<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

8.7.05

Il-Ħajja... Mistoqsija


Ilni l-ġurnata kollha nfekren. L-ewwel, għax tliet ijiem ilu mort niġri u sfurzajt wisq, u l-lum għadni qed inzappap. It-tieni, għax moħħi mhux hawn. Il-lum qiegħed x'imkien ieħor.

Londra. Hemmhekk twelidt. Ma' din il-belt għandi relazzjoni ta' mħabba u mibegħda, għalkemm mhux intensa daqs dik li għandi mal-Blata. Imħabba, għax hija waħda mill-kapitali dinjija tad-diversità. Belt mimlija ħajja, mimlija lwien, minkejja s-sema kważi dejjem griż, jew ixheb, bħallikieku Londra kienet xi mara fl-aħħar tal-mezzetà, familjari u eżotika fl-istess ħin, li għadha ħelwa u li għadha ssaħħar lil kull min tilqa'. Sema griż, jew kulur l-irmied, sewwasew bħalma kien il-lum. U mibegħda, għax taf tkun kerha u qalila meta jfettlilha, u minflok issaħħrek, tibilgħek fil-kaos tagħha, biex imbagħad tobżqok u titilqek, donnha qatt ma ħabbitek.

Aktar milli f'Londra, moħħi l-lum qiegħed Madrid. Hemmhekk twelidt ukoll, imma mod ieħor. F'Madrid, għat-tieni darba, skoprejt il-ħbiberija ta' veru, kif ukoll l-imħabba.

Kważi sena u nofs ilu, kont naħdem f'kumpanija ta' traduzzjoni fiċ-ċentru ta' Madrid. Kull fil-għodu, jiena u wieħed mill-kullegi tiegħi, Juan Manuel, konna nirkbu t-trejn minn Alcalá de Henares sa Nuevos Ministerios. M'iniex se niddrammatizza l-istorja billi noqgħod ngħid fuqiex konna nitkellmu u kemm dħakna u kemm ħadna gost bħala compagni di viaggio, ma rridx mogħdrija, biss nixtieq naqsam magħkom x'qed jgħaddili minn moħħi u minn qalbi l-lum. Mela niġi għall-punt mill-ewwel: tliet ijiem qabel l-attakki ta' Madrid spiċċali l-kuntratt, u billi kont beħsiebni niġi Malta ddeċidejt li ma nġeddux. Nhar il-ħdax ta' Marzu, ftit qabel it-tmienja ta' fil-għodu, fl-istazzjon ta' Atocha, sieħbi għamel l-aħħar vjaġġ ta' ħajtu, did-darba għand Alla.

Għadni sal-lum ma nistax nifhem il-għaliex. U għadni sal-lum nistaqsi lili nnifsi, għaliex hu, u mhux jien? Jumejn wara, fil-kremazzjoni tiegħu, iltqajt ma' missieru. Qatt ma konna ltqajna qabel, imma wara li staqsieni x'jisimni, qalli li kien jaf ħafna dwari għax ibnu kien jitkellem fuqi kuljum. Dak il-kliem ġagħli nħossni agħar, bil-wisq agħar milli kont inħossni qabel. Niftakar l-espressjoni ta' għajnejh, mitlufin fil-għali, fl-inkomprensjoni. Għala hu, u mhux missieri?

F'dik l-għodwa tal-ħdax ta' Marzu, qajjimli r-radju, kienu qegħdin idoqqu Imagine ta' John Lennon. Imbagħad smajt l-aħbar, u ftit sigħat wara, smajt bil-mewt ta' Juan Manuel. Fost dawn it-tifkiriet koroh, niftakar, għall-inqas, kemm jiena u sħabi konna magħqudin, kemm in-nies kienu solidarji ma' xulxin. Din tifkira ħelwa. Imma mhux faċli li nħossni sollenni jien u niftakar kull ma ġara u kull ma ħassejt.

