<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

25.4.05

Xejn

Il-lum ġurnata mitlufa. Stenbaħt tard u b'uġigħ ta' ras jaqsam, kilt waħdi (hemm qawl sabiħ Għarbi li jgħid min jiekol waħdu jixraq waħdu), kont se ninżel sal-blata sigrieta tiegħi li hemm aktar lil hinn mill-Imnajdra iżda l-ajru msaħħab (anzi, kif spiss kont ngħid l-Ingilterra, there's not a sky in the cloud), it-telefon tal-but waqagħli u nkiser, u ma nafx kif se nlaħħaq mal-proġetti kollha li għandi. Ajma ħej! Għall-inqas, il-Man Utd rebħu permezz ta' gowl impressjonanti minn Rooney, dħakt daħka sew x'ħin smajt lil wieħed fil-Każin ta' Lourdes jgħid li t-tieni gowl kien "by kombinejxin", u l-mużika u l-kliem tad-diska Gommalacca bil-mod il-mod qegħdin iqajmuni fuq tiegħi (grazzi, nigredo).




L-esperjenza li kelli l-bieraħ fl-attività Ktieb għall-Ħruq kienet waħda stramba. Waqt l-ewwel parti, ma nafx kif, minkejja jew minħabba li awtur wara awtur kienu qegħdin jimlew l-imħażen ta' Caraffa b'kull xorta ta' xbieha u sinjifikat, f'daqqa waħda ħassejtni megħlub u maħkum minn sensazzjoni li kienet ilha ma titfaċċa ġo qalbi: il-vojt, il-baħħ, ix-xejn. U ma stajtx nikkonċentra, għax kelli l-istonku mitbuq, sewwasew bħas-sema tal-lum. Kont se nitlaq niġri minn hemm, imma b'xi mod, malli smajt l-isem ta' Milan Kundera, irnexxieli nagħmel kuraġġ... Għall-erwieħ, għax imbagħad, fost oħrajn, smajt żewġ affarijiet li laqtuni tassew. L-ewwel nett, interessanti kif il-lum il-ġurnata għad hemm bżonn li kittieb jiġġustifika l-użu u l-kultivazzjoni f'xogħlu ta' aktar minn ilsien wieħed, bħalma għamlet Maria Grech Ganado fil-preżentazzjoni ta' żewġ kotba ġodda ta' poeżija, wieħed bl-Ingliż, u l-ieħor bil-Malti (jew viċeversa, ma jimpurtax). Aktar tard, fit-tieni parti, infqajt bid-daħk meta Immanuel Mifsud kien qed jaqra silta mir-rakkont tiegħu Kumpanni ta' l-Ordni tal-Mertu:

«Lejlet il-Millennju, Dittu ppreżenta serata li bħalha qatt ma kien deher xejn f'Malta. Dictum Productions, bis-sehem tal-Ministeru għat-Toroq u l-Kultura, u bil-kollaborazzjoni ta' għadd ġmielu ta' intrapriżi privati li jemmnu fid-demokratizzazzjoni tal-kultura, flimkien ma' l-Għaqda Poeti ta' Malta, l-Għaqda Poeti ta' Għada, l-Għaqda Kittieba tal-Lum u ta' Għada, l-Għaqda Awturi ta' Għada Pitgħada, [...] ippreżentaw spettaklu li mar lilhinn minn kull aspettattiva. Sa mid-disgħa ta' filgħaxija, il-poplu ħanaq il-Port il-Kbir biex jassisti għall-akbar spettaklu ta' luċelettrika li qatt sar fl-Ewropa. Tant kien kbir dan l-ispettaklu li kellu jidher saħansitra mill-ispazju. Kien stmat li mat-tliet biljun ruħ kienu se jieqfu minn dak kollu li setgħu kienu qegħdin jagħmlu dak il-ħin biex jiftħu t-televixins tagħhom ħalli jaraw il-Millennju jitwieled fil-gzira ta' Malta. F'Rio de Janeiro, Mar del Plata, New York, Lima, Cape Town, [...] intramaw mijiet, anzi eluf ta' big screens biex miljuni, anzi biljuni ta' nies ikunu jistgħu jsegwu ċ-ċelebrazzjonijiet li kienu qegħdin isiru fil-Port il-Kbir ta' Valletta.»

