<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

12.5.05

Logos

Ma nistax noqgħod nikteb fit-tul il-lum għax pitgħada ser ikolli eżami (jew kif jgħidu hawnhekk, eżo:mi bil-o mkarkra, bħal id-dor, ħmor, u kelma li għandi għal qalbi ħafna speċjalment fit-thewdiniet multilingwi ta' moħħi, xjoten). Biżżejjed ngħidilkom iżda li l-ewwel tqarbina tiegħi kienet l-aħħar inkontru u skontru uffiċjali li kelli mar-reliġjon, il-griżma m'għamilthiex imma l-iżolament tiegħi mill-knisja u minn kull idea ta' alla jew allat ġie kkonfermat kemm il-darba jien u naqra, nisma' u nirrifletti fuq ċerti stejjer mill-istorja kif ukoll mill-preżent (inkluża l-qagħda politika kontemporanja ta' Malta). Il-Bibbja nħobbha bħala opra ta' letteratura għax fiha bosta ħrejjef sbieħ ta' xejra popolareġġjanti (fis-sens it-tajjeb, u fil-ktieb tas-salmi hemm bosta poeżiji tassew delizzjużi), u għandi rispett kbir lejn dawk il-missjonarji li jmorru mhux biss barra minn triqthom iżda sa pajjiżi tan-naħa l-oħra tad-dinja, biex jgħinu lill-komunitajiet l-aktar batuti jkampaw, jimxu 'l quddiem u forsi jegħlbu l-miżerja tagħhom (l-għarusa tiegħi mhijiex reliġjuża imma marret Rio de Janeiro biex tagħmel l-istess ħaġa, u għadha hemm sal-lum). Hemm ukoll ċerti frażijiet tal-Malti li ġejjin mid-dimensjoni reliġjuża u li jogħġbuni wisq, bħal ngħidu aħna l-espressjoni mn'alla, jew jekk il-bambin irid, jew sempliċiment il-kelma jalla, sabiħa fil-fehma tiegħi daqs il-kelma Spanjola ojalá (pron. oħalà; it-tnejn li huma ġejjin mill-Għarbi inx'alla). Kultant immur il-quddies biex nisma' l-priedka ta' wieħed mill-qassisin tar-raħal, ħabib kbir ta' missieri (missieri kien imur is-Seminarju u kważi kważi sar qassis! Imn'Alla, appuntu, imn'Alla ħarab lejn Londra fl-aħħar mument! Grazzi Pa), jew biex nikkuntempla l-ġmiel tal-knisja tal-Qrendi. Imma meta jibdew ilkoll għalenija bil-"jiena nemmen f'Alla wieħed u f'knisja waħda l-knisja Kattolika Appostolika" eċċetera eċċitera jew x'naf jien għax ma tantx nagħti każ, niddarras u nirrabja/nirrobja b'dak il-kliem assolutist, indiskutibbli u għalkollox intolleranti. Iva, l-alla tal-kattoliċi Rumani biss jgħodd, l-oħrajn kollha foloz! Għax fost il-valuri ta' ċerti nsara, die-hard jew le, insibu wkoll il-bigotterija, l-istess bħalma teżisti f'reliġjonijiet oħrajn, vjolenti fl-għemil, fil-kliem u speċjalment fl-ideat. X'se nibnu, ħitan jew pontijiet?

Dan hu sunett li ktibt waqt l-aħħar mawra tiegħi f'Madrid. Il-loġika, bejn wieħed u ieħor, timxi hekk:

(1) il-bniedem huwa awtodestruttiv u jeqred ukoll l-ambjent ta' madwaru;
(2) il-bniedem ħoloq l-allat (mhux bil-maqlub);
(3) l-allat/reliġjonijiet jeqirdu lilhom innfushom għax maħluqin mill-bniedem;
(4) jekk għandna nivveneraw xi ħaġa bil-fors, forsi din tista' tkun il-ħajja stess.