Il-lejla stess ta' wara l-attakki, saret manifestazzjoni solidarja faċċata l-istazzjon ta' Alcalá, minn fejn kienu telqu l-bombi. Kellha tkun manifestazzjoni silenzjuża, u fil-fatt, hekk bdiet. Il-belt ta' Alcalá de Henares, bħala Toledo, hija magħrufa għall-istorja tagħha bħala ċentru letterarju, bħala l-Belt tat-Tliet Kulturi. F'Alcalá twieled Miguel de Cervantes, u studjaw bosta awturi oħra. Madankollu, sfortunatament, Alcalá de Henares hija magħrufa wkoll bħala nukleu tal-Frankiżmu, jew biex niftiehmu, tan-Nazziżmu Spanjol. Il-manifestazzjoni favur il-paċi saret voċifera, l-ewwel forsi bir-raġun, għax kontra l-gvern ta' Aznar li għal raġunijiet politiċi kien għadu qed jinsisti li t-terroristi kienu ta' ETA. Sakemm imbagħad inqaleb kollox, u flimkien mal-ħbieb u ma' nies oħra, għajjatt u għollejt leħni lejn is-sema qisni miġnun x'ħin rajna ġemgħa kbira ta' nazzisti jipprovaw jittrasformaw l-avveniment fin-Nuremberg Rally partikulari tagħhom. Irnexxielhom, u fl-aħħar il-folla bdiet tħambaq f'leħen wieħed, "¡España es una! ¡España es una!", bil-bnadar jixxejru u l-ponnijiet isabbtu l-arja.

Xena tal-mistħija, ta' l-istmerrija. U minkejja l-provi li t-terroristi kienu ta' Al-Qaeda, il-gvern baqa' jinsisti li kienu ETA, il-ministri Acebes u Ana Palacio baqgħu jibagħtu memos urġenti lill-istazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju biex ikomplu jippontaw subgħajhom lejn il-Baski, u b'hekk il-partit tal-lemin ħaffer il-qabar tiegħu b'idejh u bil-gideb tagħhom stess. Il-ħasra hi li l-lum hemm żewġ assoċjazzjonijiet tal-qraba tal-vittmi li qishom qegħdin jaħbtu ma' xulxin.

Ħasra wkoll, li fil-ġimgħat ta' wara l-istraġi, madwar Madrid imma speċjalment fit-toroq ta' Alcalá, bosta studenti Għarab, li m'għandhom xejn x'jaqsmu mat-terroristi u li ma jdejqu l-bajd ta' ħadd, ġew imsawtin minn skinheads, fosthom żewġt iħbieb tiegħi mill-Marokk. Kien hemm ukoll min kellu jidħol fl-isptar minħabba x-xebgħa li ngħatatilhom. Issa qed nibża' li tiġri l-istess ħaġa fl-Ingilterra... jekk ma qedx tiġri diġà.

Għaliex huma?

Għaliex Juan Manuel, u mhux jien?

Lanqas irrid nibda nimmaġina x'ħass f'qalbu l-lum missieru.

Għala missieru, u mhux missieri?

Kummenti: 14

Blogger alex qal/qalet...

Għala inti u mhux Manuel?

8/7/05 08:23  
Blogger gybexi qal/qalet...

Jekk l-idea tat-terroristi hi li jikkreaw l-animosità kontra l-gharab u jaghqduna flimkien bhala Ewropej nahseb qed jahdem il-pjan taghhom.

8/7/05 08:56  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

tad-dmugh fl-ghajnejn twan. ma nafx hux il-kaz li wiehed jghid prosit f'dawn ic-cirkostanzi però hafna noti li imissu il-qalb.

tistaqsix wisq dwar id-destin...Minflok "Ghaliex hu u mhux jien?" ghandna ingawdu iktar il-hajja u kollox ta' madwarna. Hin x'nahlu m'ghandniex zgur!

8/7/05 10:39  
Blogger Bertu ta l-Angli qal/qalet...

gybexi, kull skuza hi wahda valida biex tkun razzist. Hadt ma hadha kontra l-irlandizi bhala poplu minhabba l-IRA, jew kontra it-Taljani minhabba l-Brigate rosse, jew kontra l-Baski minhabba l-ETA.

Biss kontra "l-gharab", qishom xi poplu wiehed kollha terroristi, iva. Ejja ma nghamlux l-izball li nitfaw kollox f'qoffa wahda.

Twan, missejtli qalbi! Il-mewt difficli biex tifhimha, ahseb u ara mewta inutli.

