<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

5.7.05

Ittra lil Ivana

Hemm lista ta' distribuzzjoni fuq l-eteru jisimha, sempliċement, malta. Skoprejtha b'kumbinazzjoni xi tliet xhur ilu u sseħibt fiha għax minħabba d-deskrizzjoni awstera li tidher fil-paġna ewlenija ("Maltese web events") ħsibt li kienet iddedikata għal aħbarijiet kulturali, u għax rajt li xi kultant jintbagħtu artikli dwar ix-xogħol u l-kampanji ta' l-Alternattiva. Iżda dan l-aħħar, il-membri qegħdin jirċievu biss xi messaġġi ta' propaganda dwar servizzi ta' self bankarju, biljetti ta' l-arju bl-irħis, telefoni tal-but, keychains (Aquilina jagħti 'ktajjen għall-imfietaħ' imma niddubita li tintuża), u m'hemmx xi ngħidu, 'prodotti' oħra bħal «Paradise for Singles», «nisa TA' VERU fl-inħawi TIEGĦEK», u ħmerijiet oħra ta' din ix-xorta. M'għandi l-ebda idea ta' min huma l-membri l-oħrajn, nistħajjel li l-biċċa l-kbira minnhom daħlu biss għall-kurżità. Il-ġimgħa l-oħra, per eżempju, persuna anonima bagħtet messaġġ bil-kliem «I am interested in you, contact me!» u milli jidher diġà rċeviet xi erba' risposti.

Il-bieraħ wasal messaġġ li jidher aktar serju, minn waħda Serbjana ta' 27 sena jisimha Ivana. Beħsiebha tqatta' xi ftit xhur Malta, u titlob naqra tagħrif dwar pajjiżna:

I'm new to this group,so help me to join you best i can.My name is Ivana live in Serbia, allmost 27 years old,dont do anything special in my life and i'm not proud becouse of that.I enjoy talk to people from all over the world.and the Reason i join this group is becouse i have plan to visit Malta in some futur time so i wish to know something more about your country[Malta] and people there.and if you are not from there you can write me to .I must remove my self from hare so tell me do i have chance there?My plan is to come there and stay some time few months maybe.Tell me what do you do?did you ever know someone from my country?what is your impression about them?do you have fun there?and anything you wish to shere with me
kiss and regards
Ivana

Għandi aptit niktbilha. Imma mhux biex nagħmilha ta' gwida turistika bħalma kont nagħmel meta kont ngħix Spanja, meta kull darba li staqsewni dwar Malta kont inkellimhom fuq l-ibħra ċari daqs il-kristall, il-plajjiet ta' sbuħija li ma bħalha, l-istorja twila tal-Maltin u tal-Malti u l-imqades li nbnew sekli qabel il-piramidi ta' Eġittu, il-festi u l-ispettaklu tal-logħob tan-nar, l-ispagetti tal-fenek u l-pastizzi u x'naf jien... Qatt ma għoġobni l-patrjottiżmu tal-bnadar, tal-flokkijiet ta' l-iskwadra nazzjonali tal-futbol jew ta' l-inni nazzjonali tas-seklu tmintax; fil-fatt, ftit lezzjonijiet ta' storja moderna waqt l-iskola kienu biżżejjed sabiex sirt nitriegħed kull darba li nisma' dik il-kelma skura, assoluta u ristretta fl-istess ħin, li hija nazzjon. Aktar u aktar fil-Malti u fit-Taljan, fejn it-t latina saret z... għax dawn iż-żewġ konsonanti flimkien, in-N u z-Z, inevitabilment iqanqlu ħafna stejjer koroh.

Madanakollu, niftakar ukoll kemm kont niddefendi dal-imbierek pajjiż meta xi beċċun Ingliż jew Spanjol kien jitnejjek bih biex jitnejjek bija. Fuq din tal-pakkett aħmar (il-klassiku "jiddewweb f'ħalqek u mhux f'idek"... inħalli għalikom timmaġinaw l-interpretazzjonijiet li kienu jagħtuha!) diġà tkellimt f'bloggata tax-xahar li għadda; fuq il-partita futbol ta' l-1983 meta Malta tilfet 12-1 kontra Spanja, tant imfakkra b'għożża f'dak il-pajjiż għax kellhom jirbħu b'differenza ta' ħdax-il gowl sabiex jgħaddu għall-Euro 1984, kont inwieġeb li r-referì ovvjament kien imxaħħam, avolja din kont neħodha aktar bħala ċajta; u fuq iċ-ċokon u r-rwol "insinifikanti" ta' Malta fuq il-palk tad-dinja kont inwieġeb bis-silenzju, l-aqwa mod kif tħalli lill-baħnan jegħreq fil-vergonja u fil-miżerja tiegħu. L-iskop tiegħi ma kienx eżattament li naqbeż għal Malta, aktar kont inħoss il-bżonn li niddefendi l-pajjiżi ż-żgħar kontra l-atteġġament kolonjalista li, mingħajr ma jafu, jaqsmuh ħafna Ingliżi u Spanjoli ta' moħħ magħluq, jew ta' moħħ miftuħ biss għall-kwestjonijiet li jinteressawhom.