Utopja oħra li tegħreq fil-ħemda tal-baħar flimkien ma' l-utopji oħrajn, imma tagħmel sens, le? (Nota: kontu tafu li d-dizzjunarju ta' M. Serracino Inglott ma fihx il-kelma utopja ?!?!) Għandi ħija filosfu li jgħid li ilna sejrin f'din id-direzzjoni, darb'oħra forsi nispjega l-għaliex. U jekk taqraw il-paġni ta' Erich Fromm dwar l-istorja tar-reliġjonijiet, niskopru paralleliżmu interessanti bejn il-miġja tagħhom u dik tal-ħajja tal-bniedem: l-ewwel inqimu lill-omm, imbagħad lill-missier, aktar tard lilna nnfusna. Bħalissa fid-dinja tal-Punent jidher li qegħdin nofs triq bejn it-tieni u t-tielet (l-alla l-missier u l-alla l-individwu, wara l-alla omm, per eżempju, tal-Feniċi), imma ta' min nagħmlu pass ieħor u 'nivveneraw' lil uliedna, jiġifieri l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, billi nħarsu aktar l-ambjent biex ikunu jistgħu jitpaxxew bih, inkomplu niżviluppaw enerġiji renovabbli, naħdmu wisq aktar favur il-paċi, eċċetera. Jew inkella, nittraxxendu dan kollu u s-simboli kollha marbutin magħhom, u nqimu l-kunċett tal-ħajja stess.
Insomma, m'iniex qed nagħmilha ta' profeta, dawn huma biss l-ideat banali tiegħi, minsuġa fl-għamla tas-sunett.

LOGOS

Smoke till your heart does burn, burn till the land does thirst,
avions en forme de croix teignent la lune en rouge,
mutant fruit, severed roots, empires of fire life curse,
y cómpranse las almas, u l-kwiekeb ma jleqqux.

Molto prima però, at the time of the first
sticks and stones, scattered bones, les larmes et le déluge,
el hombre a Dios creó, as maker of the earth,
a sua somiglianza, biex l-erwieħ ma jmutux.

The gods themselves shall eat, com’uom a sé consuma,
saranno pane e vino pane e vino e ragione,
the crosses, moons and stars one day in peace shall rest,

kieku xi darba l-bniedem kien f’ruħu u nifsu nduna
una forza creatrice senza volto né nome,
e il verbo Dio non fu, sed logos vita est.

Madrid, 9 ta' Jannar 2005

Xi traduzzjonijiet ta' malajr malajr biex jiftiehem aħjar:

avions en forme de croix teignent la lune en rouge: ajruplani b'forma ta' slaleb jiżbgħu l-qamar bl-aħmar

y cómpranse las almas: u l-erwieħ jinxtraw / jinbiegħu

les larmes et le déluge: id-dmugħ u d-dilluvju

Il-bqija naħseb m'għandhiex bżonn traduzzjoni. Xtaqt nikteb kien ... jinduna minflok kien ... induna, imma din ħallejtha fil-perfett minħabba s-sillabi.

Daqshekk ibbloggjar għalissa... nittama li nkun nista' nerġa' nikteb xi ħaġa l-ġimgħa d-dieħla. Bħalissa għandi quddiemi sitta u tletin siegħa ta' qwiel, idjomi u Qawsalla. Xi ħlew! Il-bloggosfera Maltija qed insir inħobbha dejjem iktar, mhux biss għax qed nitgħallem ħafna dwar l-istorja kontemporanja ta' Malta li ma tantx kelli ċans insegwi waqt is-snin li kont barra, iżda għax jidher li nħolqot ukoll komunità bejn il-bloggin Maltin, kemm virtwali u kemm reali. Mhux dejjem għandna naqblu f'kollox, imqar politikament (jien bħala wieħed li jinsab x'imkien bejn l-aħmar u l-aħdar xi drabi ma nistax għal ċerti stqarrijiet u atteġġamenti tan-naħa l-oħra ta' l-ispettru, imma children of the tile, fejn tistgħu, tiħdux għalikom meta nikkritika l-lemin! U m'hemmx xi ngħidu, fortunatament qed nara li hemm partitarji tal-PN li jafu jżommu moħħhom miftuħ). Anzi, li kieku konna naqblu f'kollox konna niddejqu! Minbarra l-fatt li, li kieku kont nikteb blogg minn ġewwa Spanja, bl-Ispanjol jew bl-Ingliż, naħseb li kont niddejjaq malajr, minħabba ċerta sensazzjoni li l-blogg jintilef fl-oċean ta' blogog li diġà jeżistu u li l-kuntatti jsiru xejn aktar minn 'etereji' jew virtwali. Sensazzjoni simili kienet dik li kienet ġegħlitni niġi lura Malta. Forsi ma taqblux miegħi jew ma tħossux l-istess, imma fiċ-ċokon ta' dawn il-gżejjer (qed nitkellem bħall-politiċi issa, l-għeżież Maltin, Għawdxin, Kemmunin u Filflin...), nħoss li huwa aktar faċli għalija li nsir min irrid insir, naħseb kif irrid naħseb, u nhewden kif irrid nhewden. U dana qed ngħidu mingħajr l-ebda ħjiel ta' patrjottiżmu, avolja nibqa' ċert li kelli bżonn nikber u nistudja barra sabiex il-lum napprezza (u nikkritika) lil pajjiżi aħjar. U żgur li ser ikolli bżonn nerġa' nsiefer biex ma nistaġnax.

