<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

2.6.05

Tweġiba qasira għal kumment anonimu

Wara li bbloggjajt dwar il-protesta ta' Joseph Muscat kontra n-nuqqas totali ta' interpreti Maltin f'sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, dal-għodu rċevejt dan il-kumment:

El usuario anónimo dijo...

Biex inkunu ghedna kollox, ghandi informazzjoni li ftit ilu Joseph Muscat indirizza lill-Parlament Ewropew bit-Taljan (meta kien hemm Frattini)...Jigifieri tghagglux qabel tigglorifikawh, thallux il-marda socjalista tirkibkom.
8:39 AM

Skantajt meta qrajt dan il-kliem, u skantajt ukoll meta sibt dan l-artiklu fit-Times tal-lum:

Prof. Eynaud recalled that Mr Muscat had addressed European Justice, Freedom and Security Commissioner Franco Frattini in Italian at a recent plenary in Strasbourg when interpreters had been available.

"Consistency would make us more credible with the EU institutions," he said.

Bir-rispett kollu lejn il-Prof. Eynaud, tajjeb li nkunu nafu għaliex dik id-darba s-Sur Muscat iddeċieda li jindirizza lil Franco Frattini bit-Taljan, u ta' min inkunu nafu minn fejn ġiet dik l-aħbar, għax il-fatti jafu jintgħawġu u jitqassru minn fomm għall-ieħor. Issa, jien ovvjament ma kontx hemm dakinhar, imma l-intwizzjoni tgħidli li forsi, jekk nipprovaw nimmaġinaw daqsxejn is-sitwazzjonijiet possibbli, is-Sur Muscat kien qed iwieġeb għal diskors li kien għamel il-Kummissarju, u uża t-Taljan minflok il-Malti biex tenna ċertu kliem minn dak id-diskors, jew biex ħaddem u forsi dawwar ċerti frażijiet użati minn Frattini skond ir-reazzjoni tiegħu. Jekk le, il-fatt jibqa' li (mid-dehra) Joseph Muscat kien qed jindirizza espliċitament lil Frattini, avolja quddiem sessjoni plenarja, u li fil-Parlament wieħed jista' jitkellem fil-lingwa li jixtieq. Nimmaġina li bosta Ewroparlamentari jħaddmu aktar minn ilsien wieħed fil-Parlament, skond lil min qed jitkellem, fuqiex qed jitkellem, jew sempliċement skond minn liema naħa kien qam mis-sodda jew f'liema lsien kien ħolom il-lejl ta' qabel.

Jista' jkun ukoll li dakinhar is-Sur Muscat tkellem bit-Taljan sabiex il-komunikazzjoni saret b'mod aktar dirett. Bħal meta wara t-taħditiet tal-Prof. Strubell dwar it-tfassil tal-lingwa, li saru fl-Università ta' Malta x-xahar li għadda, dan insista li l-mistoqsijiet ta' l-udjenza jitressqu bil-Malti (kien hemm xi ħadd jinterpreta għalih), u wħud ippreferew jindirizzawh bl-Ingliż. Ma jidhirlix li min ressqu il-mistoqsijiet tagħhom bl-Ingliż kienu qegħdin jagħtu l-ġenb lill-Malti, iżda li sempliċement xtaqu jkunu żguri li l-Prof. Strubell kien se jifhem il-messaġġ kollu kemm kien.

Imma jekk fl-aħħar jirriżulta li ma kienx hemm raġuni ġustifikabbli għall-użu tat-Taljan min-naħa ta' Joseph Muscat, nirrettifika dak li għedt.

Naqbel mal-Prof. Eynaud li għandu jkun hemm konsistenza u li l-ewroparlamentari Maltin iridu jiddeċiedu darba għal dejjem liema lsien se jużaw. Iżda ma nistax naqbel għal kollox, għax jista' jkun hemm ċirkostanzi fejn l-użu ta' lingwa oħra jkun aktar prattiku u effettiv, per eżempju, f'każi fejn wieħed jixtieq juża l-istess kliem li ġie mħaddem minn ħaddieħor, hekk kif fil-ħajja ta' kuljum nirrepetu l-kliem ta' xulxin biex nirreferu għalih.

Ma kontx qed "nigglorifika" lis-Sur Muscat, biss xtaqt nifraħlu tar-reazzjoni tiegħu. Seta' baxxa rasu u baxxa l-Malti billi "interpreta" huwa stess għall-Ingliż id-diskors li kellu miktub quddiemu, imma dak mhux xogħlu. Minflok, iddeċieda li jsemma' leħnu favur il-Malti, u favur il-jedd tiegħu li jitkellem fl-ilsien li jkun jixtieq.