Kif għedt qabel, lil din l-Ivana għandi aptit niktbilha, imma mhux biex infaħħar pajjiżi bħallikieku kien il-ġenna ta' l-art. Il-Malti ta' barra l-lum sar iktar ta' ġewwa, u naturalment, forsi b'koerenza ma' xi liġi universali tan-nomadi li jirritornaw lejn raħalhom b'għajnejn differenti minn dawk li kellhom meta bdew il-vjaġġ tagħhom, kif bsart qabel ma tlaqt minn Madrid, minn mindu ġejt lura Malta qed nara, naqra u nisma' ta' kuljum affarijiet li mhux biss idejquni imma jxejnu kull sens ta' kburija li seta' kelli bil-kulur ta' demmi u bl-għeruq u x-xniexel li forsi qatt ma kienu verament tiegħi. Dana ma jfissirx li ma nħobbx lil Malta daqs kemm inħobb l-għajnejn ta' nanti, id-differenza hi li r-relazzjoni li għandi ma' dal-pajjiż huwa aktar ta' imħabba-mibegħda milli mħabba inkondizzjonali tal-familja.

Jekk nikteb lil din l-Ivana, ngħidilha kemm għandna kampanja sabiħa u kemm nissieltu biex inżommuha nadifa u għammiela. Tant hu hekk li waqt il-festa tal-Qrendi li għadha kemm intemmet, xi erba' ġuvintur imdawlin ħarqu l-kontenituri għall-ġbir ta' l-iskart għar-riċiklaġġ, li kienu biswit il-bibien ewlenin ta' l-iskola.

Ngħidilha li hemm post ta' sbuħija naturali eċċezzjonali jismu Għajn Tuffieħa, 'il bogħod miż-żoni urbani u l-kumplessi turistiċi, fejn hemm erba' spjaġġi ħdejn xulxin, probabbilment l-aktar nodfa tal-ġzira. Jekk tkun fuq ajruplan li jitlaq minn Malta u toqgħod maġenb it-tieqa fin-naħa tal-lemin, dal-post l-aħħar ħaġa li tara qabel ma l-ajruplan jitbiegħed ġol-blu. Issa, jekk l-erba' qtates il-ħoxna li jridu jtejbu «Product Malta» jġibuha żewġ (bħallikieku din ma kinitx art li fuqha jgħammru n-nies u titwarrad in-natura Mediterranja fil-glorja kollha tagħha imma biċċa blata għall-bejgħ!), f'dak il-post se jibnu kors tal-golf. U skond sondaġġ tat-Times, xi erbgħin fil-mija tal-qarrejja huma favur din id-deċiżjoni. Minchia! (Nieħu l-okkażjoni biex nistieden lil kull min iħossu stordut jissieħeb mal-kampanja li twaqqfet Mikiel. Nittama li din l-inizjattiva ma tmutx fuq ommha għax hemm bżonn protesta kbira).

Ngħidilha wkoll kif l-irziezet tal-ħut ta' ħdejn San Pawl il-Baħar qegħdin jitfgħu dożi kbar ta' proteina fil-baħar li jqallbu totalment l-ekosistema marina. Biżżejjed tinżel naqra sal-Mistra biex tara kemm l-alki qed jiżdiedu, tant illi l-lum m'għadux pjaċir li tmur tagħmel piknik u tgħum bil-kwiet f'dak il-post.

Biex ma nsemmix iċ-ċikonji, il-fjamingi, u għasafar protetti oħrajn li kważi ta' kuljum, fil-vjaġġ twil tagħhom bejn il-kontinent Ewropew u ċ-ċentru ta' l-Affrika, jgħaddu minn ħdejn dawn il-gżejjer u jiġu sparati. U biex tgħaxxaqha, il-ġimgħa li għaddiet fil-Qrendi nfetaħ każin ġdid jismu The Hunter's Bar.

