<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

17.4.05

Malti fl-Ilsien, fil-Qalb, u fl-Unjoni Ewropea

Matul din il-ġimgħa saret sensiela ta' taħditiet fl-Università dwar l-Ippjanar tal-Lingwa, mill-professur Katalan Miquel Strubell. Bniedem dħuli u intelliġenti ħafna, li minkejja l-għira li tħoss għalina l-biċċa l-kbira tal-Katalani minħabba li lsienna daħal bħala lingwa uffiċjali ta' l-UE waqt li 7 miljun ruħ għadhom ma jistgħux jindirizzaw l-istituzzjonijiet tagħha bi lsienhom (bħalma stqarr il-Prof. Strubell stess), bil-qalb kollha tkellimna dwar x'jista' jagħmel pajjiż biex imexxi 'l quddiem ilsienu, permezz ta' xogħol proattiv, riċerka, l-iżvilupp ta' għodod lingwistiċi, u bosta strateġiji oħrajn. Billi fl-istati ta' l-Unjoni jeżistu aktar minn 255 ilsien differenti, ma jista' jkun hemm l-ebda dubju li s-sitwazzjoni tal-Malti hija xorti kbira, u ta' min jibża' għaliha.

Fost l-aktar ideat importanti li smajna matul it-tliet konferenzi tal-Prof. Strubell, hemm idea waħda li wieħed għandu jżomm f'moħħu biex ikun jista' jkompli xogħlu f'dan il-qasam. Forsi tidher ovvja, imma importanti li ngħiduha għax mhux kulħadd jifhem il-lingwa bl-istess forma. L-ilsien għandna nfassluh bħalma nfasslu ħajjitna. Jiena nħobb inxebbah it-tfassil tal-lingwa mal-kura tal-pjanti, ngħidu aħna, ta' xi siġra, jew jekk trid, ta' ġnien sħiħ. Ix-xitla tikber kif trid hi, u trid iż-żmien biex il-friegħi jimtlew bil-weraq, imma biex tibqa' ħajja u b'saħħitha, hemm bżonn ħafna paċenzja u attenzjoni. Kultant, meta t-temp ma jkunx favorevoli, din ix-xitla jkollha bżonn tissaqqa, u kultant, ikun hemm bżonn li jitnaqqa l-ħaxix ħażin. U m'hemmx xi ngħidu, jekk ix-xitla ma tiħux ħsiebha u din tibda tikber mingħajr ħarsien ta' xejn, jeżisti l-periklu li titmarrad, li titgħarraq, li titħassar għalkollox.

Imma lingwa, x'inhi? Kif għandna niddefinuha? Hemm lingwi li huma 'akbar' jew 'ogħna' mill-oħrajn? Xi nofs seklu ilu, lingwist Lhudi saħaq li "lingwa hija djalett b'armata u marina". Jiena ma naħsibx li lsien jista' jkun superjuri għal ilsien ieħor. Dejjem bl-attitudni imperjalista tagħhom, għadna nsibu Ingliżi li jħobbu jgħidu li lsienhom huwa wieħed mill-aktar sinjuri, għax billi xorob minn bosta lingwi madwar id-dinja, fih tant vokabularju u sinonimi li ebda lsien ieħor ma jista' jiftaħar daqsu. Kbir kemm hu kbir id-dizzjunarju Oxford, ma nistax naqbel. Minbarra l-fatt li l-Ingliż m'għandux il-produttività li jagħti l-element semitiku tal-Malti, u l-fatt li t-Taljan probabbli għandu iktar sinonimi għax fil-fatt huwa mużajk ta' djaletti (qed naħseb, per eżempju, fid-diversi kelmiet Taljani li jeżistu għal spalliera), jiena naqbel ma' dak li jgħid George Steiner fil-ktieb ġenjali tiegħu After Babel: l-ebda lsien m'hu inferjuri għall-ieħor, għax m'hemm l-ebda ħsieb li ma jistax jiġi espress, tkun xi tkun il-lingwa. It-traduzzjoni, mid-definizzjoni tagħha, hija xogħol impossibbli, ideal li ma jistax jintlaħaq, ħolma li ma tistax titwettaq, għax bħalma jgħid Steiner, "kull poplu għandu fi lsienu korp uniku ta' segretezza komuni" (every people has in its language a unique body of shared secrecy... u mhux ġisem, il-Malti tiegħi għadu goff imma din ta' l-Iġsma tal-Pariri jiena qatt ma kont kapaċi noħloqha!). Iżda minn hemm stess tiġi t-tama: billi t-traduzzjoni hija attività approssimattiva, it-traduttur għandu jgħarrex u jfittex, biex jiġbed tanġenti dejjem iktar qrib is-sens tat-test oriġinali. Huwa veru li ċerti affarijiet jingħadu aħjar f'lingwa waħda milli f'lingwa oħra, u bil-maqlub, imma dan ma jfissirx li waħda tkun aktar sinjura mill-oħra.

