<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

23.6.05

Malta, Croce e Delizia

Fl-aħħar, imma mhux fl-aħħar nett, nerġa' nibbloggja. Xi xahrejn ilu qalbi ħebritni li kienet se tfur bil-għali jekk xi darba kelli nitlaq mill-Blata, imqar għal għaxart ijiem biss, u li l-isbaħ mument tas-safra kien ikun l-inżul ta' l-ajruplan lura f'art missirijieti. Qalbi kellha raġun, imma mhux daqskemm kellha tort. Is-sensazzjoni ta' ħeffa u ta' ħerqa li ħassejt fil-jiem ta' qabel il-vjaġġ għosfrot l-għodwa tat-titjira lejn Brussell, meta stenbaħt b'infezzjoni f'għajni l-leminija (dik in-naħa misħuta tal-qawsalla politika! Tgħid kienet tpattija mis-sema?) u bir-rabja u n-nervi li kelli qbadt l-iżveljarin u b'għajnejja magħluqin waddabtu lejn il-mera tal-gwardarrobba tal-bużnanna. Il-mera tkissret, u magħha kull tama li kelli li ngħaddi mill-eżami u l-viżjoni ta' ħajja daqsxejn aktar boemja fuq il-kontinent. Istra, ġejjin seba' snin ta' għaks! Imma le, anzi... jekk għad jasal żmien ta' sfortuna jkun aktar 'il quddiem, għax minbarra xi ftit episodji ta' sfiga (li se nikteb dwarhom fil-Bollettino dalwaqt), fil-belt kapitali ta' l-Hawnropa u fir-raħal sinjur tal-Letzeburgu ħadt ħafna gost, fuq kollox għax iltqajt ma' ħafna ko-bloggin li għandi ammirazzjoni kbira lejhom.


Ma kontx qalbi sewda meta rkibt l-ajruplan, imma ferħan li n-nomadu ta' ġewwa kien qed jitbissem mill-ġdid wara sitt xhur imrażżan mill-eremita. Dawn iż-żewġ nofsijiet tiegħi ma jingħaqdu qatt, iżda l-lum naf li jeżisti post fejn kieku jirnexxili ngħaxxaq lit-tnejn. Imma dan il-kieku huwa akbar milli kieku nixtieq! Jacques ta' Nakkuża u Mark ta' Xifer jafu sew liema hu dan il-post, u donnhom kienu diġà jafu saħansitra qabel ma wasalt għandhom. Jekk inneħħu l-fatt li huwa stat monarkiku (kif jista' jkun li għad għandna monarkiji aktar minn żewġ sekli wara r-rivoluzzjoni Franċiża? Chi è lo re?) u l-prezzijiet mogħla s-smewwiet (agħtina missier il-belli ewro ta' kuljum!), għal min iħobb il-kwiet, il-ħdura u l-ispazji miftuħa biex ikun jista' jaħseb u jirrifletti mingħajr tfixkil, il-Gran Dukat jista' jkun post ideali. Tkun fil-misraħ ewlieni tal-belt (anzi raħal) kapitali ta' pajjiż u tisma' l-għasafar... u għalkemm huwa aktar ewropolita milli kosmopolita, billi dan ir-raħal jinsab tista' tgħid fil-qalba ta' l-Ewropa, m'hu 'l bogħod minn imkien. Post ideali skond it-temperament li jkollok, u għall-inqas sakemm tixba', bħalma jien qed nixba' bil-ftit il-ftit hawn Malta.



Verb tal-ħames forma li jogħġobni wisq huwa tmallat. Hemm min f'logħba tal-kliem jużah bis-sens ta' immalteżizza, jew sar Malti, bħal ngħidu aħna meta kelma barranija tidħol f'ilsienna u tingħatalha forma semitika. Iżda l-ewwel sinjifikat tal-verb tmallat x'aktarx huwa li 'titħammeġ' jew 'isir biċċa ċarruta'... u jiena wara ħafna żmien barra mill-Blata qed inħoss li ġejt lura sewwasew biex nitmallat. Ġejt biex nitgħallem sew ilsien tfuliti, u fl-istess ħin sirt għażżien u spettru tan-nomadu dejjem attiv li kont. X'ħin niżel l-ajruplan tliet ijiem ilu u erġajt xammejt dik ir-riħa Mediterranja li tinduna biha biss il-ġurnata li tasal għax l-għada tkun diġà drajtha, ħassejtni ferħan se nerġa' ntir. Nofs siegħa wara wasalt id-dar u ddejjaqt. L-emerita xeba', u issa li jaf x'kien jonqoslu, wasal iż-żmien li jingħalaq iċ-ċirku u jinfetaħ ċirku ġdid. Probabbli li meta nerġa' nintilef fil-proġetti u tasal il-festa ta' Lourdes nibda nħossni aħjar, imma dil-ġimgħa wasalt għal konklużjoni li għalxejn ippruvajt ma nagħtix kasha: id-dar tiegħi, wara kollox, għandu jkun il-moviment.


