<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

9.4.05

Qaddis Minnufih

.

Malajr malajr, għax suppost qed naħdem, imma l-ħsieb li għadu kemm ġieni f'moħħi nixtieq ngħidu qabel ma jittajjar u jintilef fid-dlam tat-tnessija. U billi ħadd m'hu se jiċċensurali, ma nistħi xejn minn dak li se ngħid... għalkemm lanqas naħseb li tkun xi ħaġa ta' skandlu. Mill-bqija, kieku kienu jiċċensurawli, forsi kont nieħu aktar gost. Imbagħad inwegħedkom li ma nerġax ngħid kelma fuq il-Paps, għax jaħasra, papparapappà tiela' u papparapappà nieżel (tajba din, ereżija!), jiena xbajt.

Santo subito, qed issejjaħ il-massa, u qegħdin jgħidu wkoll fuq Porta a Porta. U dan għaliex? X'fettillhom? Ma naħsibx li kienu l-aktar fidili dawk li bdew ixerrdu xewqa bħal din, jekk bħala 'kattoliċissimi' suppost ikunu jafu li jridu jgħaddu ħames snin qabel ma tiġi kkunsidrata l-beatifikazzjoni. Irid ikun hemm ukoll xi mirakli, u l-fatt li lil Madre Tereża għamluha qaddisa f'qasir żmien kien miraklu minnu nnifsu.

Matul dawn l-aħħar ftit ġenerazzjonijiet sar ukoll il-miraklu tal-konkrit, kaxxa ħdejn kaxxa, saret kaxxa kbira (Marjanu Vella, Il-Ħitan tas-Sejjieħ, araw il-Qawsalla p. 116 għax fuq l-eteru din il-poeżija ma sibthiex). U m'hemmx xi ngħidu, is-smewwiet berkuna u tawna wkoll dik il-kaxxa li ħadet post iċ-ċumnija tas-salott biex issaħħan ħajjitna bil-vita, morte e miracoli ta' l-idoli tagħna. Atturi, kantanti ta' kull daqs (fosthom bagolli b'leħen tant ħelu li jħallik veru mbellah, għalkemm tistagħġeb fl-istess ħin bil-bluha li huma l-kliem li jkantaw, u din hija ħasra), bużulottisti kemm taċ-ċirku kemm tal-parlament (spot the difference), u famużini –kif inħobb insejħilhom jien– ta' kull xorta u kwalità. Imbagħad, fin-naħa l-oħra, insibu seħibna Karol alias Ġanni Pawl, u għandi rispett kbir lejh.

X'differenza jagħmlu jekk jiddikjarawh qaddis f'ħames snin oħra u mhux issa? Safejn naf jien, hemm fuq m'għandhomx id-dimensjoni taż-żmien. Billi nistennew nofs dekadu ieħor, x'fiha? Il-belli liri, my friend. Immaġinaw daqsxejn kemm il-flus kienu jitqanqlu u jitħarrku kieku lill-Papa għamluh qaddis fil-parossiżmu tal-lum. Powsters u kartelluni, flokkijiet deluxe ta' kull lewn u ta' kull daqs, kwadri u ritratti kemm 'mezzo bust' kemm bil-gwarniċ sħiħ kollu tad-deheb, biex ma nsemmux is-slaleb ta' l-ifjen injam, l-istatwetti tal-porċellana u ta' l-avorju (li kieku kien jeżisti kienu jagħmluhom ukoll tal-kriptonajt), u l-prezz ta' l-ilma mbierek jitla' fuq il-Borża sakemm jagħleb dawk taż-żjut. Tajjeb li niftakru li jekk l-għeżież kardinali jisimgħu minn dik il-ġemgħa ta' parruċċani, dawk li se jistgħallu ser ikunu huma stess: jekk issa l-ekonomija tal-Vatikan qed togħla fis-sema, aħseb u ara jekk Woytila jilħaq qaddis.

Mhux beħsiebni nersaq wisq lejn it-teorija tal-konfoffa bi kliemi, iżda ma nistagħġibx jekk dawk li kellhom il-wiċċ tost jibdew jgħajtu u jitolbu proċedura li tmur kontra l-prinċipji riġidi daqs il-ħatar tal-Vatikan kienu dawk l-aktar interessati. Wara kollox, huwa fatt magħruf, u saħansitra liġi tan-natura tal-bniedem, li dawk li huma l-aktar devoti xi drabi jinżlu fl-akbar dagħwiet. L-istess bħalma dawk li l-aktar għandhom ħabta jagħmlu l-gabirjola huma dawk ta' fuq nett... għall-inqas, ħafna aktar minn dawk li jinsabu fin-nofs.

