<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

2.4.05

Prova... għax naħseb li l-aħħar messaġġ ma deherx kif suppost!

Tazza amaretto, tabakk Golden Virginia, il-mużika ta' Dark Side of the Moon (in-naħa mudlama tal-qamar?), biċċa karta mimlija dubji kemm lingwistiċi kemm ontoloġiċi... insomma, taħwida ġmielha. Ser ikolli noħroġ minn dik il-kamra biex nieħu daqsxejn in-nifs, il-lum qabel għada. Anzi, aħjar nidħol fis-sodda, biex inkun nista' nikkonċentra aħjar fuq il-kliem li qed nisma' ta' Pink Floyd.

You are young and life is long, and there is time to kill today,
and then one day you find, ten years have got behind you,
no-one told you when to run, you missed the starting gun.

Ħa nipprova naqleb daqsxejn dawn il-versi għall-Malti (liberament, u bla ritmu):

Inti żagħżugħ, il-ħajja twila, u għandek ħin x'taħli l-lum,
imbagħad, darba minnhom, tintebaħ li ħarbulek għaxar snin,
ħadd ma qallek meta kellek taqbad tiġri,
bdiet it-tiġrija, u l-pistola ma smajthiex.

Kemm huma minnhom ukoll dawn il-versi li ġejjin:

Well you run and you run to catch up with the sun but it's sinking,
and racing around, to come up behind you again;
the sun is the same in a relative way, but you're older,
shorter of breath, and one day closer to death.

U tiġri kemm tiflaħ biex tilħaq ix-xemx li qed tegħreq,
u li issa qed tgħaġġel biex terġa' tiġi warajk;
ix-xemx taraha bħal tal-bieraħ, imma mhux bl-istess għajnejn,
għax inti kbirt, naqaslek in-nifs, u ġejt ġurnata eqreb lejn il-mewt.

Jalla dan ikun seren, bħal tal-Paps, miskin! Billi m'għandna l-ebda ħjiel ta' dak li qed jistenniena wara, x'ħin jasal il-mument naħseb aħjar inħossuna sodisfatti b' dak li għamilna u b'dak li ħallejna. Forsi dak l-infern li tant jipprovaw idaħħlu f'rasna fil-katekiżmu hu t-tingiża tal-kuxjenza ta' l-aħħar sigħat tagħna, u l-ġenna s-sliem, is-serħan tal-moħħ, iċ-ċirku sħiħ u mitmum tax-xewqat maqtugħa.

Għalhekk, soluzzjoni waħda għal dik it-taħbila kollha tista' tkun il-kreazzjoni: ikteb jew ibni kemm tista', pinġi, ikkomponi, agħmel riċerka, agħmel enċiklopedija biex dak li skoprejna ma jintesiex... u tixtieqx wisq, għax iktar ma tibda proġetti iktar tista' tispiċċa ffrustrat!

Insomma, wasal il-ħin biex immur norqod, għax diġà qed nhewden... għada fil-għodu l-Prof. Manwel Mifsud se jitkellem fuq l-RTK dwar il-verbi defettivi tal-Malti, u ma rridx nitilfu għax ilni bosta xhur nipprova nifhem jekk ir-radikali moħbija ta' kiel, ħa, ra, ġie, emmen, idda hijiex l-alif, il-ħamża, jew x'naf jien!

Kummenti: 0

Ħalli kumment

<< Home