Insomma, imbagħad naraw. Saħħa għalikom, narokim u naqrokim, hasta la próxima bloggata,

Antoine.
(Twanny tal-Kuppija)

Kummenti: 18

Blogger Arcibald qal/qalet...

Proset siehbi... tieghek wiehed mill-aktar bloggs li sirt inhobb naqra. Dritt ghall-punt, poetiku (u mhux il-poeziji biss) u sincier. U s-sunett tal-bloggata tallum kbir nahseb li hu wiehed mill-isbah li qrajt s'issa minn tieghek.

Kif jghidu... zommu l' fuq (keep it up).

12/5/05 21:50  
Blogger MaltaGirl qal/qalet...

Jiena tal-opinjoni li jmissek tagħmel ktieb tas-sunnetti tiegħek - qatt ma rajt bħalhom, u veru jogħġbuni (għalkemm qatt ma nifhem kull kelma, lol!).

U good luck għal għada, forza ġbin - għalkemm mid-dehra, ma tantx ser ikollok problema, daqs kemm taf tikteb bil-Malti ;-)

Tinsiex tieħu l-I.D. card miegħe

13/5/05 11:11  
Blogger MaltaGirl qal/qalet...

k

13/5/05 11:11  
Blogger alex qal/qalet...

Jiena nghid ghalija, il-poeziji, ghalkemm mhux hziena u fihom ftit sbuhija, jinqraw wisq bhal ezercizzji... stick to una lingua sola, dak huwa my advice a toi

13/5/05 13:31  
Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

erezija hrigt b'erezija
naqbel ba arcibaldu
minn hawn nghidlek ir-rizq it-tajjeb ghall-ezami... u li kieku kellek twiegeb bhall-Ghawdxin tghidli ukoll "ghajnejk f'sormi" (li nahseb torigina minn "ghajjnek f'sormi".

minghajr intenzjoni li nivvulgarizzaw
Jacques

13/5/05 14:32  
Blogger L-Aghma qal/qalet...

Twan, sijeb, Hadt pjacir naqra kliemek... avolja ma naqbilx ma hafna minnu. Pjuttost nawguralek li ma ddumx ma tiskopri l-Gholi.

Mhux li nikkummenta haw..iz-zmien itina parir...

Sahhiet, habib!

14/5/05 21:27  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi ħbieb tal-kummenti u ta' l-inkoraġġiment. MaltaGirl, li kieku ma kontx int abbli kont immur mingħajr il-karta ta' l-identità, għax fejn tidħol il-burokrazija moħħi żurżieqa!

Naħseb li mort tajjeb fl-eżami, għax kien qisu mixja fil-ġnejna, avolja kieku kieku, waqajt u kważi ksirt sieqi, l-arloġġ baqa' jtektek ġmielu u l-aħħar esej ħallejtu nofs leħja. Insomma, ħa nara x'riżultat jiġi meta tasal il-festa ta' Santa Marija... jekk ma jagħtunix il-1, forsi f'Settembru nerġa' nipprova. Il-lum malli stenbaħt indunajt li fit-taqsima tal-grammatika dħalt fl-ixkora... ktibt li l-verb żammitni kien tat-tieni forma meta fil-fatt huwa verb trux ta' l-ewwel forma!!! Ajma kif żlaqt!!! Ma kontx qed nikkonċentra daqs kemm kont mgħaġġel. Insomma, imbagħad naraw... nittama li għall-inqas nirkupra xi marki fil-komponiment u fil-parti tal-letteratura.

