<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

8.6.05

Aħna li nitkellmu l-Feniċju... u daqsxejn ta' mużika

1

Interessanti kif l-ilsien Malti għadu sal-lum jixbah lil-lingwa li jitkellmu fil-Libanu... f'dan is-sit hemm wieħed Libaniż dilettant tal-lingwa li jipprova juri li l-Malti u l-Libaniż ma tnisslux mill-Għarbi iżda li huma żewġ fergħat tal-lingwa Feniċja. Jidher li qed jikkompila wkoll damma ta' kliem Malti f'paġna li hu jsejjaħ Dizzjunarju Feniċju. Fiha biċċa xogħol naħseb! Ħasra li ma nafx naqra l-kitba Għarbija għax kieku tkun interessanti nqabbel il-lessiku taż-żewġ ilsna. Imma insomma, dan proġett għal ħajja oħra...

Fil-prefazju ta' dan is-sit hemm aneddotu li l-ewwel ħasadni u mbagħad daħħaqni waħda sew:

«Years ago, working in a New York City publishing firm, one day I was riding the elevator to the 11th floor, I heard a bunch of Lebanese looking guys speaking an almost familiar language. It sounded like the language spoken in Lebanon, but I could not quite follow it.

The curiosity was killing me, so before we reached our destined floor, I inquired from these gentlemen what language they were speaking. I was astonished to hear "Why, Phoenician!". They explained to me they were from Malta, and they spoke Phoenician
».

Kienu qegħdin jgħadduh biż-żmien, jew veru hemm Maltin li jemmnu u jgħidu li l-Malti u l-Feniċju huma xorta waħda? Jew xtaqu jidhru bħala l-proneputi ta' kultura prebiblika li għadha teżisti sal-lum, b'għeruq qodma daqs iż-żonqor, ġewwa pajjiż li l-istorja tiegħu tibda bil-Gwerra ta' l-Indipendenza ta' l-1775? (Għax l-Amerindjani, kif nafu lkoll għax meta konna żgħar konna naraw fil-Westerns u fil-kartuns tal-Looney Tunes kemm huma poplu kiefer, faħxi u perikoluż, ma ħadux sehem fit-tiswir tal-pajjiż u l-lum jgħixu fl-Indian reservations u jitgħajxu permezz tal-casinos... ikolli nammetti li jien ukoll kont nilgħab mal-cowboys and indians ta' Playmobil imma l-lum kull darba li niftakar fihom inħossni nitkexkex bl-istmerrija! Ta' min jieħu ħsieb it-tip ta' ġugarelli li jilgħabu bihom it-tfal, le?)


Aħfruli għax qed nitbiegħed mill-iskop ta' din il-bloggata... issa, jiena ma nafx aħna l-Maltin imnejn aħna kif staqsa Christopher Farrugia fil-blogg tiegħu (ħajr lil Sharon talli inkludietu fil-blogroll tas-sit tagħha), imma niftakar li meta kont il-boarding school fl-Ingilterra u bosta kumpanni kienu jsaqsuni jekk dari kinitx pakkett aħmar, għall-mistoqsija "What the hell has Malta ever done for the world?" (ftakru li l-Brittaniċi ivvintaw kollox fir-rivoluzzjoni industrjali!) kont inwieġeb li aħna ivvintajna r-rota, imma li sfortunatament skoprejna wkoll in-nar.

2

Jien u nistudja s-soltu jkolli r-radju Malti dejjem għaddej. M'għandix stazzjon preferit, naqleb minn wieħed għall-ieħor skond fuq xiex qegħdin jitkellmu. Is-Super One, Campus FM, l-RTK, kollha tajbin, biss ma naħmilx il-propaganda qarrieqa tal-101 u l-leħen ta' Dejjem Tiegħek Biki li issa jidher li saret ukoll DJ! Ir-radju –probabbilment ivvintat minn Taljan u mhux minn Ingliż– għalija huwa wieħed mill-pjaċiri l-aktar sempliċi li tatna t-teknoloġija, tant illi kapaċi noqgħod ġurnata sħiħa ma nagħmel xejn ħlief nimtedd fuq saqqu fuq il-bejt u nisma' r-radju.

