ecc....
Imma nahseb l-istigma li hawn f'Malta lejn dak kollhu li hu Gharbi kienet wahda mill-fatturi li dan tnehha mill-iskejjel fl-imghoddi u llum sar biss is-suggett ta' xi whud.
B'konoxxenza ta' l-Gharbi konna nistghu nkunu aktar organici fil-lingwa taghna bhal ma xtaq Manwel Dimech u konna nehilsu minn xebgha kliem bhal tiffolowja ecc...
Tajjeb li verzjoni ta' din il-bloggata tkun ghall-wiri f'post iehor barra fil-blogg, forsi tiftah xi erba' mhuh!

4/8/05 20:47  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi, Neriku!

5/8/05 22:22  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi, Neriku!

5/8/05 22:22  

Ħalli kumment

<< Home