A presto,

Twanny.

15/5/05 17:23  
Blogger alex qal/qalet...

Jacques René Zammit said...
erezija hrigt b'erezija



heqq, ghalhekk semmewni hekk il-mama u l-papa

16/5/05 14:06  
Blogger alex qal/qalet...

jekk nista' niccara xi haga dwar l-opinjoni tieghi dwar il-poeziji poliglotti ta' antoine...

narahom wisq iktar ezercizzji milli espressjoni pura ghax il-forma tal-poezija mhijiex b'sahhitha, ir-ritmu huwa nieqes, u huma konxji taghhom infushom wisq...

din hija kritika meqjusa u mhux mitfugha bl-addocc fil-blogosfera...

16/5/05 14:58  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Twanny,

Ir-riżultati ta' l-O levels (nassumi li dak ħadt minħabba li semmejt li l-ogħla marka hi 1) joħorġu għall-ħabta tat-tieni jew, l-iktar l-iktar, it-tielet ġimgħa ta' Lulju.

Rigward ir-resit, m'inix ċert jekk tistax terġa' tagħtih biex ittejjeb il-marka ġaladarba tkun għaddejt. Talanqas hekk kienet għall-O level, sakemm ma bidlux ir-regolamenti f'dawn l-aħħar sentejn.

Toqgħodx tinkwieta li mhux se ġġib 1 għax ħadt żball żgħir fil-grammatika!

Irringrazzja 'l Alla li fuq hekk biss kont qed thewden. Sa ma spiċċajt is-sekondarja, meta kien għad kelli kemm il-Malti u kemm l-Ingliż, wara kull eżami ta' xi wieħed minnhom kont nhewden u ninkwieta li bi żball l-esej ktibtu bil-lingwa l-oħra. Hekk per eżempju kont nhewden li fl-eżami ta' l-Ingliż ktibt l-esej bil-Malti u fil-Malti, ktibt l-esej bl-Ingliż.

X'ġenn hux?

Imma nsomma, m'għandekx għax tinkwieta għax konvint li għandek iġġibu 1 faċilment, iktar u iktar tqis il-livell ta' Malti tajjeb li għandek. U dan minbarra li int tinqala' għall-kritika u analiżi letterarja; xi ħaġa li ebda student tal-Form 5 mhu mgħallem daqshekk tajjeb fiha daqsek. U jekk xorta ma ġġibux 1, ma tkunx waqgħet id-dinja għax naħseb għandek kwalifiki bil-bosta aħjar minn O level!

@Jacques:
Naħseb li dik l-espressjoni, li hi anke komuni hawn ir-raħal, finalment taf l-għeruq tagħha mit-Taljan (talanqas, l-użu tagħha), għax ġeneralment iwieġbu "e in culo alla balena" meta jgħidulhom "in bocca al lupo".

16/5/05 18:59  
Blogger alex qal/qalet...

u għalfejn qed tagħmel l-O Level? Qiesek Pele qed jilgħab mat-tim tad-Dingli Swallows...

16/5/05 21:51  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Propjament hekk hsibt bejni u bejn ruhi, ghax nahseb ghandu livell bil-ferm ahjar mill-Intermedju, biex ma nghidx ukoll ghall-A level, ghalkemm forsi kien mghallem formalment fuq lingwi ohra.

17/5/05 00:01  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi Wiżgħa ta' l-informazzjoni u tal-kliem sabiħ. Grazzi wkoll lil ereżija tal-kliem ambivalenti... daħħaktni waħda sew! Jekk mhux mad-Dingli Swallows, forsi mal-Qrendi Sparrows, missieri kien jilgħab magħhom imma naħseb li l-lum m'għadhomx jeżistu għax fallew... Kumbinazzjoni missieri darba iltaqa' ma Pelé meta kien jaħdem bħala xeff, għamillu fruit salad u Pelé wara li kielu mar ifittxu fil-kċina tal-lukanda biex jifraħlu għad-deżerta delizzjuża. Imma jiena dejjem ngħidlu li n-nanna taf issajjar ferm aħjar minnu, forsi għax milli niftakar qatt ma għamilna l-fenek. Kif tagħmel muċċu tajjeb bil-busbies u b'kollox ġewwa Londra? Boqq!

