<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

16.5.05

L-Għoli

Qabel ma mmur norqod u noħlom mal-mużi tan-nostalġija, nixtieq ngħid ħaġa. Wara l-bloggata pagana, semi-filosofika u xejn idolatra li ktibt nhar il-Ħamis li għadda, Charles (xi darba niltaqgħu, ħabib) ikkumenta li jittama «li ma ndumx ma niskopri l-Għoli». Ħa ngħidlek, xbin... waqt li nirrispetta r-reliġjonijiet bħala mod ta' kif wieħed jiċċelebra l-ħajja, il-preżenza tal-forza kreatriċi mingħajr isem u mingħajr sura li jiena nemmen fiha, inħossha bil-wisq iktar qawwija fejn il-blata sigrieta tiegħi fuq l-irdum ta' l-Imnajdra milli fil-knisja u fit-ton superlattiv tal-kappillan waqt il-quddies.

Mingħajr isem, mingħajr sura, u mingħajr dottrina. Il-lum erġajt skoprejt l-għoli... Interessanti t-teorija li tgħid li l-isem Imnajdra ġej mill-kelma Għarbija mindar, li tfisser 'teleskopju' jew 'post fil-għoli minn fejn tosserva l-panorama'. Jiena kont ħsibt li din il-kelma kienet tiġi minn nadir, li tfisser l-aktar punt 'l isfel minn żewġ poli, il-kuntrarju ta' żenit, x'aktarx għax l-Imnajdra tinsab (kważi) fl-aktar punt lejn in-Nofsinhar tal-gżira. Hemm min jgħid ukoll li Mnajdra ġejja minn mandra, min jaf, forsi bejn iż-żewġ imqades fl-antik kienu jrabbu l-bhejjem għas-sagrifiċċju fuq il-midbaħ. Tkun xi tkun l-etimoloġija korretta, naħseb li l-ewwel teorija hija l-isbaħ, u tagħmel l-aktar sens. Il-veduta minn dak il-post, fuq l-irdumijiet imlewna, it-twejqiet naturali, l-immensità tal-baħar b'Filfla fin-nofs u x-xefaq bil-forma ta' nofs ċirku li jofroq il-blu mill-blu, għalija hija waħda mill-isbaħ manifestazzjonijiet tas-sbuħija tal-ħajja u tal-kreazzjoni. Minn hemm, bil-qiegħda jew mimdud fuq biċċa blata wiesgħa u b'forma ta' sufan, nosserva dik il-bellezza, insib l-armonija ma' dik il-forza kreatriċi u nħossha timlieli ġismi kollu, u wara l-mistrieħ ta' din l-esperjenza mistika għalkemm mingħajr alla, nosserva wkoll ħajti u l-mixja tagħha. Dak hu l-għoli għalija, ħabib... postijiet bħal dak li jħarsu fuq l-infinità tal-ġmiel naturali, muntanja li tħares fuq muntanji oħrajn jew fuq xi wied jew wilġa għammiela, jew fil-każ tiegħi, irdum li jħares fuq iż-żerq tal-baħar, lavanja li fuqha nħarbex ħsibijieti ħalli jidhru aktar ċari taħt id-dija tax-xemx, bil-figura ta' Filfla bħala punt ta' referenza fil-każ li nintilef u jkolli nerġa' nibda mill-bidu. Ma niftakarx jekk kienx Byron jew Omeru min stqarr li «an island, like a woman, will always turn a man's head».


Imbagħad nerġa' lura d-dar u niskopri li mijiet ta' persuni li joħorġu jipprotestaw fit-triqat ta' l-Użbekistan għal ħajja aktar ġusta qegħdin jiġu mmassakrati, li Eta jkomplu bil-bombi minkejja li bis-saħħa ta' Zapatero għandhom jinbdew taħditiet li ħadd ma kien jippermetti qabel, li l-Awstralja u l-Istati Uniti reġgħu kkonfermaw li ma rridux ikollhom x'jaqsmu mal-Protokoll ta' Kjoto, u jerġaw jidħlu l-pessimiżmu u ċ-ċiniżmu. Nerġa' ntenni l-mistoqsija retorika tal-bloggata ta' qabel: x'se nibnu, ħitan jew pontijiet? U mill-għoli, niżloq għall-għarrieda u nerġa' nsib ruħi fil-baxx, u tibda tħabbatni l-kuxjenza għax minn din il-ħajja ta' eremita li għandi l-lum, inħoss li m'jien qed nagħmel xejn ħlief nibbloggja paroli fil-vojt. Got to get more involved. Ħa nara ma' min nissieħeb... ħasra li fil-Qrendi ma hemmx rappreżentazzjoni ta' l-Alternattiva.