Lill-usuario anónimo: Fuq din tal-"marda soċjalista" xejn ma ngħidlek. Imma jekk beħsiebek terġa' tikteb ġudizzju bħal dan fuq dal-blogg, għall-inqas agħtina ismek. Kulħadd għandu l-jedd li jesprimi ruħu, tkun xi tkun il-fehma tiegħu. Tista' wkoll tħalli l-kumment tiegħek bl-Ingliż jew bit-Taljan jekk trid, imma jekk se tgħid li l-politika tax-xellug hija xi speċi ta' marda, toqgħodx fid-dell, għall-inqas iffirma kliemek.

Fl-aħħar nett, minn hawn nixtieq nawgura u nagħmel kuraġġ lil dawk l-istudenti li qegħdin jagħmlu ħilithom biex isiru interpreti, għax kif għedt żewġ bloggati ilu, l-interpretazzjoni għandha tkun wieħed mill-aktar xogħlijiet diffiċli li hemm fuq wiċċ id-dinja. Jekk taħsbu li qed nesaġera (u jiena wieħed li nipprova ninżamm 'il bogħod mis-superlattivi), inħajjarkom tipprovaw intom stess.

Is-sliem,

Antoine.


Aġġornament: Nirringrazzja lil Mark Vella talli ġibidli l-attenzjoni fuq risposta mingħand Joseph Muscat, ippubblikata fit-Times tal-lum:

"I have long taken a clear decision on all this. I deliver all my plenary speeches in Maltese. I do not do the same in committees simply because no interpretation services are available.

Prof. Eynaud referred to an instance when I used Italian to address Commissioner Franco Frattini but failed to explain the context. My intervention then was not a speech but simply a supplementary question prompted by Mr Frattini's oral reply to a PQ on illegal immigration by one of my colleagues. I had not informed the Maltese interpreters about my intervention (as we are rightly asked to do) since I was not planning to speak. Also, I was aware of the problems with the system and the constraints regarding working hours. Thus, I opted to put the short question to Mr Frattini directly in his mother tongue."

L-intwizzjoni li kelli ma kinitx 'il bogħod minn dak li fil-fatt ġara. Il-mogħdijiet tal-lingwa m'humiex daqshekk misterjużi...

Araw kemm hu faċli li l-aħbarijiet jingħaddu mingħajr kuntest. Nistħajjel li l-aħbar diġà kienet iffiltrata sew meta waslet f'widnejn il-Prof. Eynaud, għalkemm ma neskludix li seta' kien hemm xi malintiż.

Mingħajr ebda element ta' partiġjanerija (għax s'issa lanqas naf liema hu l-partit tiegħi hawn Malta... għalkemm riesaq dejjem aktar lejn ir-raba' lewn tal-qawsalla), nerġa' ntenni t-tifħira tiegħi lis-Sur Muscat.

Kummenti: 4

Anonymous Anonymous qal/qalet...

Niskuza ruhi, il-kliem li uzajt kien qawwi wisq. Ma ridtx noffendi lil xi hadd, wisq inqas lilek Antoine. Wara kollox - ghalkemm ma nafekx - il-blogg tieghek narah kuljum u niehu gost hafna naqrah, avolja mhux necessarjament naqbel ma' dak li tghid.

Nerga' niskuza ruhi, pero' dak il-hin ir-rabja go fija kienet tahraq hafna. Is-sottomissjoni fil-konfront tal-politici ddejjaqni wisq, u kultant niehu l-impressjoni li x-xellugin, ghalkemm jippridkaw kontra dan l-atteggjament, malajr jghollu lil min ikun jidher 'militanti'.

2/6/05 10:06  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

Imma Twanny Xellugi? Iktar tani impressjoni li huwa ambidextrous!

2/6/05 10:21  
Blogger Mark Vella qal/qalet...

http://www.timesofmalta.com/core/article.php?id=188930

2/6/05 12:08  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Jacques, il-paradoss hu li naħseb b'idi x-xellugija u nikteb b'idi l-leminija... għalkemm il-lum il-ġurnata naħseb li bis-saħħa tat-tastiera sirna lkoll ambidestri!

Anonimu/a: M'għandi l-ebda ħjiel ta' min tista' tkun, iżda naċċetta l-apoloġija tiegħek u nirrispetta l-għażla tiegħek li tibqa' fl-anonimat. Allaħares konna naqblu f'kollox għax kieku l-bloggosfera titlef ir-raison d'être tagħha. Biss ftakar li ż-żewġt uċuħ insibuhom tul l-ispettru politiku kollu... mhux talli l-ipokresija għandha kulur wieħed!

2/6/05 16:55  

Ħalli kumment

<< Home