Lil Ivana forsi ngħidilha wkoll li minkejja li f'Malta hemm ħafna propjetà vojta li tista' tiġi riabilitata, il-gvern beħsiebu jibni gżejjer artifiċjali biex fuqhom itellgħu djar li jkunu jistgħu jixtru biss l-istrabenestanti. Bene-stanti mhux biss għax sinjuri iżda wkoll għax huma l-bażużli ta' l-istess gvern. Qegħdin sew! Ma jistgħux jibnu kors tal-golf fuq gżira artifiċjali? Dażgur li le... aħjar jiffrankaw billi jużaw ma nafx kemm-il tomna ħamrija fil-Punent ta' Malta, u jistupraw wieħed mill-ftit pajsaġġi naturali sbieħ li baqgħalna.

Ngħidilha wkoll li mhux biss għandna mħabba proverbjali għall-ambjent, iżda wkoll għal ilsienna. Tant hu hekk li jeżistu bosta familji li jkellmu lil uliedhom esklużivament bl-Ingliż, anzi b'Ingliż imfarrak, bl-iskuża li b'hekk it-tfal ikollhom vantaġġ fuq l-oħrajn meta jmorru l-iskola. Hemm ukoll min jixtieq li t-toroq Maltin jissemmew Strada jew Street, sabiex jinstemgħu aktar 'Ewropej'. Mela l-lingwa Maltija m'hijiex Ewropeja wkoll?!?
Biex ma nsemmix, għal darb'oħra, dawk b'imneħirhom twil u mxammar li jaraw lil dawk il-Maltin li ma jafux il-lingwa kolonjali bħala ċrieċer jew dniedel, u lesti jneħħulhom il-jedd fondamentali tagħhom li jindirizzaw l-awtoritajiet Ewropej, li minnhom il-lum ġejjin ħafna liġijiet u direttivi li jaffettwaw ħajjithom (aktar u aktar il-bdiewa), b'ilsienhom.

Forsi lil Ivana ngħidilha wkoll li, kif milli jidher stqarr dan l-aħħar il-ministru ta' l-inġustizzja tagħna, Malta l-aktar pajjiż magħqud fl-Ewropa. Tajba din! Jidhirli li min jaħseb hekk jew jara wisq televiżjoni jew tassew qed joħlom. Jew it-tnejn. Jeżisti fid-dinja pajjiż wieħed li veru jista' jiftaħar li huwa magħqud? Fil-fehma tiegħi, il-polarizzazzjoni politika saħansitra tista' tkun ta' ġid għal pajjiż għax b'hekk jinżamm il-bilanċ u l-politiċi jkunu mġiegħla jibqgħu dejjem attenti u fuq saqajhom. Forsi f'din il-kleptokrazija li jisimha Malta dan mhux il-każ għax wasalna f'żmien ta' staġnar, għalkemm mhux normali li pajjiż jaqa' f'stat bħal dan ftit wara perijodu ta' elezzjonijiet. Imn'Alla –jew min jaf minn min għax m'iniex daqshekk xovinist illi nemmen li Alla huwa aħdar u xellugi!– jeżistu alternattivi li jaqbżu għall-ambjent u li jindirizzaw il-problema tal-proprjetà abbandunata, filwaqt li jgħożżu din l-imbierka lingwa tagħna u huma konxji tal-fatt li tista' tkun lingwa tal-ġejjieni. Għax hawn Malta, il-lingwa tal-futur mhijiex l-Ingliż. Il-futur huwa bilingwi, imma aktar milli Ingliż, il-futur huwa Malti.

Insomma, forsi lil Ivana ma niktbilha xejn. Jew nibagħtilha traduzzjoni għall-Ingliż tal-kitba Malta Ġenna ta' l-Art ta' Ġużè Ellul Mercer, li tiddeskrivi pajjiżna ferm aħjar milli qatt nista' niddeskriviha jien.

Kont se ntenni l-klixè tant irrepetut min-nomadi Maltin: Malta isbaħ minn barra. Fil-fatt, forsi kull pajjiż huwa isbaħ minn barra. Speċjalment minn fuq l-ajruplan, għalkemm diġà qed nistħajjel il-mument li fih l-aħħar ħaġa li nara minn barra t-tieqa tkun il-kors tal-golf ta' Għajn Tuffieħa. Imma insomma, aktar ma tivvjaġġa, aktar tikkonferma l-fatt li l-medjokrità issibha kullimkien. Medjo għax huwa ċ-centru li jibla' kollox; krità mill-kelma Griega okris li tfisser 'quċċata' għax tispikka kull fejn tmur. Diffiċli ma tkunx ċiniku meta tqis li n-nuqqas tal-loġika f'din id-dinja tirrenja suprema. Anzi, xi kultant naħseb li d-dinja nħolqot bl-addoċċ, u li l-bniedem non sequitur sa mill-benniena taċ-ċiviltà. Jew inċiviltà, skond il-burdata li tkun fiha jew l-għajnejn li jkollok.