L-O Level għamiltu għax kont barra għal ħafna snin u l-Malti pratikament abbandunajtu. Daqsxejn ikkumplikat nispjega l-għaliex, fost ir-raġunijiet kien hemm il-boarding school, xi żmien ta' dwejjaq mingħajr ma lissint kelma, stepmother Spanjola (m'hawnx kelma Maltija għal din? Ħasra li stepmother tinstema' kerha, tfakkarni fil-persunaġġ ta' Snow White, u mhux il-każ! Anki f'lingwi oħrajn, matrigna, madrastra... il-lingwa taf tkun kiefra inġustament)... u insomma, fl-aħħar ġejt lura Malta u għedt bejni u bejn ruħi li qatt ma jkun tard wisq biex inġib xi ċertifikat tal-Malti. Naħseb li għandi livell mhux ħażin, għalkemm għadni nitfixkel kultant fl-istrutturi l-aktar sempliċi... spiss ngħid jew nikteb xi ħaġa li toħroġ spontanjament, xi kelma jew struttura li ġejja mill-memorja ta' meta kont żgħir, u mbagħad tinxtegħel il-bozza tal-kuxjenza lingwistika u noqgħod nitħasseb li ma tagħmilx sens... bħal meta tidgħi fl-iskola u jkollok tikteb "I will not say bad words in class" ħames mitt darba u wara ftit il-kliem jidhirlek stramb, u x'ħin toħroġ fil-bitħa tibda tiġri u tidgħi kemm tiflaħ. Sensazzjoni frustranti ħafna, imma insomma, kwistjoni ta' żmien, paċjenza, u ħafna qari.

Dwar il-poeżiji, ereżija, nammetti li huma aktar esperiment milli esperjenza. Imma "l-espressjoni pura" li semmejt int x'inhi? Il-kitba kreattiva dejjem fiha element ta' artifiċju, le? U l-pittura, u l-iskultura, u l-kanzunetti... Ma nifhimx għaliex għedt li l-forma mhix b'saħħitha u r-ritmu nieqes... dawn l-aktar affarijiet li nieħu ħsieb, wara l-loġika. Biex tifhem x'inhu, il-vers li nuża huwa l-alexandrin jew alessandrino, dak li hawn naħseb jgħidulu vers Martelljan: żewġ emistikji ta' seba' sillabi kull wieħed, avolja spiss ikunu ta' sitt sillabi għax tronki (bil-Franċiz għandu jkun tronk bil-fors għax il-kliem Franċiz kollu bl-aċċent fl-aħħar sillaba). Għażilt dan il-vers għax naħseb li joqgħod tajjeb f'kull lingwa, u għax jippermetti aktar libertà fir-ritmu. Dan nipprova nalternah biex ma jinstemax monotonu: xi drabi nuża ritmu biż-żewġ ċjoè 2-4-6, eż. "the-gods-them-selves-shall-eat / com-uo-ma--con-su-ma", jew ritmu simetriku 1-3-4-6 eż. "għa-brau-riħ-dfin-fil-qiegħ". Imma insomma, jekk tispjegali daqsxejn għaliex deherlek li r-ritmu huwa nieqes, inkun grat ħafna lejk għax nitgħallem minnu.

Bħalissa qed nisma' l-RTK għax qed nistenna il-programm Kellimni bil-Malti, għaddej il-programm Il-Kelma ta' l-Isqof u l-lum qegħdin jitkellmu dwar l-eżamijiet. Ma naqbilx ma' ħafna minn dak li jgħid Nikol Cauchi imma nieħu gost nisma' leħnu, qisu jitkellem bil-Malti b'aċċent Sqalli. Għadu kemm qal «naħseb li l-eżamijiet nibqgħu sejrin bihom sal-mewt...» ... xi stress!!!