Il-Le aħdar għat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (aqra l-appell biex tifhem il-għaliex... "Il-Le tagħna huwa Ewropew, ekoloġista, altermundista u solidarju")

Għar-raqda, għax għada xogħol. Tislijiet,

Antoine.

ps. Pierre, tgħid l-isem Nadur ġej mill-istess għerq ta' Mnajdra, billi r-raħal jinsab ukoll fil-għoli?

♪ ♪ ♪ Cerco un centro di gravità permanente, che non mi faccia mai cambiare idea sulle cose sulla gente ... over and over again ♪ ♪ ♪

Kummenti: 5

Blogger Arcibald qal/qalet...

Kif jigri hux bil-blogg... kull haga li nahseb nispicca nipprocessa jekk hiex tajba ghall-blogg jew le. Dik personali wisq, dik tajba, dik m'ghandix aptit nitkeb fuqha. U sadattant il-hajja reali ghada ghaddejja.

Il-"got to get more involved" nahseb li tghodd ghalija wkoll. Jekk tarawni m'ghadnix nibbloggja hafna tinkwetawx jigifieri, ifisser li sibt ahjar fid-dinja reali x'naghmel. B'differenza minnek imma l-inqas haga li nixtieq naghmel hi li 'niccappas' mal-pulitka lokali, ghalkemm nammetti li l-uniku partit li ma jdejjaqnix sa l-ahhar huwa l-Alternattiva wkoll. Fl-opinjoni tieghi imma ghadda z-zmien ta' Harry Vassallo u nahseb li wasal iz-zmien li jinbidel. Tghid Cassola jkun tajjeb? Wara kollox hu kien li tella dawk il-voti kollha fl-elezzjoni tal-MEPs - kwazi d-doppju unijiet ta' Louis Grech.

Insomma qed nhewden. Proset ta' bloggata tajba ohra.

16/5/05 12:13  
Blogger Pierre J. Mejlak qal/qalet...

This comment has been removed by a blog administrator.

16/5/05 23:59  
Blogger Pierre J. Mejlak qal/qalet...

Twan, l-isem Nadur (jekk minix zbaljat) hu dderivat mill-verb 'nadar' ("to observe at length, to keep guard"). L-Gharab juzaw il-kelma 'nadar' ghal post ta' ghassa, le?

17/5/05 00:02  
Blogger Maria qal/qalet...

Thanks for your comment :)

Desiderata helped me a lot yesterday!

Take care

Maria

17/5/05 16:50  
Blogger L-Aghma qal/qalet...

Xorb apparti, kitbietek interessanti bhal dejjem. Did-darba, hassejtek tkellimt aktar bis-sens.

Naqbel ghal kollox mal-idea tal-gholi tieghek anzi nasal biex nghid li ghal waqtiet'l hinn u 'l hawn, l-gholi tieghi jkun jinbidel. Issa tkunx il-muzika li tpaxxini u nkun qed nismaha b'qalbi, ikunx il-bahar jew tarf l-irdum, l-imhabba tal-hbieb tal-qalb jew il-feeling meta ma nkunx f'sensija, fl-oghli inkun!!!

Imma oghla aktar minn dan, nemmen li hemm Hu u li qed itini daw l-affarijiet 'gholjin' biex jghinuni noghla aktar bhalhom u nersaq aktar. Wara kollox, anke l-kbir Dun Karm gie fid-dubji u b'riehet hekk kiteb kapulavur li jibqa validu ghomor wara l-iehor!

Nitkellmu, habib tieghi u nsellem.

18/5/05 00:26  

Ħalli kumment

<< Home