Jekk aħna nistgħu ngħidu li lsien huwa sinjur, dan ikun għax l-ilsien, anzi ċertu djalett tiegħu, kellu x-xorti li l-kbarat, jiġifieri l-poter, kienu ddeċidew li jaddottawh għall-għanijiet ta' l-amministrazzjoni. Malli lingwa jkollha poter u investiment ta' flus warajha, tibda titħares, tiżviluppa, u twarrad. Dan iwassalna għal idea oħra li rregalalna l-Prof. Strubell: li tippjana mingħajr poter ikun ħela ta' żmien u ta' enerġija. Għalhekk, għandna nifirħu li din il-ġimgħa, sa fl-aħħar, twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali ta' l-Ilsien Malti. Fil-fehma tiegħi, aħbar tajba ġewwa din l-aħbar tajba hija li l-Kunsill se jkun awtonomu fid-deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-lingwa Maltija. B'hekk, nittama li l-politika ma tiddeffisx f'xogħolhom... ma nafx kemm-il darba smajt li hemm nies fil-gvern (fil-gvern!) li lesti jirrinunzjaw għall-istatus tal-Malti bħala lingwa uffiċjali ta' l-Unjoni, għax "aħna bl-Ingliż ninqdew ukoll", jew għax "dawk kollha spejjeż għal xejn". Tal-mistħija! Elittiżmu tax-xadini! Ċert li għandna napprezzaw il-bilingwiżmu tagħna, imma li wieħed imaqdar u jżeblaħ ilsienu mhux ta' min jġerrgħu. Il-Malti għandu jitħares, jafferma ruħu u jkompli jissaħħaħ mhux biss għax parti minn wirtna, mhux biss għax marbut ma' l-identità tagħna, mhux biss għax il-Kostituzzjoni tgħid li huwa l-ewwel lingwa nazzjonali, iżda wkoll għax għad hawn nies hawn Malta li, minħabba ċirkostanza jew oħra, ma jafux bl-Ingliż (u min ma jafx bl-Ingliż m'huwiex tat-tieni klassi!), u li għandhom il-jedd li jindirizzaw l-UE bil-Malti, sewwasew bħalma jindirizzaw l-awtoritajiet Maltin bl-istess lingwa. Idea oħra tal-Prof. Strubell li wieħed għandu jżomm f'moħħu hija li l-Unjoni għalina hija monolingwi, fis-sens illi r-relazzjonijiet tagħha ma' kull stat membru jsiru bl-ilsien uffiċjali ta' l-istat li jkun. L-UE qisha għandha għoxrin interfaces differenti, wieħed minnhom sewwasew iddedikat għall-Maltin.

