<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

2.4.05

Merħba bikom!

Wara li skoprejt dal-fenomenu tal-bloggosfera Maltija permezz tal-Wikipedia Maltija (li dan l-aħħar tgħidx kemm qed titkattar, prosit ħbieb!), daħħaltha f'rasi li nikteb xi ħaġa. Imma ħudu paċenzja bija, għax jien għamilt ħafna snin barra minn Malta, u issa li qed nipprova nġib lura l-Malti, inbati mhux ftit biex nikteb sew f'dan l-ilsien li tant inħobb.

Mela, min jien?

Bniedem nomadu b'xagħru mberfel (jekk mhux moħħu wkoll) li sas-sena li għaddiet kien joqgħod Madrid, jikteb teżi dwar il-letteratura medjevali, jaħdem bħala traduttur Ingliż, u jqatta' biċċa kbira taż-żmien ma jagħmel xejn għax kellu bżonn jaħseb u jiddelirja. Dawn kienu mill-aqwa snin tal-ħajja mqallba tiegħi, sakemm darba fost l-oħrajn, wara tliet snin ta' ħidma u divertiment, qtajtha li kelli bżonn tibdila radikali... ħallejt l-eżistenza urbana, il-ħbieb u l-għarusa (li marret tgħix il-Brażil u x'aktarx se tibqa' hemm għal dejjem!), u ġejt ngħix, ngħammar u nbejjet il-Qrendi. U fil-paċi li ngawdi hawnhekk, ħajti qisha ta' eremita, inkompli naħdem bħala traduttur, nistudja l-Malti, nitħaddet man-nanniet u niġġerra fi ħdan il-kotba u l-ħsibijiet.

Interessanti dak li jgħid Immanuel Mifsud dwar il-bloggs Maltin bħala post fejn wieħed jista' jinforma u jitgħallem ferm aktar dwar il-ġrajjiet kurrenti ta' pajjiżna milli fil-medja:

«The recent proliferation of Maltese blogs is an interesting social and intellectual phenomenon. While some of these blogs are merely diary-like posts fulfilling the owners' narcissitic and exhibitionist needs, others are creating a discourse which is not yet to be found anywhere in the local print. It seems that writing a blog gives one the freedom that the Maltese print is still denying to citizens who, for different reasons, have distanced themselves from mainstream journalism and intellectual engagement.»

Ikolli ngħidilkom li hemm ħaġa waħda li ddarrasni issa li drajt Malta: iċ-ċensura. Kull dak li tisma' minn fomm ir-radju taf li ġie mgħarbul darbtejn jekk mhux tliet darbiet, mbagħbas u mżejjen biex nifirħu bid-demokrazija li għandna. Xi kultant waqt li nisma' r-radju (li għandi dejjem għaddej, u nipprova nivvarja l-istazzjonijiet, għall-inqas sakemm iġenninni!) nistaqsi lili nnifsi jekk minflok din l-art ħelwa jkollna ngħidu din l-art morra, daqskemm nikkritikaw lil xulxin, bosta drabi mingħajr skop. Tiħdux għalikom, anzi, proset lil kull min qed juża l-bloggs biex jagħmel kummenti kostruttivi dwar is-soċjetà tagħna, li fl-aħħar mill-aħħar, ikollna nħobbuha daqskemm inħobbu lil missirijietna. Nistħajjel li min jikteb minn barra xtutna jkollu perspettiva kemmxejn iktar ċara u wiesgħa fuq dak li qed jiġri f'pajjiżhom, u billi qegħdin x'aktarx f'pożizzjoni li minnha janalizzaw aħjar il-fatti (u l-misfatti!), minn qabel jiena nirringrazzjakom talli taqsmu magħna l-fehmiet tagħkom.

Xejn iżjed għalissa, ħa nagħmel dawra mal-bloggs tagħkom, żgur li hemm ħafna x'nitgħallem!

Nota ta' l-aħħar: Jekk jogħġobkom, skużawni jekk hemm żbalji fil-Malti tiegħi... jekk titfixkel f'xi ħaġa li ddoqq ħażin, iktibli, ħalli nikkoreġiha (jien iffissat ħafna fil-lingwa u primordjali għalija li dak li nikteb ikun korrett).

Saħħa għalikom,

Antoine Cassar.

Kummenti: 5

Blogger nigredo qal/qalet...

merhba lilek ukoll sur cassar

2/4/05 10:59  
Blogger -- qal/qalet...

nixtieq ngharrfek bi progett sbejjah Li qed jinhema fid-dinja virtwali.

2/4/05 15:35  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Kellu bżonn kulħadd jikteb Malti bħalek. Merħba!

3/4/05 13:29  
Blogger MaltaGirl qal/qalet...

Merħba għall-bloggosfera :-) U personalment, jien nieħu pjaċir ħafna nikteb diary-like posts fulfilling [my] narcissitic and exhibitionist needs :-D

4/4/05 11:05  
Blogger koncetta qal/qalet...

Merħba Antoine!

Il-Blogg tiegħek diġa qed jogħġobni u issa nagħmlu fil-lista ta' Bloggs tiegħi.

Mill-blogg tiegħek sirt naf fuq il-Wikipedia bil-Malti....Grazzi!

8/4/05 19:08  

Ħalli kumment

<< Home