B'xorti tajba, jaslu mumenti meta tinsa dak iċ-ċiniżmu, imqar għal ftit sigħat biss. Wara li ktibt il-biċċa l-kbira ta' din il-bloggata li issa qed inlesti, mort niġri sa Wied iż-Żurrieq u għodost fil-baħar meta diġà kienu bdew jidhru l-kwiekeb. Bqajt nitgerbeb ġo l-ilma għal ftit minuti filwaqt li osservajt l-ilwien tas-sema, u ftakart waħda mir-raġunijiet il-għaliex ġejt lura għal dan il-pajjiż li tant sirt nikkritika. Ġejt biex nitbiegħed mill-konfużjoni tal-bliet li fihom ħassejt li kont tlift il-kreatività, min-nuqqas ta' loġika li kont nara kważi kullimkien, mill-medjokrità ta' ħajja li kienet qed tintilef fl-istorbju tad-dinja. Imma l-medjokrità fik tibqa', mhux biss madwarek, u kull ġurnata li tgħaddi qisha ġlieda kontriha, jew kontra l-jien u kontra l-ieħor fl-istess ħin: tirbaħha biss jekk jirnexxilek toħloq xi ħaġa li tkun fiha l-loġika, u b'hekk tkun tista' tmur torqod fil-paċi.

Imma din il-bloggata medjokri wkoll. Boqq! M'hemmx x'tagħmel. Inħalli għal ħaddieħor jikteb lil Ivana, jekk għandu aptit.

Kummenti: 9

Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

medjokri ma hix.

un tanticchio lunga pero!

bhas soltu bloggata tajba. Pero nahseb li ha ggeninha lil Ivana....

5/7/05 08:39  
Blogger gybexi qal/qalet...

tajba sieheb... imma nahseb ahjar tixtrilha drink imma u tghidilha l-famuza frasi li tinstema kullimkien (partikolarment hdejn il-Kink Bergerr ta' Paceville) - frasi li tintqal lill-Svedizi normalment - "you like sea? you like sun? sea. sun. ha. ara xi gmiel. come with me near the sea. quiet." (jew forsi anke "you like fisheries?").

il-hbieb barranin jafu ezatt x'inhuma s-sentimenti u l-opinjonijiet tieghi dwar Malta...

Twanny il-Pringle tal-bloggs? Once you post you can't stop...

5/7/05 10:04  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

halloyescabbiewannaride?sainjohnpalisswarmuseumrawndibastions
cheapprajsmadamtenpawndonly

ma nafx ghala imma fakkartni f'din gybexi

5/7/05 10:14  
Blogger Max L Fly qal/qalet...

Twanny... ghandek l-istess rabbja li ghandu kull Malti ta' xi sustanza li habb pajjizu, ghex barra, tghallem jara, baqa intatt u salpa lura hawn ghal ragunijiet sentimentali... dawk is-sentimenti li jahkmuk meta tkun barra,jew meta, kif tghid int, issib ruhek tiddefendi dil-blata f'xi argument ma' barrani. Anki jek taf li l-barrani ghandu ragun.

Il-Malti tieghi m'ghadux tajjeb bhal ma kien darba - ghamilt wisq zmien barra minn hawn.

'Il Ivana kont inhalliha bi kwieta. Probabli, ghaliha, Paceville, Fuego u xi boyfriend ghal gimghatejn huma biz-zejjed biex tmur lura u tghid 'il hbiebha li issa tifhem ghaliex il-Maltin huma l-aktar razza ferhanin fl-Ewropa.

5/7/05 11:36  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Għad jiġi żmien meta lanqas il-baħar sabiħ ta' Wied iż-Żurrieq ma jibqgħalek? Imbagħad, x'se tagħmel?

5/7/05 13:30  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

"Ġejt biex nitbiegħed ... mill-medjokrità ta' ħajja li kienet qed tintilef fl-istorbju tad-dinja"

kbira din, twan!

5/7/05 16:42  
Blogger l-istordut kroniku qal/qalet...

Baghladinja x'ittra din Antoine!!!
Jekk tispiccha bil-leggenda tal-Maqluba tkun gezwirthiela f'metafora ta' kif inzilna fil-hofra. Tajba rahal!

6/7/05 11:46  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

and anything you wish to shere (sic) with me

...mmm orrajt Ivana!

7/7/05 13:22  
Blogger alex qal/qalet...

kieku jiena Ivan sseduċejtni twann!! kieku diġa qiegħed(da) f'ħoġrok

7/7/05 23:38  

Ħalli kumment

<< Home