U hawn ġej dak li għalija kien l-aħjar parti:

«Kien hemm minn kollox fil-lejl ta' Millennju. Fuq ċattra wiesgħa nġabru l-poeti kollha jimprovizzaw il-versi, li bdew jiġu tradotti simultanjament għal dawk il-barranin li ma jafux il-lingwa Maltija.» !!!!!

Fl-aħħar, il-paġna nqalbet (anzi, ħafna iktar minn paġna waħda) u ħadt ħafna gost. Għoġbitni b'mod partikulari l-idea li minflok toqgħod taqra int il-ktieb, toqgħod bil-qiegħda u tisma' lill-awturi stess jaqrawhulek... ħasra li fl-ewwel parti kelli moħħi fis-sħab, anzi fid-dardira inspjegabbli ta' l-istonku. Il-festival dam u sar il-ħin, il-karozzi tal-linja kienu spiċċaw, imma kelli x-xorti li bniedem dħuli u ġeneruż seta' jwassalni sa San Ġiljan (jekk b'xi mod wasalt s'hawn, grazzi xbin), sabiex minn hemm nirkeb minibus għall-Qrendi.

Qabel ma ġejt lura d-dar, xtaqt indaħħal xi naqra alkoħol f'demmi u mort sal-bar Roulette, fejn ikollhom l-imwejjed barra. Erġajt iltqajt mat-tfajla sabiħa tal-full stop, u b'hekk tħajjart inħarbex xi ħaġa, avolja ma kelli xejn speċjali f'moħħi, ħlief is-sensazzjoni tal-vojt li kont qed nipprova nifhem minn fejn ġiet lura wara tant żmien. U mix-xejn, irnexxieli nislet ix-xejn: l-ewwel nofs tax-xejn hemmhekk, u n-nofs l-ieħor x'ħin wasalt id-dar.

EX NIHILO NIHIL FIT
(out of nothing, nothing comes)

Ma nafx il-lum x'se nikteb, għax m'għandi aptit xej',
le flou est revenu, crüel cual vieja ley,
dormire mille anni la mente io vorrei,
u qalbi qed tissewwed mingħajr ma naf għalfej'.

Ma nafx il-lum x'se nikteb, ħa nara x'inhu ġej,
I eat and don't fill up, I drink and empty stay,
l'amore dorme ancora, ed anche i sogni bei,
il-bieb jibqa' magħluq, u l-ħin jibqa' għaddej.

Ma nafx il-lum x'se nikteb, jekk mhux l-istess kelmtej',
vuoto rima con vuoto, yet nothing rhymes with grey,
la tinta no me entiende, y soy pastor sin grey.

Ma nafx il-lum xi ktibt, ma nafx x'se jġib il-lej',
après ce temps perdu courant vers le soleil,
l-istess ħajt, fejn kont bqajt, u l-lum ma ktibt għalxej'.

San Ġiljan u l-Qrendi, 23 ta' April 2005

Ejjew nagħmlu xi ħaġa jekk tridu, bħala esperiment żgħir: ngħidu li din il-poeżija (ma tantx jien kuntent biha) hija open source, u min irid jibdel jew iżid xi ftit versi jew kelmiet, jikteb dak li jrid. Sfigho, gybexi, Rod? U jekk hemm xi żball fil-versi bil-Malti, inkun grat ħafna jekk tgħiduli.

Is-sliem,

Twanny Cassar.




«Anyone whose goal is 'something higher' must expect someday to suffer vertigo. What is vertigo? Fear of falling? No, vertigo is something other than fear of falling. It is the voice of the emptiness below us which tempts and lures us, it is the desire to fall, against which, terrified, we defend ourselves.»
Milan Kundera, The Unbearable Lightness of Being

Ad altiora tendo...

Kummenti: 9

Blogger MaltaGirl qal/qalet...

