<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

18.5.05

Difa, dija, u diqa

Il-lum fil-kmajra tiegħi temp bnazzi: sa fl-aħħar lestejt il-biċċa xogħol twila li kelli u jekk ma tidħolx oħra matul il-ġimgħa, għandi quddiemi ħamest ijiem sħaħ biex niddedika ruħi għall-proġetti kreattivi. Mill-istrixxi tal-persjana dieħel xaqq dawl li jiġi jistrieħ fuq biċċa karta li għandi maġenb il-ġurdien, mimlija dubji lingwistiċi u ontoloġiċi b'kitba tant imżellġa li lanqas jien ma nifhimha meta nipprova naqraha l-ġurnata ta' wara. Jgħidu li l-ġenji għandhom kaligrafija terribbli, x'aktarx għax jiktbu bil-ħeffa sabiex l-id u l-pinna jlaħħqu mal-ġiri ta' l-ideat. Imma jiena ċuċ, u ħsiebi jimxi b'pass ta' nemla, jew ta' bebbux li jipprova jerfa' waħdu l-imgħoddi kollu tiegħu ġewwa qoxortu.

Dawl ix-xemx is-soltu jimliek bit-tama u bil-kuraġġ, imma issa li għandi ftit ħin ħieles u ċans biex nieħu r-ruħ, reġgħet lura s-sensazzjoni tal-vojt. Nuqqas ta' enerġija morali li qed ixekkel u jtellef il-ħeġġa u l-entużjażmu li bihom fassalt il-pjan tal-ġranet li ġejjin. Peress li issa ilni kważi tliet xhur ma nirċievi mingħand Tania li qiegħda il-Brażil taħdem fil-favelas, m'hemmx xi ngħidu, qed nibda ninkwieta bil-kbir. Ippruvajt inċempillha kemm-il darba, iżda għalxejn, u lanqas sħabha ġewwa Madrid ma semgħu mingħandha. L-ebda aħbar, aħbar tajba? Ma nafx, imma issa, ta' Mediterran impulsiv li jien, il-bebbux qed isir lifgħa, issallab 'l hemm u 'l hawn bejn il-possibiltajiet kollha li twelled l-imaġinazzjoni. Jekk insir naf li ma kitbitx għax innamrat ma' ieħor, is-sensazzjoni ta' għira u ġelożija tkun qisha festa... għalkemm qabel ma tlaqna minn Spanja, jien stess kont tlabtha biex ma tgħidlix fil-każ li kien jiġri hekk. Nixtieq kieku nċempel lill-ġenituri tagħha, li qatt ma kelli relazzjoni tajba magħhom meta kont Spanja, imma nibża' li b'hekk inkun qed niftaħ kaxxa infernali. La rrid ninħaraq, u lanqas naħraq lil ħaddieħor.

Jien u nikteb din il-bloggata qed ninduna li bloggti qed issir dejjem aktar intimista. Forsi mhix idea tajba li nikteb dan kollu hawnhekk, imma x'imkien irrid inpoġġih għax fil-kexxun ma jiswa xejn. U l-eremita kultant għandu bżonn jiftaħ qalbu.

Insomma, nittama li t-ton ta' dal-blogg u tal-bloggosfera Maltija ma jdumx ma jerġa' jkun ferrieħi u ċajtier wara din il-ġurnata sollenni. Jien lil Julian Manduca ma kontx nafu, imma xorta laqtitni l-aħbar. Attakk ta' qalb ta' sitta u erbgħin sena... bħalma qalet Sharon, iġiegħlek toqgħod taħseb fil-fraġilità ta' ħajtek u ta' dik ta' madwarek. Imbagħad tindifen fil-proġetti li jkollok biex taħrab minn dawk il-ħsibijiet, jew biex tipprova tegħlibhom. Tagħmel x'tagħmel, fl-aħħar ikollok taċċettah: siamo solo di passaggio.

Dalwaqt jisbaħ jum ġdid, jum kollu dija,
u sseħħ, missier, il-ħolma tiegħek kbira...

(l-aħħar vers ta' dil-poeżija m'għandhiex x'taqsam ma' din il-bloggata, imma diġà ċċitajtu indirettament fit-titolu ta' bloggata oħra).

Telqet ix-xemx issa. Ejjew nagħmlu kuraġġ, il-qamar jaf jagħti t-tama wkoll.

Is-sliem,

Twanny Cassar.

Kummenti: 2

Anonymous cavaliere qal/qalet...

Hadt pjacir naqra dil-bloggata. Il-malinkonija taf tkun katartika hafna.

19/5/05 08:16  
Blogger wwwitchie qal/qalet...

I just read this. For some reason you disappeared from my Newsgator list (but why does that happen?) so I thought you had not been blogging for quite a while but then I decided to check for myself and hola, you've been very prolific!! So now I'm trying to catch up.

On this post, I just have to say that it may seem strange to some people that one writes about the most intimate and personal things in public. I'm always being told that I'm way too personal in my writing. But the people who say that are not writers.

They cannot understand that part of what makes a writer excellent is the voice of experience running through her work like the errant gold thread in a black sweater. And they cannot reconcile it with the fact that I'm very private and won't discuss certain elements of my personal life in person. They find it paradoxical. I think it makes perfect sense, don't you? :)

21/5/05 09:55  

Ħalli kumment

<< Home