18/5/05 01:46  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

This comment has been removed by a blog administrator.

18/5/05 01:52  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Re: l-espressjoni in culo alla balena (speriamo che non caghi)... fir-reġjoni ta' l-Abbruzzo jghidu wkoll in mezzo alle palle del riccio; risposta: speriamo che non le stringhi!

Għal Kenneth u għal kull min għaddej minn eżamijiet: f'nofs il-bajd tal-qanfud!

18/5/05 01:54  
Blogger alex qal/qalet...

grazzi antoine ghax anke jiena ghandi xi ezamijiet resqin lejja bhal trejn

dwar il-poeziji: l-istruttura akademika hemm qieghda, fair enough, izda hemm xi haga essenzjali nieqsa. M'hemmx koezjoni bejn il-lingwi nahseb. Bil-hsieb li hlejt biex tohloq dan il-poliglottizmu, inflift fil-bosk. Nahseb li neqsin minn qalb thabbat. Forsi li kieku hallejt il-lingwi jithalltu iktar kif gie gie minflok taht regimentazzjoni stretta, forsi ahjar.

Jekk trid inkomplu din id-diskursata fuq mezz privat, hawn hu l-email tieghi:

avgavg@gmail.com


Issa tibghatulix balla spam jekk joghgobkom o qarrejja tal-blogg ta' twanny

18/5/05 14:47  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

Il-lejla t-tajba. Hbatt ma din il-pagna bi zball waqt li kont qed infittex dwar wiehed mill-isbah rhula li hawn f'Malta. Wiehed mill-isbah ghaliex ghadu jhaddan il-hajja tipikament Maltija bit-tajjeb u l-hazin taghha....kwiet, u bis-sendikarji ukoll :)

ma nafekx pero il-pagna tirrifletti bniedem li jaf xi jrid u x'qed jghid....huwa unur li inti ukoll bhali taghmel parti min din il komunita Qrendija.

Nisma minghandek meta nerga nidhol f'din il-pagna...nispera!!!

26/2/06 00:37  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi ħafna tal-kumment u fuq kollox tal-kliem sabiħ.

Tassew b'xortina l-Qrendin, bil-paċi li ngawdu hawnhekk, f'raħal li mhux kbir wisq u lanqas żgħir iżżejjed, tefgħa ta' ġebla 'l bogħod mill-imqades ta' l-Imnajdra u l-irdumijiet biswit Filfla... u l-ġmiel ta' Wied iż-Żurrieq, sajf mingħajr ma ninżel ngħum hemmhekk ma tistax isejjaħlu sajf... tgħidx kemm nieħu gost nimxi madwar ir-raħal u ħdejn il-baħar, mhux ta' b'xejn il-blogg semmejtu għall-Maqluba! Jien għext ħafna snin fil-ġenn ta' Londra u ta' Madrid, dejjem xtaqt niġi lura u meta sibt iċ-ċans ħadtu mill-ewwel. Ilni hawn xi sena u nofs, imma ftit xhur oħra sejjer 'l hemm issa, kontra qalbi imma ferħan li fl-aħħar sibt xogħol tajjeb u li se jogħġobni.

Ħaġ'oħra tal-Qrendi li ssaħħarni hu l-fatt li hawnhekk jitkellmu Malti tajjeb ħafna, mhux mittiefes bħal dak ta' bnadi oħra... qed inniżżel il-qwiel u l-frażijiet li joħorġu bihom nannti u nannuwi, għax nibża' li huma espressjonijiet li b'xorti ħażina qegħdin jintilfu, u jekk xi darba jkolli tfal irrid inkun ċert li ngħaddihomlhom.

Grazzi mill-ġdid. Inħajrek taqra l-aħħar bloggata (kemm tmur http://maqluba.blogspot.com), fejn ippruvajt nispjega x'inhu jżommni lura milli nitlaq...

Saħħiet, u nispera li tiġi lura.

ps. Nistħajjel li int qatt ma tidħol il-każin ta' Lourdes, kont tagħrafni mill-ewwel inkella!

26/2/06 02:07  

Ħalli kumment

<< Home