9/7/05 09:05  
Blogger mistoqsija qal/qalet...

Hey mhux sew :P Sraqt it-titlu ta' din il-bloggata :P
Joking!

11/7/05 16:58  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Il-hajja mistoqsija
migbura f'elf ghaliex,
u ssirlek poezija
jekk int ma twegibhiex.


Nahseb li t-tnejn li ahna sraqnieha ;-)

Every blogger is a thief...

11/7/05 17:07  
Blogger mistoqsija qal/qalet...

... u hazin ma jigix ggustifikat b'hazin iehor. :P

PS. "Twegibiex" ma tinkitibx bl-h. Imma ovvjament niskuzak ghaliex naf li m'ilekx hawn Malta. Il-bqija generalment jien pittma hafna fuq l-ortografija.

12/7/05 01:03  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi mistoqsija! It-titlu tal-bloggata sraqtu mill-poezija ta' Oliver Friggeri, ghalkemm nahseb li l-espressjoni "il-hajja mistoqsija" digà saret komuni hafna fost il-Maltin. Ftit ilu qrajtha wkoll fuq il-blogg ta' Jacques.

Ma nistax naqbel mal-korrezzjoni tieghek... jekk twiegeb mistoqsija, bil-pronom jigi twegibha, le? Mela fin-negativ ukoll: twegibhiex.

Sahha,

Twanny.

12/7/05 01:22  
Blogger Kenneth qal/qalet...

U din talludi għal ħaġa waħda: qatt fuq li qatt m'għandek tmeri lingwist!

Rigward it-tema tal-bloggata, kont ippruvajt inħalli kumment malli tellajtha ħamest'ijiem ilu, pero' għal xi raġun jew oħra kien qed jagħtini error.

Kulma ridt ngħid hi li personalment nemmen fid-destin. Ta' xejn toqgħod tistaqsi elf mistoqsija (għalkemm kulħadd jagħmilha) biex mingħalik xi darba tiskopri r-raġuni għalfejn int u mhux hu... hu u mhux int. Li għandu jiġrilek, se jiġrilek. Jekk ma temminx hekk, frankament tispiċċa tiġġennen tagħqad fiċ-ċrieki ta' ħsieb magħmula minn tweġibiet li fil-fatt huma mistoqsijiet.

Ir-raġel li ħelisha mill-ħabta li ħalliet lil kulħadd mejjet, sfronda s-saqaf ta' daru fuqu u qatlu xorta. Pessimist naf, imma fl-aħħar mill-aħħar, naħseb li hekk qegħda l-biċċa.

Imma forsi ma nistax nitkellem, għax li tkun litteralment ħlistha minn ħalq il-mewt b'kumbinazzjoni (għax id-destin ried hekk?), int biss tista' tifhimha.

Imm'għalfejn ried hekk id-destin? U nerġgħu lura għal...

12/7/05 02:45  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Meruni kemm tridu... niehu pjacir meta xi hadd jikkoregini. Minn kulhadd tista' titghallem, u kulhadd jizbalja. Min jaf kemm hawn zbalji fil-bloggati tieghi!

Meta kont zghir kont nemmen fid-destin ukoll. Imbaghad ikkonvincejt ruhi li ma jistax ikun... imma aktar fuq hekk darb'ohra. Kultant meta jkolli xi déjà vu nerga' nithasseb.

Twegibiet li fil-fatt huma mistoqsijiet... ghogbitni hafna dik.

12/7/05 03:27  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Kenneth: jekk kollox huwa digà miktub, mela gejna fid-dinja ghalxejn. Le?

12/7/05 03:29  
Blogger Max L Fly qal/qalet...

Twanny

Gejna fid-dinja biex niskopru x'inhu d-destin taghna. Xi daqqiet jirnexxilna.

12/7/05 10:48  
Blogger mistoqsija qal/qalet...

Jiena hsibt ser tixtrili birra :(
Insomma il-birra lanqas biss toghgobni :P

13/7/05 21:00  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Xorta noffrilek grokk jekk trid, mistoqsija! Ikun il-pjacir tieghi.

14/7/05 02:50  

Ħalli kumment

<< Home