<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

27.6.05

Annimoli

Reċensjoni à la Maqlubija tal-kunċert ta' l-Aussie Floyd

1
Il-bibien ewlenin tal-grawnds tal-Luxol, is-sitta u nofs ta' fil-għaxija, xemx taqli l-imħuħ li minflok jifformaw kjuwijiet u jġibu rwieħhom ta' nies ċivilizzati jinġabru f'ġemgħa kbira qishom nemmelija tiġġerra fuq għarma zokkor... sa fl-aħħar jinfetħu l-bibien, joħroġ gwardja tas-sigurtà u jgħajjat bil-leħen awtoritarju tiegħu li ħadd ma jista' jidħol ġol-grawnd b'flixkun, lanqas flixkun ilma tal-plastik. Eżempju ieħor ta' kif il-kapitaliżmu jirriduċi l-bniedem għal annimal, l-isponsors u l-organizzaturi tal-kunċert jieħdu monopolju fuq l-aktar element bażiku għas-sopravvivenza tagħna, iktar u iktar f'ġurnata sajfija f'nofs geġwiġija għarqana xraba. Kif jista' jkun legali li wieħed jipprojbixxi l-ilma??? Jekk jaqbdek l-għatx u nsejt iġġib naqra flus miegħek, ħażin għalik... x'jaqgħu u jqumu minnek? Ma ġara xejn, jekk hemm ġew tħossok ħazin u taqa' ma' l-art, hemm il-paramediċi biex jiġu jqajmuk. Forsi jiena radikali wisq, iżda tant irrabjajt b'dik l-inġustizzja umana (li m'hi xejn meta tqabbilha mal-privatizzazzjoni tal-provvista ta' l-ilma fl-Amerka t'Isfel f'idejn kumpaniji Ewropej) illi kelli aptit inbewweġ 'l hemm u nerġa' lura d-dar... li kieku ma kontx maz-ziju u ma kellix mijiet ta' nies warajja jgħajjru u jimbuttaw 'il xulxin, kont nitlaq żgur.

X'jiġri meta bniedem jiġi ttrattat bħala annimal? Kull min kellu flixkun ilma jew xorb ieħor bela' l-kontenut kollu malajr u tefa' l-flixkun ma' l-art, min bil-moħbi u min sfaċċatament... miskin min kien liebes il-karkur għax jekk ma ġiex mirfus f'nofs il-folla abbli weġġa' siequ b'xi flixkun mgħaffeġ... Insomma, wara ftit minuti ta' taħwid u ta' akrobazija biex ma naqax, nasal sal-bieb bil-flixkun li kelli f'idi u nistaqsi lill-gwardja jekk kienx hemm xi landa taż-żibel fejn inkun nista' narmih. It-tweġiba tal-gwardja: "U iwa, itfgħu ma' l-art sieħbi, ma ġara xejn!" Iwa, annimoli !

Money, it's a crime
Share it fairly, but don't take a slice of my pie
Money, so they say
Is the root of all evil today

2

Fl-aħħar naslu saż-żona VIP Standing u tibda ssaħħarna r-riħa punġenti tal-burgers u l-hotdogs... jiena li dakinhar stess kont bdejt dieta li kienet ilha mistennija minn żmien żemżem kelli nagħmel ħilti biex ma waqajtx fit-tentazzjoni, u f'moħħi bqajt intenni l-mantra «le, le, le, m'iniex se nbiegħ ruħi għal biċċa laħam, jew insum jew nismen, jew issa jew qatt», u balleċ irnexxieli! U bħal dan is-sieħeb, minn dakinhar 'l hawn qed inħossni eħfef kemm fil-ġisem u kemm fil-kuxjenza... Kumbinazzjoni jien u hu diġà somna għalenija ġimagħtejn ilu meta konna fil-pajjiż taċ-ċikkulata. Ejjew nagħmlu kuraġġ xbin!

Wara xi siegħa nistennew bil-wieqfa u niċċassaw lejn il-palk vojt, joħroġ is-supporting band (jew bil-Malti, il-banda ta' importanza sekondarja): il-Burdati Xitwija. Ikolli nistqarr li għalkemm l-ewwel tliet siltiet li daqqu kienu qishom l-istess waħda mgelgla lura, għoġbitni waħda minnhom li fakkritni daqsxejn fl-istil ta' Pearl Jam. Tawni wkoll ftit mumenti ta' nostalġija meta għamlu verżjoni ammirabbli ta' With or Without You ta' l-U2, is-silta ppreferita ta' l-għarusa tiegħi li issa ilni ma naraha eżatt sena. Waqt silta oħra, għal sekonda stħajjilt li fuq l-iskrin ta' warajhom kien hemm miktub "kif jista' grupp rock ikollu f***in' sponsor???", u nfqajt nidħak b'qalbi kollha waqt li z-ziju u nies oħra li kien hemm madwarna jċapċpu u jkantaw ħarsu lejja konfużi jekk mhux ukoll offiżi... Iżda ftit wara, id-daħka tiegħi laħqet livelli kważi astronomiċi meta l-kantant ħareġ b'din il-bravura: "A penny of every pound you spend today will go the animals of the Eden Fawndejxin"... Tajba din, penny (u mhux ċenteżmu li jiswa aktar) minn kull flixkun ilma mixtri mill-annimali preżenti għall-kunċert jingħata lill-klieb abbandunati ħalli jkollhom x'jieklu! Imbagħad it-tour de force... l-istess kantant ħareġ xi ħaġa minn ġol-but (ma stajtx nara sew imma naħseb li kien mowbajl) u għajjat: "Tenkju Vodafone!" Aħrate, ostja!!!