Iżda l-lum xbajt. L-ewwel, għax għadhom sejrin bil-pantomima li ħoloq l-Onorevoli Ministru ta' l-Inġustizzja tagħna u bl-Ewrovixin u s-suċċess/mhux suċċess ta' l-entrata Maltija (għax fuq din għadhom ma ftehmux... u ma jimpurtanix għax tlift l-interess malli smajt bil-kummenti razzisti ta' Grace Borg), bħallikieku ma kellniex affarijiet aktar interessanti u fondamentali fuq xiex niddiskutu. It-tieni, u din qed ngħidha konxju tal-fatt li l-Malti tiegħi għadu wisq 'il bogħod mill-perfezzjoni, għax niddarras biż-żarżiriet li joħorġu bihom, tipo jiċċejnġja, jirreplejsja, jirreħersja, jew frażijiet bħal «nies li jiġu minn walks differenti tal-ħajja», «kmamar xering jew singil», «qed inħossni gilti», «luking forwid ħafna», u x'naf jien... għalkemm dik li l-aktar daħħkitni s'issa għandha tkun «children's entertainment għat-tfal», li darba kien semma Immanuel Mifsud x'imkien fuq il-bloggosfera (u li sfortunatament bħalissa ma nistax insibha). Mhux beħsiebni nagħmilha ta' Linguistic Police, imma jekk jogħġobkom, jew nitkellmu b'lingwa waħda jew b'lingwa oħra, inkella noħolqu zuppa li aktar tixbah lil xi speċi ta' pidgin language kolonjali milli lingwa fiha nnfisha.

Għalhekk, fl-aħħar qtajtha li nfittex xi mużika Maltija fuq l-eteru, u sibt din il-paġna ta' mp3s ta' għanjiet Maltin. Hemm ta' Freddie Portelli, The Tramps, Fredu Abela l-Bamboċċu... saħansitra għal ħafna minnhom jingħata wkoll il-kliem! Uħud minn dawn is-siltiet diġà kont smajthom, imma dik li l-aktar għaxxqitni l-lum hija Taxi Mary. Il-Pariri tal-Bamboċċu tajba wkoll. U m'hemmx xi ngħidu, silta oħra li tista' tniżżel minn dak is-sit hija Xemx, Wisq Sabiħa (sa fl-aħħar sirt naf għaliex issemma hekk il-ktieb ta' l-istess isem...).

Insomma, ħudu gost. Din probabbli l-aħħar bloggata tiegħi għalissa għax fi ftit jiem oħra se nkun imsiefer. Jekk ma nibbloggjax minn ġewwa l-art tal-Hoegarden u taċ-ċikkulata Côte d'Or, nerġa' ningħaqad magħkom wara ġimagħtejn... sadanittant, nispera għall-inqas li ma naqax fir-relegejxin pul.

Saħħiet,

Twanny.







Kummenti: 13

Blogger l-istordut kroniku qal/qalet...

Fuq il-muzika Maltija li ddewweb il-qalb u anki l-cote d'or, ma tistax ma tismax lil Manwel Cilia. Dnub li mhemm xejn tieghu fuq dak is-sit.

8/6/05 09:46  
Blogger gybexi qal/qalet...

interessanti tal-fenici f'NY

ejja l'hawn ha tofrili naqra Hoegaarden Twanny hi! :)

8/6/05 10:05  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

Brillanti...
ta' Dejjem Tieghek Biki ghogbitni wisq. Però ahna l-Ghawdxin imnissla minn razza druidi li kienu jaduraw biss nisa, xorb u pjanti varji allucinogeni nahseb. Il-fenici minilmadunna hume?

8/6/05 11:12  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

incidentalment.... daqsxejn jew daqxejn? jew daqxejn colloquial biss? kurzita dejjem

8/6/05 19:25  
Blogger Bertu ta l-Angli qal/qalet...

dak il-hmar tal-looney left fejn sibtu?

8/6/05 20:13  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Bertu, ma nafx rajtx il-kumment li ħallejt fuq il-blogg ta' Xarin, imma hemm issib xi links għas-sit li fuqu sibt il-kartun.

Jacques, mela għalhekk Għawdex isejħulu Paradise Island !!
Bil-ħaqq, jekk m'iniex sejjer żball il-kelma tinkiteb daqsxejn imma titlissen daqxejn (jew x'aktarx daqxej')... interessanti kif hawnhekk sx isir x iżda mbagħad fil-kelmiet "ma nħossx" jibqa' s.

Mikiel, issa nfittex xi mużika ta' Manwel Cilia, tibżax! Grazzi tal-parir.

Gybexi, dalwaqt inkun hemm! Nasal nhar is-Sibt fil-għaxija, niktiblek qabel ma nitlaq.

Tislijiet lil kulħadd!

8/6/05 23:51  
Blogger alex qal/qalet...

għalija l-isbaħ silta hija "L-aħħar bidwi ta' wied il-għasel" verzjoni oriġinali tan-New Cuorey.

10/6/05 08:40  
Blogger hazevi qal/qalet...