LURA

Lura għall-blata ta' qalbi u għall-port kenni tar-ruħ,
lura għat-tbaqbiq tan-nervi li l-mera bihom ksirt,
lura għall-festa tar-raħal u għall-ħamrija tfuħ,
lura għan-nomadu msikket u għall-ħares trist li sirt.

Lura għall-kmajra mdawwla u għall-ktieb dejjem miftuħ,
lura naħbat maż-żonqor u t-tagħbija tal-wirt,
lura għax-xemx wisq sabiħa u taqli wisq l-imħuħ,
lura għall-forsi u għall-kieku, u għall-ħolm li fih sifirt.

Lura għall-wens tad-dwejra u l-kċina tan-nanniet,
lura għall-ħedla tas-sajf u r-riħa tal-busbies,
lura għat-telqa wisq ħelwa u l-kliem li spiss ma nżommx.

Il-wens, il-ħedla u t-telqa post wieħed ma għandhomx,
eħber qalbi kemm trid, il-lejla ma nifhmekx,
u nwiegħdek li nitilqek il-jum li ma nagħrfekx.


Il-Qrendi, 22-23 ta' Ġunju 2005


Skużawni tas-sunett nieqes mir-ritmu (dan l-ewwel wieħed li ktibt bil-Malti biss) u tal-bloggata 'personalissamente personali' (kif jgħid Catarella tar-rumanzi ta' Andrea Camilleri!), imma biex negħleb il-kriżi eżistenzjali li fiha ninsab bħalissa jeħtieġli nikteb... u kif tafu, il-kitba l-aqwa mediċina għas-swied tal-qalb, u midfuna fil-kexxun ma tiswielek xejn. Sewwa jgħidu, id-duwa m'hix xuwa! Nittama li l-bloggata li tmiss tkun b'ton aktar pożittiv.

Tislijiet,

Twanny.


Post scrotum:
Se nistenna ftit qabel ma nikteb ir-reazzjoni tiegħi għall-artiklu ta' DCG u għaż-żewġ ittri li dehru l-lum fit-Times, l-ewwel għax għandi biċċa xogħol urġenti għal għada u t-tieni għax bħalissa hemm ċans qawwi li naqbad nidgħi. Biss nixtieq nagħmel kumment wieħed:

"People who can read nothing but Maltese are by definition poorly educated, and they are not going to be interested in reading an EU document. Translating the documents into Maltese is therefore not going to get them to a wider audience."

Kif ktibt ġimagħtejn ilu fil-blogg ta' Mark, in-nannu tiegħi ma jafx bl-Ingliż, imma d-dokumenti bil-Malti dwar kif taħdem l-Unjoni Ewropea li kultant niġbor mill-MIC ġieli li jaqrahom, u bil-qalb kollha. Niddarras meta jinsew il-Malta ta' l-irħula. L-Unjoni Ewropea twaqqfet għall-'edukati' biss, Daphne? In-nannu tiegħi tat-tieni klassi jaqaw? Malti li ma jafx bl-Ingliż huwa inqas Ewropew, baj definixin, minn Malti li l-ilsien omm tiegħu huwa l-Ingliż?

Nieqaf hawn qabel ma ngħid xi ħaġa apokalittika u/jew skatoloġika. Il-Malti jista' jkun lingwa tal-ġejjieni jekk irridu u jekk naħdmu favur tiegħu: din kwestjoni mhux biss ta' volontà u ta' identità, imma ta' jedd fondamentali tal-bniedem, ikun x'ikun il-livell ta' edukazzjoni tiegħu.

Kummenti: 5

Blogger wwwitchie qal/qalet...

Malta is perfect for quick visits... You get in there, you immerse yourself in the lushness of nostalgia, you bask in the love of your friends and you get out before the magic starts to wane. Now that I live out of Malta, I love it all the more.

23/6/05 20:04  
Blogger gybexi qal/qalet...

twanny loves luxembourg
twanny loves luxembourg
ner ner ner ner na

kuntent li ghogbok il-lussemburgu insomma...

eh - haga ohra twan... kif il-counter tieghek ghandu mal-5000 marka meta hawn min ilu minn zmien Dun Mikiel Xerri bil-blogg u m'ghandux nofs dak l-ammont? hmmmmm... kif tghid alice (of wonderland fame) "things are getting curiouser and curiouser".
imbierek it-tifel.

23/6/05 21:32  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Bsart jien li l-Belgofilu kien se jghid xi haga fuq id-dikotomija Brux/Lux! Kif inti, Kurt? Brussell ghogbitni wkoll, imma mod iehor... aktar fuq hekk fil-Bollettino dalwaqt. Sellili ghal Mjolk, u l-isbah xewqat ghall-vakanzi (sejrin dalwaqt, le?)

23/6/05 23:02  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

wens
hedla
telqa

hmmm the long dark teatime of the soul!

24/6/05 02:04  
Blogger alex qal/qalet...

għoġbitni l-poeżija....

26/6/05 07:43  

Ħalli kumment

<< Home