<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

23.5.05

Simbjożi u stress

Il-lum erġajt inżilt sa l-irdum li hemm taħt l-Imnajdra. Intfajt minn tuli fuq il-blat, wiċċ 'il fuq, dirgħajja u riġlejja 'l barra qisni stilla ħamra tixxemmex (jew baliena, skond il-perspettiva...). Għalaqt għajnejja biex stajt nisma' aħjar iċ-ċafċif serrieħ tal-baħar u nħoss iż-żiffa ħafifa ħafifa tmellisni xagħri u subgħajja. Bdejt l-eżerċizzju li kultant inħobb nagħmel biex nistaħja u nieħu enerġija ġdida, nifs 'il ġewwa flimkien ma' ħsieb pożittiv, nifs 'il barra li miegħu nixħet ħsieb negattiv. Suppost tibqa' sejjer sakemm ma jirnexxilekx tiftakar f'xi ħsieb ikrah u tħossok imsaffi mix-xjaten li jgħammru fl-irkejjen ta' moħħok, xi ħaġa li f'ħajti ġratli biss darbtejn, is-soltu nidħol f'ħedla ta' ngħas u nibda noħlom mingħajr ma nkun rieqed fil-fond. Il-lum xbajt naħseb u nonfoħ, u kkonċentrajt fuq id-dawl tax-xemx li tibqa' tara minkejja li jkollok għajnejk magħluqa, kif ukoll fuq il-ħoss tal-baħar, iż-żiffa tgħaddi minn fuq saqajja u r-riħa tal-melħ u tal-ħxejjex ta' madwari. U wara ftit, tant ħassejtni rilassat u mitluq li sirt qisni ħaġa waħda mal-blat.

Dan huwa kalk fuq l-Ispanjol u jista' jkun li ma jagħmilx sens bil-Malti... me sentía uno con la roca, jew bl-Ingliż, I became one with the rock... insomma, jiġifieri li ħassejtni qisni parti tal-blat li fuqu kont qed nistrieħ. Jew bħala qatra ilma li tinħall u tintilef fil-baħar, għabra li taqa' ma' l-art u ssir parti minnha. Kont inżilt sal-blata sigrieta tiegħi biex nirrilassa u nserraħ moħħi, imma dawn it-tixbihat wassluni sa ħsieb li ħassar l-esperjenza kollha: fil-fatt, hekk insiru meta nispiċċaw iż-żjara tagħna f'din id-dinja, ħaġa waħda mal-blat, mal-ħamrija, mat-trab. U ftakart f'dak kollu li nixtieq nagħmel f'ħajti, fit-tiġrija eterna –u fl-istess ħin mhux eterna– kontra l-arloġġ, kontra l-arloġġi kollha li hemm fid-dinja, il-ġlieda dejjiemi bejn il-ħolqien u d-distruzzjoni, it-teżi li għadni ma spiċċajtx, proġetti li jissogru li jmutu fuq ommhom (anzi fuq missierhom), waqt li skoss professuri jtennu dak l-adaġjo mxajtan li jgħid publish or perish u oħrajn iżidu l-pressjoni fuq spallejk għax iridu r-ritratt tal-gradwazzjoni fuq it-televiżur u jridu jarawk, kif jgħidu, "imlaħħaq"... Stat psikoloġiku li jfakkarni f'dawn il-versi minn Dark Side of the Moon:

U tiġri kemm tiflaħ biex tilħaq ix-xemx li qed tegħreq,
u li issa qed tgħaġġel biex terġa' tiġi warajk...

B'hekk, b'ruħi u ġismi mtellgħin xewk xewk u l-ħsibijiet negattivi li kont xħett 'il barra jiġġerru mill-ġdid tul il-garigori ta' moħħi, qomt u kont se niġri lura d-dar sabiex inkompli nistudja. Imma ladarba erġajt rajt il-veduta, l-ilwien tal-baħar u l-ħemda ta' Filfla, tbissimt qisni tifel ċkejken u fuq il-lavanja enormi tal-blu ħarbixt u fassalt l-iskema għall-ġimgħat li ġejjin. Aktar tard, meta x-xemx tersaq iktar lejn ix-xefaq, tara linja ta' dawl fuq wiċċ il-baħar, dik li Italo Calvino darba sejħilha la spada del sole u li jiena nippreferi ngħidilha la strada jew il-mogħdija. Mogħdija li ssegwik kull fejn tmur, imma li taraha biss jekk ikollok it-tama. X'ħin tgħib ix-xemx jew tistaħba wara s-sħab, il-mogħdija tgħib magħha; x'ħin titlef it-tama, la strada titlifha wkoll. Il-mogħdija rajtha qabel ma terraqt lejn ir-raħal, u bejni u bejn ruħi għedt, nun c'è problema, kollox possibbli.

Kif soltu jgħidli ħabib minn Spanja, mhux id-destinazzjoni tgħodd, mhux tmiem il-vjaġġ, imma l-vjaġġ stess. Suppost niftakarha din: l-importanti li tgawdi l-mixja, mhux biss il-wasla. Ftit tas-sigħat ilu, ereżija poġġiha b'mod sempliċi u brillanti. Nifhmek ras, u jmissni niftakarha iktar ta' spiss!

Kemm jiena 'l bogħod minn Alla, kif qaltli l-lum in-nanna!

Għalfejn din l-għaġla killha, ras?

Kummenti: 1

Blogger alex qal/qalet...

qatt f'hajti ma niftakar zmien bhal daz-zmien fejn ili ma nxomm il-haxix jew il-bahar ghal hafna xhur... izda ma niftakarx zmien daqshekk hieni f'hajti lanqas - iktar ecitanti iva, izda bi paci gewwa qalbi le. U jiena qieghed 'l boghod mill-Alla tal-knisja wkoll :)

23/5/05 08:35  

Ħalli kumment

<< Home