Money, get back
I'm all right Jack, keep your hands off my stack
Money, it's a hit
Don't give me that do goody good bullshit

3


Fil-kunċert kien hemm nies ta' kull età, għalkemm stennejt wisq aktar spettaturi ta' 'l fuq minn erbgħin sena, dawk tal-ġenerazzjonijiet ta' qabli li kienu u forsi għadhom l-aktar fans midħla tal-mużika ta' Pink Floyd. Spettatur riesaq lejn il-ħamsin sena kien iz-ziju tiegħi, li matul iċ-ċerimonja mbierka ħa xi mitejn ritratt. Kien hemm ukoll ħafna tfajliet sbieħ, u nista' ngħid li x'aktarx qatt ma rajt daqshekk nisa sbieħ Maltin fl-istess post. Ajma, ġej sajf ieħor mingħajr kumpanija notturna u mingħajr kollaboratriċi fisjoloġika! Eqq... xi trid tagħmel? U sadanittant, sieħeb ieħor jiddeċiedi li jibbloggja fuq il-bewsa. Ħaqq quxxa!

A soul in tension that's learning to fly
Condition grounded but determined to try
Can't keep my eyes from the circling skies
Tongue-tied and twisted just an earth-bound misfit, I

U fl-aħħar, waslu l-mużiċisti li ġew mill-antipodi u offrewlna esperjenza mill-isbaħ. Minbarra xi ftit differenzi fl-ilħna tal-kantanti u xi addattamenti mużikali żgħar 'l hawn u 'l hemm, setgħu kienu l-Pink Floyd stess. Qabel ma taw il-merħba lill-folol imġennin, daqqu Dark Side of the Moon mill-bidu sat-tmiem, u b'hekk irrispettaw in-nisġa loġika tad-diska sħiħa. Il-kliem ta' din l-opera magna, li għalija hi mingħajr dubbju biċċa letteratura, jifli u janalizza b'mod poetiku d-diversi tipi ta' ġenn li jgħaddi minnu l-bniedem u l-akbar ossessjonijiet tiegħu: it-tiftix, ir-relazzjonijiet ma' l-oħrajn, ix-xogħol u l-ambizzjoni, il-ħin u ż-żmien, il-mewt, il-flus, il-gwerra, u l-ġenn stess. Kull meta jkun qamar kwinta, inħobb nitla' fuq il-bejt bil-mitraħ, ninxteħet fuqu u nisma' d-diska sħiħa waqt li nosserva l-qamar. Mhux dejjem jirnexxili nqiegħed ħajti f'perspettiva jien u nisma' l-kliem tad-diska għax moħħi jaf jaħrab lejn ħmerijiet oħra u jitbiegħed mill-eżerċizzju, u did-darba ma rnexxilix lanqas. Imma s-setgħa tal-mużika qajmitli ġismi xewk xewk u ikkatiżmat ruħi ħafna iktar milli tista' tagħmel kwalunkwe biċċa laħam, sew ta' xi annimal, sew ta' xi tfajla żnella daqs fenka u sabiħa daqs Kleopatra (qed niċċajta, qed niċċajta... imma mhux tort tiegħi, daħal is-sajf, l-istaġun ta' l-annimali!)

Bravissimi. Kienu bravissimi. Bl-interpretazzjoni fidili ta' Dark Side of the Moon serquli qalbi. Fit-tieni parti tal-kunċert daqqu bosta siltiet sbieħ, fosthom verżjoni kbira ta' One of These Days li matulha nefħu kangarù lewn roża li aktar kien donnu taħlita bejn fenek u qażquż... Imma dan kollu għalija kien 'extra', id-deżerta wara l-platt prinċipali tan-naħa mudlama tal-qamar li kont għadni qed intiegħem u niddiġerixxi. Iċ-ċapċip u l-għajat tat-tmiem kienu impressjonanti. Fil-bis daqqu s-silta Wish You Were Here bħala ċ-ċirasa fuq il-kejk, u f'bis ieħor il-mużika potenti ta' Run bi krexxendo straordinarju bħala grande finale.