Jekk tippermettuli, ħa nispiċċa b'idea oħra li smajna f'dawk it-taħditiet, u li ma nafx kemm-il darba smajtha meta kont ngħix Spanja, avolja s'issa għadni ma nistax naqbel għalkollox magħha għax naħseb li hemm raġunijiet psikoloġiċi aktar sottili li jkollna nistħarrġu qabel ma naċċettawha. Strubell għamilha ċara u tonda li x'ħin tuża lingwa jew oħra, inti tkun qed tagħmel pass favur dik il-lingwa. Kull kelma li tlissen fiha deċiżjoni konxja favur l-ilsien li qiegħed tuża. Jiena ma naħsibx li dawk li tiktbu l-bloggs bl-Ingliż qegħdin tagħmlu hekk bi ħsara għall-Malti, lanqas biss irrid nissuġġeriha. Iżda l-korollarju ta' din l-idea, li iva naqbel miegħu, huwa li kull wieħed minna għandu sehem biex iħeġġeġ l-użu u l-ħarsien tal-Malti. Jiena ma' kull sentenza li nikteb qed nibża' nagħmel xi żball, imma nipprova nagħmel kuraġġ, għax inkella qatt ma nikteb xejn u nibqa' lura. Fil-fehma tiegħi, min jibża' jikteb bil-Malti għax jaħseb li se jiżbalja u li xi ħadd se jiġi jikkritikah, tajjeb li jiftakar li dak li jikkritika jkun qed jagħmel aktar ħsara milli ġid. Jiena nemmen f'dik li nħobb insejħilha "solidarjetà lingwistika", il-kooperazzjoni bejn kull min jixtieq imexxi 'l quddiem l-Ilsien Malti u l-ispirtu ta' għajnuna biex wieħed ikun jista' jsaħħaħ il-kitba tiegħu. Ma rridx nagħmilha ta' profeta jew demagogu tal-lingwa, imma ejjew inkomplu nrawmu dan l-ispirtu, għax jaħasra, mindu ġejt lura Malta inħoss li tassew għandna bżonnu. Ejjew nieħdu ħsieb dik il-ġnejna, ħalli nkunu nistgħu nitpaxxew biha u minnha nieħdu n-nifs.

Darb'oħra, meta jkolli ċans, se nipprova naqleb għall-Malti wieħed mill-mudelli tat-tfassil tal-lingwa li uriena l-Prof. Strubell fl-ewwel konferenza tiegħu, għax huwa tabilħaqq interessanti u naħseb li tkun idea tajba li jixxandar ftit.

Għandi seba' mitt sena biex jasal għada, għax se nieklu l-muċċu...

Saħħiet,

Antoine Cassar.

Kummenti: 8

Blogger alex qal/qalet...

Jien ukoll kont hemm ghat-tahdidiet ta' Strubell, u laqatni l-fatt li semma' kif hafna Katalani kitbu l-UE biex jiddifendu l-lingwa taghhom. Bhalissa insejt id-dettalji. Jekk hadt xi noti habib, fakkarni. Imma li jrid nghid huwa li lanqas f'univers parallel fejn Dun Karm kien ikun Shakespeare m'huma se jiktbu favur il-lingwa taghhom il-Maltin.

18/4/05 09:09  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Ereżija,

Ilni kważi sagħtejn infittex fuq l-eteru s-sondaġġ li semma l-Prof. Strubell, li fih wieġbet maġġoranza impressjonanti ta' Katalani jirreklamaw il-jedd tagħhom li jiktbu lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea f'ilsien twelidhom. Ma nistax insibu... tgħid ħassruh apposta? Boqq! Wisq probabbli, għalkemm tant issib sondaġġi ta' l-UE fuq l-Internet li għandu jidher x'imkien f'dak il-laberintu kollu. Jiena ntlift, u ħeddieli rasi.

Interessanti waħda mill-mistoqsijiet li ntbagħtu lil dak is-sondaġġ: Biex inkunu nistgħu neżerċitaw il-jedd demokratiku tagħna li nindirizzaw l-awtoritajiet f'ilsienna, veru hemm bżonn li niksbu l-ewwel l-indipendenza mill-istat Ispanjol?

Kaxxa ta' Pandora dik ta' l-ilsna ta' l-Ewropa, għax il-ġmiel tad-diversità fih ukoll il-periklu li jitfixklu d-drittijiet bażiċi ta' l-espressjoni ma' l-identitajiet storiċi. Jiena qed nibża' li tant ikun hemm lingwi uffiċjali fl-Unjoni li fl-aħħar jiddeċiedu li jintużaw biss xi tlieta jew erba' linguae francae (u m'iniex qed nirreferi għal working/internal languages, li għall-raġunijiet prattiċi huma tlieta), u ċaw demokrazija. Nistħajjel li x'aktarx se jiddipendi mix-xaqliba tal-Kummissjoni, u billi dik tal-lum hija aktar lemini milli xellugi (Franco Frattini Kummissarju Ewropew, jieħu ħsieb il-libertà? Aħjar minn Buttiglione, imma xi tama hija dik?), naħseb li ma nistgħu neskludu xejn.