Aw Twanny! Qed nieħu brejk (mingħajr kitkat disgrazzjatament) mis-synopsis, u għad fadalli naqra kaffeina fid-demm... xtaqt ngħidlek li veru għoġbitni l-poeżija tiegħek. Naħseb li ħaqqek premju, imqar għan-numru ta' lingwi li użajt fiha.

Il-lejla (jew dalgħodu?) ngħid li mela ma kienux għalxejn dawk is-snin kollha fejn kelli nitgħallem it-taljan u l-franċiż "bil-fors"... Naħseb li irnexxieli nifhem xi 60% tal-poeżija, u ma nazzardax nieħu sehem fil-proġett :-) Imma veru prosit, għax ħadt pjaċir ħafna b'dak is-60%.

Ex nihilo, poema fit :-)

25/4/05 03:50  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

Inti l-istess Twanny tad-dizzjunarju???

25/4/05 11:57  
Blogger Gakbu Sfigho qal/qalet...

ma nafsc illum sc'se nichteb, ha nghidlech jien chelmtei'
ghogbitni uisch il-poem, li chien ghalijja tibdel scei!

prosit tat-tharbisca. toghgobni chif inhi.
GS

25/4/05 14:05  
Blogger Arcibald qal/qalet...

Istra qatt ma rajt poeziji - iktar u iktar sunetti - b'lingwi differenti imma li xorta jinstemaw (u jidhru miktubin) koerenti. Proset xbin.

25/4/05 14:28  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Sur jew Sinjura Anonimu/a, le, m'aħniex l-istess wieħed. Dak tad-Dizzjunarju jikteb ismu "Twannie", u jiena niffirma jew "Antoine" jew "Twanny", skond kif inħossni. Għalkemm ma nafx il-y imnejn ġejja għax din l-ittra ma teżistix fl-alfabett Malti... jekk niftakar sew, meta kont żgħir rajt ismi hekk miktub fid-Denfil.

Grazzi tal-versi, Gakbu!

PS. (jew kif darba kiteb Jacques ta' Nakkuża, post scrotum): jekk tridu tifhmu aħjar x'inhu ix-xejn, ikklikkjaw fuq it-titlu tal-poeżija...

26/4/05 02:58  
Blogger srl qal/qalet...

qiegħed nieħu gost b'qarrija minkejja li ma nifhem bosta minnu imma mhux it-tort tiegħu

26/4/05 08:47  
Blogger Athena qal/qalet...

Ghogbitni l-poezija, veru originali:)

PS istra is-silta ta' Immanuel Mifsud fakkritni fin-nanna, ghax dik gieli kienet tghid lucelettrika, nahseb ma tantx hawn min ghadu juzaha (er spelling?) din il-kelma.

26/4/05 17:13  
Blogger L-Aghma qal/qalet...

Aw Twan...

Bghattlek email jien, u minn dak inhar 'l hawn ghamilt anke il-blogg tieghi.

27/4/05 11:37  
Blogger KILL LI qal/qalet...

Life hija tajba Meta inti għandek dawk l-imħabba tiegħek madwar inti, I am qal dan meta i Minħabba li l-kwistjonijiet serp ma 'lover tiegħi u qatt ħajja meqjusa bħala ħaġa tajba, iżda grazzi għall Dr AGBAZARA ta AGBAZARA TEMPLE, għall tgħin me li jitfa jespliċitaw Li brought lover tiegħi lura lili Fi ħdan l-ispazju tal 48hours. Raġel tiegħi telqu lili għall-mara oħra wara 7years ta 'żwieġ, iżda Dr.AGBAZARA għinni mitfugħa jespliċitaw lilu li jinġiebu lura lili fi ħdan il-48hours. I am not se jgħidlek aktar dettalji dwar myself Pjuttost i se biss jagħtik parir dawk li qed ikollhom kwistjonijiet relazzjoni fil hemm jew dak Żwiġijiet Dr.AGBAZARA TEMPLE permezz dettalji ta 'kuntatt permezz proposition; (agbazara@gmail.com) jew agbazara@gmail.com
LUCY mill-Istati Uniti.

5/8/15 12:24  

Ħalli kumment

<< Home