Il-ġemgħat jerġgħu joħorġu fit-toroq u l-biċċa l-kbira minnhom jinżlu fid-direzzjoni ta' San Ġiljan. Fil-parossiżmu tal-festa jkompli t-taħwid, min jgħajjat b'saħħtu kollha, min ibul wara xi arbuxxel, min jieqaf għal mument mill-kanzunetta li qed jipprova jkanta biex jitfewwaq kemm jiflaħ (imbierek dak, ara kemm-il birra kien xtara ġol-grawnd u kemm-il pennies ikkontribwixxa għall-klieb abbandunati)... iwa, daħal is-sajf, u ħarġu l-annimoli!

How I wish, how I wish you were here
We're just two lost souls swimming in a fish bowl
year after year
Running over the same old ground
What have we found?
The same old fears
Wish you were here

Kummenti: 10

Blogger Kenneth qal/qalet...

Kont f'post aħjar minni Twanny.

Dik ta' l-ilma kienet daħka fil-wiċċ mill-kbar nett. Nispera li hemm ħafna nies rashom fuq għonqhom li lesti jbiċċruhom fuq il-gazzetti fil-ġimgħat li ġejjin ħabba fiha.

Tal-Winter Moods, fejn qatt ma nagħmilha, kont ħa nilgħab imħatra li f'xi mument jgħidulna li se jieħdulna ritratt biex isemmu 'l Vodafone. Iċ-ċuċ m'għamilthiex, għax kont nirbaħha żgur. Issa l-istess kummiedja drajniha.

Ħadt gost tibbuwjalu 'l Bush waqt 'Brain Damage', ja elit liberali?

27/6/05 23:31  
Blogger nigredo qal/qalet...

er, vera qalu li l-penny sejjer ghall-klieb tal-eden foundation?... ghax l-eden foundation tfal b'dizabilita` hemm...

28/6/05 06:42  
Blogger Arcibald qal/qalet...

Aw Antoine...

b'"With or Without You" vera rajthom waqghu ghan-nejk il-Winter Moods - wrew il-potenzjal ta' kemm setghu kellhom kuntatt ma' l-udjenza bid-diski taghhom - imma b'diska mhux taghhom. Wrew li bhala cover band abbli kienu jkunu ahjar, u li l-uniku kriterju il-ghaliex kienu hemm kien l-isponsor tal-vodafone. Hasra li waqajna daqshekk fil-baxx hawn Malta.

28/6/05 08:26  
Blogger alex qal/qalet...

id-dieta tkompli

28/6/05 08:48  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

smajt li ltqajt ma hija fil-kuncert twann.

zomm id-dieta... ibqa' sod,
u mill-junk food zomm il-boghod!

28/6/05 10:46  
Anonymous betabean qal/qalet...

sad stuff ... kemm waqajna fil-baxx.

at least someone said it the way it is.

28/6/05 17:49  
Blogger Rasblaxxa qal/qalet...

Jien dejjem kont nghid li la jirxoxta John Bonham u Robert Plant ikun resaq lejn id-desghin, iz-Zeppelin jigu Malta, la Kurt Cobain johrog mill-mohba tletin sena ohra u jizvela li s-suwicidju kien staged, jigu in-Nirvana....

Sadattant nikkuntentaw bil-mirja u l-kopji. Heqq dawk gew hux, x'taghmel? ... ajma jahasra

Imhatra li jigu l-Oasis fis-sajf tat-2025? Be there then.

28/6/05 20:06  
Blogger Rasblaxxa qal/qalet...

Jien dejjem kont nghid li la jirxoxta John Bonham u Robert Plant ikun resaq lejn id-desghin, iz-Zeppelin jigu Malta, la Kurt Cobain johrog mill-mohba tletin sena ohra u jizvela li s-suwicidju kien staged, jigu in-Nirvana....

Sadattant nikkuntentaw bil-mirja u l-kopji. Heqq dawk gew hux, x'taghmel? ... ajma jahasra

Imhatra li jigu l-Oasis fis-sajf tat-2025? Be there then.

28/6/05 20:06  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Mill-punto di vista ta' l-organizzaturi, ma ttihomx tort sa barra. X'l-aħjar torganizza: party li taf li f'ġimgħa se jinbelgħu il-biljetti jew concert li trid iddum tliet xhur taħli l-liri f'reklami biex forsi jkun sold out?

Il-flus imexxu kollox...

28/6/05 22:27  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Jien naħseb aħjar użaw l-enerġiji tagħhom biex iġibu erba' gruppi ta' vera kontemporanji. Mhux irridu mmorru aq alla barra minn Malta biex forsi naraw xi ħaġa.
Qisna qegħdin inħufu għall-Mars u l-Bounty kif kienu jagħmlu fis-snin Tmenin!

3/7/05 14:24  

Ħalli kumment

<< Home