Xi dwejjaq fikom, ħbieb tar-RAI! Imsejknin, għax taħt Berlusca, il-sajlenser per eccellenza fil-quċċata tas-suq nazzjonali ta' l-armi medjatiċi u tal-poter, kull tama ta' oġġettività ilha li għosfrot u għebet. Jalla dak il-ħalliel, li kulma qed jaħrat huma problemi, jantiċipa l-elezzjonijiet u l-Italja tqalleb il-paġna, ħalli dawk ta' fuq Porta a Porta jkunu jistgħu jiftħu daqsxejn il-bibien ta' moħħhom, u ma nkomplux nisimgħu dwar "radicali" u "disobbedienti" kull darba li sseħħ dimostrazzjoni fit-toroq. B'hekk, ir-riżoluzzjoni RGB ta' l-iskrin Taljan (Red Green Blue) tkun tista' tinfirex xi naqra... mentri f'Malta, ovvjament, hemm bżonn li minn fuq il-medja naraw u nisimgħu iktar Green, bil-wisq iktar Green.

Noqgħodu attenti, u nipprovaw ma nkunux superlattivi iżżejjed, għax jekk il-Papa jilħaq qaddis dan ma jfissirx li l-ekonomija tal-lemin biss tkun se tgawdi mill-boom konsumistiku. F'Madrid għandi ħabib tal-qalb li jaħdem ma' missieru bħala skultur. Billi l-knisja hija l-ewwel klijenta tagħhom, l-aktar li jonqxu huma Kristi msallbin, Madonni u Verġnijiet ta' kull xorta, u m'hemmx xi ngħidu, statwetti ta' qaddisin, skond il-patrun tar-raħal jew tal-belt li jagħmlu l-ordnijiet. Il-kurjuż hu li din il-familja hija antiklerikali għall-aħħar, u l-ħabib tiegħi, xellugi moderat, mhux kapaċi jgħaddi ġurnata waħda bla ma jikkritika il-politika tal-lemin. Naf li hawn Malta wieħed jista' jkun mill-aktar devot u tal-Labour fl-istess ħin, imma jekk hawnhekk ir-rabta ta' bejn in-Nazzjonalisti u l-Knisja hija qawwija, f'Spanja tal-lum ix-xellug sar sinonimu ta' lajċiżmu.

Issa, jekk fl-aħħar il-Vatikan iċedi quddiem ix-xewqa popolari, sieħbi x'aktarx se jagħmel kemxa ġmielha, u b'hekk ikun jista' jiġi hawn Malta fis-sajf, immorru nikru post Għawdex, forsi San Lawrenz, ikun fejn ikun, imma l-bogħod minn dik il-kaxxa tax-xjaten.

Mela, insemmgħu leħinna: Santo subito, ras!!!

Bħal dejjem, naqbad nikteb u nibqa' sejjer... issa ser ikolli nħalli kollox għal għada. Minchia! L-aqwa li ma għalaqtx ħalqi, għax kont qed nitfawwar bis-sens tar-ridikolu u issa għelibtu permezz tal-kitba. Jekk xi ħadd offenda ruħu, aħfirli.

Ħajr u s-sliem,

Twanny Cassar.

Kummenti: 4

Blogger Kenneth qal/qalet...

Me nemminx li ħafna minn dawk li marru talbu hekk marru minħabba l-potenzjal finanzjarju li seta' jkollhom, imma pjuttost minħabba li f'ġimgħa waħda, bħall-bqija tad-dinja, saru qishom ilhom 27 sena jbusu saqajn il-Papa kull fejn ikun u jirrekordjaw kull apparenza tiegħu fuq it-TV. M'għandniex xi ngħidu imma li l-mewt tiegħu għamlet biċċa business tajba u hemm erba' min-nies għarfu jdawru lira tajba mill-biċċa.

Għall-mument, insa l-kapital finanzjarju li mossa simili għall-Kanonizzazzjoni kapaċi tirrendi u insa wkoll il-liġijiet riġidi tal-Vatikan li semmejt tant tajjeb int. Taħseb li l-Papa li jmiss jieħu gost jekk lil Ġwanni Pawlu II jlaħħquh qaddis issa?