Xi ftit tas-snin ilu meta kont nghix Londra nzertajt kont qieghed riceviment mimli rjus intellettwli jippuppaw sidirhom b'tejoriji u filosofiji dwar kull haga taht il-kappa tax-xemx. Qattajt ftit taz-zmiem f'grupp partikolari (ghax, ikolli nistqarr, kien hemm intellettwali mara grazzjuza li kont qed nipponta li nghaddilha kamin... imma m'ghandux x'jaqsam)u wara li nofs siegha ma nlissinx kelma, wiehed profs. pjuttost arroganti dar fuqi u qalli: "You there. You. Yes. Young man (?!?!?!). Cat's got your tongue has it?". Taht ilsieni bghattu jiehdu f'ghoxx razztu u laqlaqt xi haga li kellha x'taqsam mas-suggett. Dal-bestja nterrompini u qalli "Ah!!! From South Africa are you?" Mill-accent tieghi dan hasibni xi Menheer Van Den Kaffirbasher, frisk frisk minn Jo'Burg. Ghidtlu li le, propjament jien Malti (ghalkemm bastardizzat wahda sew). Wara dahka twila, antipatika li, ghaliha biss, ridt inniffidlu ghonqu bil-furketta li kelli quddiemi, qalli: "Ah yes, Malta...Malta.... That's where you have that queer little Mintoff fellow don't you?". Xengilt rasi, hmart, u bdejt nghodd bil-mod minn wiehed sa sbatax-il elf. Poppasidru rega holom bija: "Tiny little place isn't it? Do you have schools at all there?". Hawnhekk infqajt. Gejt nitnejjek minn dik li kont qed nipprova nimpressjona, qomt u b'ton li minn ghalija kien civili ghidtlu... "I'll just say one thing and then I'm afraid I'll have to leave. Yes. We have schools. We have one of the oldest universities in the world. We have running water, AND, lately we've even gotten enough electricity to run a lightbulb. What's more Malta had a thriving, complex and sophisticated pantheistic civilization dating back at least six thousand years... at a time when your forebears were still living in trees, painting themselves blue and running around looking for roots to eat, stark bollock naked. Good night". Kontx qisni l-patrijott prim?? Naf li kienet nejka ta' qattusa imma dak il-hin ma hassejtnix li stajt naghmel mod iehor. Meta semmejt iz-zmien meta int kont boarding school l-Ingilterra ftakart fih f'dan l-episodju. :)

10/6/05 13:09  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Sewwa għedtilhom hazevi... wieħed li jitkellem b'dak l-atteġġament ta' imperjaliżmu ma ħaqqux isejjaħ lilu nnifsu intellettwali, imma raġel ta' l-għerien.

Ma nafx intom imma jiena l-passat kolonjali ta' Malta nistħi minnu... għalkemm ikolli nistqarr li min-naħa tiegħi hemm raġunijiet psikoloġiċi kemmxejn profondi u ċerti affarijiet li qatt m'jien se neħles minnhom. Imma insomma... diġà nħossni ppreparat għall-anagnoriżi li abbli ġej dalwaqt...

10/6/05 14:47  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Sewwa għamilt, hazevi. Ma stajtx irrispondejt b'mod aħjar. Ħamsa 'l haw'!

10/6/05 14:53  
Blogger Robert Micallef qal/qalet...

Interessanti tad-dizzjunarju Fenicju u dak li jikteb Raymond Dibb. Fil-Lebanon stess hemm hafna opinjonijiet imhallta dwar il-veru rabta bejn il-Lebanon u l-Fenici. Huma il-minoranza tal-Lebanizi li jemmnu li huma Fenici.

Fi Frar li ghadda tfajt dan fil-Wired Temples:

http://wiredtemples.blogspot.com/2005/02/malta-lebanon-connection.html

11/6/05 02:49  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Antoine, jekk tagħti daqqa t'għajn hawn, napprezza.

11/6/05 04:49  
Anonymous Mattia qal/qalet...

Nahseb li r-raguni ewlenija ghaliex il-Malti jista' jifakkar il-Libaniz qeghda fil-fatt li t-tnejn ghandom jippronunzjaw il-q bl-istess mod, u mbaghad l-ie tal-Malti jikkorrispondi ma' e twila fil-Libaniz, minlflok l-a twila li hija l-forma bazika Gharbija. Perezempju l-kelma "qassis" jinstema' ezatt l-istess, u "quddiem" huwa "qiddêm". Hemm hafna djaletti Gharab fejn issib dawn il-pronunzji, imma l-Libanu ghandu komponenti Nisranija importanti, marbuta ma' ideologiji li ma jaqblu mal-identità Gharbija. In-narrattiva nazzjonali ta' bicca mill-Insara Libanizi taghti l-ikbar importanza lil dak kollu li mhux Gharbi fl-istorja u l-lingwa tal-Libanu. Ghalhekk hemm fosthom min jissimpatizza mal-Maltin. Barra minn hekk, forsi kumbinazzjoni, l-kunjomi Saliba u Cassar (dan l-ahhar bhala "il-Qassar") jinsabu hemmhekk ukoll. Skuzani tal-Malti tieghi, miniex nattiv però nhobb wisq din il-lingwa.

17/8/15 06:39  

Ħalli kumment

<< Home