<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

31.5.05

Valuri Voċiferi

Jien u nagħmel dawra mal-gazzetti Maltin fuq l-eteru, fil-Malta Today sibt ittra li tispiċċa b'din is-sentenza, miktuba minn wieħed li mingħalih li mhux konservattiv:

«The entrenchment of this concept in our Constitution would strengthen our Maltese heritage, proud of its past and vociferous about its values for the future».

Għandi l-impressjoni li l-kelma voċiferu ma tantx tintuża fil-Malti, darba biss rajtha fil-gazzetti, imma jekk tippermettuli, se nużaha għal din il-bloggata.

Għal kelma Ingliża vociferous, Aquilina jagħti 'frattarjuż, storbjuż'. U jekk m'iniex sejjer żball, vociferous ġejja mill-Franċiz vocifère, li skond l-etimoloġisti hija mibnija jew fuq il-kelmiet Latini għal leħen u ġarr (to carry), jew fuq dawk għal leħen u feroċi. Hi x'inhi l-etimoloġija vera, vociferous timplika ċerta vjolenza, le? Jekk mhux fil-kliem, għall-inqas fl-ideat.

Vociferous about its values... tinkwetani daqsxejn l-għażla ta' din il-kelma f'dan il-kuntest. Skużawni imma jidhirli li l-valuri reliġjużi mhux lakemm taqbadhom u timponihom fuq kulħadd. Voċiferu hu l-mod kif il-kappillan wissa lill-parruċċani l-bieraħtlula waqt il-quddies li wieħed ma jistax jgħix tassew fil-paċi miegħu nnifsu jekk ma jiġix iqerr darba fil-ġimgħa u ma jitqarbinx... ċjoè, jew tikkonforma mar-riti u mas-simboli tal-Knisja jew inti bniedem mitluf u bla tama. Voċiferu hu l-mod kif, skond ma qrajt fuq il-blogg ta' Bertu għax it-televiżjoni ftit li xejn naraha u inqas il-pantomima ta' Xabbabank / Xebgħa-bank / Zuppardu Xow (prosit Mikiel), ċertu politiku ssuġġerixxa li min toħroġ barra minn xtutna biex tagħmel abort għandha tkun investigata u inkriminata x'ħin tiġi lura Malta. U voċiferu hu l-mod kif mid-dehra jsir id-dibattitu fl-istess programm tal-popolin (u nammetti li din rajtha xi darba), fejn kulħadd iħambaq tiegħu, min jipprova jsikket lill-ieħor, min jgħajjat u min jgħajjar, min jistqarr li jaf il-verità assoluta u min iħallat ir-reliġjon ma' l-Ewrovixin u l-jeddijiet tal-bniedem ma' l-idoli u s-superstars ta' l-adolexxenti (darba rajt puntata li fiha Gonzi deher flimkien ma' missieru fuq is-sufan, arah kemm hu bniedem twajjeb u tal-familja, avolja kien daqsxejn imqareb fi ċkunitu, oh how cute!!), waqt li Peppi Puppi "għaliex iva mhux għaliex le" jkompli jfakkarna kemm aħna f'sensina billi l-istragrande maġġoranza taqbel mal-politika tal-gvern... Istra kemm aħna nies taz-zokkor! Saqsi naqra lill-Amnesty International, Pepp, ara jaqblux miegħek.

Attent! Attent! Attent!

Jekk jidhrilkom li t-ton ta' dil-bloggata sar kemmxejn voċiferu fl-aħħar paragrafu, niskuża ruħi. Wara kollox, jien ukoll ta' demmi sħun... tgħid m'aħna se nitgħallmu qatt? Iddakkarna daqsxejn mill-flemma Brittanika, jew għadna frattarjużi daqs kemm konna qabel? Mistoqsija interessanti għall-antropoloġi...

Tislijiet,

Twanny Cassar.

Kummenti: 4

Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

Niehu wisq gost naqra il-bloggati ta' Twanny. Peress li ma ilux Malta tinduna bil-perspettiva ta' "barrani" li ghadu ma helisx minnha mija fil-mija. Din il-haga toghgobni. Niehu gost nara pajjizi tramite ghajnejn Twanny, forsi ukoll ghax meta kont f'pajjizi dejjem hassejtni barrani fil-mod kif nahseb.

Nixtieq innkun iktar vociferu bi hsibijieti izda xi drabi insib li kelma minn taht l-ilsien tkun iktar dejjiema.

Imma forsi dak ghax jiena Ghawdxi.

31/5/05 18:56  
Blogger gybexi qal/qalet...

kemm ilek Malta Twan?

31/5/05 19:20  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi Ġakbu. Il-perspettiva ta' barrani naħseb li qatt m'jien se neħles minnha, u fil-fatt, aħjar hekk... peress li kull fejn immur inħoss li għandi sieq waħda ġewwa u l-oħra barra, f'żgħożiti kelli xi problemi ta' identità imma l-lum dik is-sensazzjoni mhux biss drajtha iżda saħansitra sirt inħobbha. Biss iqażżiżli l-aċċent li għandi... imma nwegħidkom li fuq hekk ma nitkellimx aktar.

Kurt, ilni hawn sa minn Settembru li għadda. Neħħi Diċembru meta bqajt imsakkar ġo kamra mdallma biex lestejt l-ewwel draft tat-teżi u Jannar meta mort lura Madrid... seba' xhur b'kollox (+ 5 snin meta kont żgħir u u ma nafx kemm-il żjara fil-Milied).

Siegħa u nofs oħra u jidħol Ġunju, l-isbaħ xahar tas-sena!!! Fil-misraħ tal-Qrendi u fuq l-għetiebi tal-każini diġà hemm ħafna nies... u t-temperatura delizzjuża. Għandi mnejn ninżel għada sa Għar Lapsi... :-)

31/5/05 22:40  
Blogger Bertu ta l-Angli qal/qalet...

dan l-ahhar iddecidejt li insir vociferu (qisu xi forma ta monstru b'halqu kbir)ghax vera qabzitli nara l-opinjonijiet u il-valuri tal-minoranzi f'dan il pajjiz jitkasbru qishom m'huma xejn. l-idea taghna ta demokrazija hi ta dittatorjat tal-maggoranza. din socjeta li tgholli lehinha biss biex turi li ma tridx tinbidel, anka minn theddid li ma jezistix. Mela ejja nkunu kollha vociferi ha nghamlu hafna hoss u hadd ma jifthiem.

1/6/05 20:52  

Ħalli kumment

<< Home