Mhux biżżejjed li l-Papa l-ġdid se jiġi elett f'hangover nobis tal-Knisja wara t-telfa ta' Wojtyla (għax kulħadd jaf li kważi mpossibli jkun hawn ieħor bħalu) u jrid ikun miraklu minn xi seba' allat f'daqqa biex jinħabb mal-Kattoliċi ma' l-ewwel daħka, aħseb u ara kieku 'l Ġwanni Pawlu jagħmluh qaddis u l-għagħa fuqu jikber bil-poplu jibqa' ffukat fuqu biss bla ma mqar jagħti każ li sadattant, il-merħla waqgħet f'idejn Papa ieħor.

9/4/05 12:55  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

kenneth, jahasra. ahjar ma tghid xejn milli tghid dawn il-hmerijiet.

12/4/05 13:04  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Dan min kitbu?

Ma nistax naqbel għalkollox ma' dak li kiteb Kenneth, imma dan ma jfissirx li dak li qed jgħid huwa ħmerija. Anzi, jidhirli li l-kliem tiegħu jagħmel sens, u li fil-kitba jħaddem moħħu sew.

Ħaġa waħda biss li nixtieq nikkummenta: fil-fehma tiegħi wieħed ma jistax "jinsa" l-kapital finanzjarju tal-Vatikan, lanqas għal minuta... dal-ġenn kollu li rajna dan l-aħħar madwar il-Paps kien tgħaġġiba mumentanja ta' l-idolatrija li fuqha tiddipendi s-sopravivenza tal-Vatikan. L-idolatrija ġġib il-flus, u l-flus iġibu l-poter. Reliġjon bla idoli, il-fidili jmorru jfittxu fidi ġdida.

Qed nesaġera? Jista' jkun. Jien ukoll għandi idolu, li ngħożżu u nqimu daqslikieku kien xi alla... il-ħajja, xejn aktar, xejn iżjed, u bla ittra kapitali.

To the fire! To the fire! Bniedem li ma jemminx! Le le le, żomm daqsxejn. Jista' jkun li ż-żmien għamilli ċiniku aktar milli jaqbilli, imma dan ma jfissirx li m'għandix rispett lejn ir-reliġjon. Meta tagħmel il-ġid, nammiraha ħafna. Qed naħseb, per eżempju, fil-morda li għandhom bżonn il-fidi biex ikunu jistgħu jibqgħu sejrin. Barra minn hekk, jidhirli li l-Bibbja hija waħda mill-isbaħ opri ta' letteratura li qatt inkitbu. Żgur li dana jgħodd ukoll għal-Koran, għalkemm qatt ma qrajt iktar minn paġtejn minnu. Iżda meta nibdew inhewdnu u nroddu ħajr lil xi biċċa ġebla jew injama, jew bl-iskuża tar-reliġjon inqaċċtu l-libertajiet ta' l-individwu, hemmhekk niddarras.

Interessanti l-artiklu li tana Sharon Spiteri nhar il-Ħadd li għadda. Forsi fil-kliem tiegħu huwa aħrax wisq, imma ta' min ma jinsiex li x'ħin noborxu t-tila tal-kwadru biex naraw x'hemm warajha, niskopru ċerti veritajiet li jistgħu jkexkxuk il-kuxjenza.

http://wwwitchie.blogspot.com/2005/04/he-did-more-to-spread-aids-in-africa.html

Tislijiet,

Antoine.

13/4/05 03:36  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Artiklu fuq il-BBC li ġie ppubblikat illum, qed jgħid illi mid-dehra ġie rrappurtat li l-kardinali ffirmaw xi petizzjoni biex il-proċess tal-kanonizzazzjoni jitħaffef, u dan jista' jibda saħansitra f'Ottubru li ġej minflok ma jistennew ħames snin kif jiġri s-soltu.

Jissemma wkoll l-argument illi l-Papa li jmiss ma tantx se jintlaqat tajjeb b'tali proċess:

The BBC's Robert Pigott in Rome says the new pope may be less keen on a rapid canonisation for John Paul II, as his actions will tend to be judged on how they fit in with the late Pope's powerful and distinctive legacy.

If John Paul II is quickly declared a saint, his successor's job could be made more difficult, our correspondent says.

13/4/05 12:40  

Ħalli kumment

<< Home