18/4/05 19:03  
Blogger alex qal/qalet...

Fl-ahhar mill-ahhar li tkun prattiku jeghleb l-idealizmu...

Sibtha daqsxejn bla sens li Manwel Mifsud ried li l-mistoqsijiet lil Strubell ikunu bil-Malti biex imbaghad jittraduci ghalieh. Dak mhux kif thossok kburi bil-lingwa tieghek, billi titrattah ta' iben andikappat li ghandu bzonn "preferential treatment" biex ma jhossux inferjuri. Wara kollox Strubell tkellem bl-Ingliz (mhux il-lingwa tieghu alavolja jitkellmu tajjeb hafna) u mhux bil-Katalan jew Spanjol... jigifieri il-Maltin ma kienu se jitilfu xejn billi jistaqsuh mistoqsijiet bl-Ingliz ukoll. Il-Malti jaf isir patetiku b'din il-fissazzjoni fuq il-lingwa.

19/4/05 08:39  
Blogger Athena qal/qalet...

Prosit Antoine imma r-refernza ghall-muccu qed iggieghlni nghir! Uff, kemm ghandi aptit naqra stuffat suret in-nies. La nerga mmur id-dar, nghid lil ommi taghmel fenek stuffat :-)Ghagin biz-zalza tal-fenek, stuffat, naqra hobz tal-Malti... mmmm, issa ha nibda nohlom!

19/4/05 13:52  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Ma nistax naqbel, ereżija. Dak li xtaq li l-mistoqsijiet jitressqu bil-Malti kien il-Prof. Strubell stess, u din tat-trattament preferenzjali naħseb li hija interpretazzjoni, li tista' tkun vera, imma tista' tkun ukoll naqra mġebbda. Jiena, għall-inqas, mhux hekk fhimt.

Mill-bqija, huwa veru li l-Ingliż ta' Strubell huwa eċċellenti... dan għax missieru huwa Ingliż.

19/4/05 15:38  
Blogger alex qal/qalet...

Strubell kien qed juri rispett lejna, fair enough. Imma li kieku kont il-Profs Mifsud kont nghidlu "Thank you for the offer, but I think it will be OK. Our students are excellent speakers of English just like you and will be at home addressing you in English"

19/4/05 16:23  
Anonymous Neriku-Frangisk qal/qalet...

Jien nahseb li erezija tbati minn kumpless t'inferjorita li gejja fil-Maltin mill-hafna zmien ta' hakma barranija. Qieghed nghid ghal fatt li donnhu ixxukjat ruhha li jista' jkun hemm xi hadd li jahseb li ahna l-Maltin ma nafux nitkellmu jew niktbu bl-Ingliz. Kemm ha ndumu b'din il-mentalita kolonjali! Hallihom jahsbu li jridu l-barranin! Ejjew nigu naqghu u nqumu minn x'jahsbu li nafu jew ma nafux! Dan mhux xi attakk kontra l-barrani. Anzi. Izda ahna l-Maltin ghandna nahtfu kull opportunita (li sfortunatament huma ftit) biex nitkellmu u fuq kollox niktbu l-Malti

10/7/05 20:31  
Blogger KILL LI qal/qalet...

Life hija tajba Meta inti għandek dawk l-imħabba tiegħek madwar inti, I am qal dan meta i Minħabba li l-kwistjonijiet serp ma 'lover tiegħi u qatt ħajja meqjusa bħala ħaġa tajba, iżda grazzi għall Dr AGBAZARA ta AGBAZARA TEMPLE, għall tgħin me li jitfa jespliċitaw Li brought lover tiegħi lura lili Fi ħdan l-ispazju tal 48hours. Raġel tiegħi telqu lili għall-mara oħra wara 7years ta 'żwieġ, iżda Dr.AGBAZARA għinni mitfugħa jespliċitaw lilu li jinġiebu lura lili fi ħdan il-48hours. I am not se jgħidlek aktar dettalji dwar myself Pjuttost i se biss jagħtik parir dawk li qed ikollhom kwistjonijiet relazzjoni fil hemm jew dak Żwiġijiet Dr.AGBAZARA TEMPLE permezz dettalji ta 'kuntatt permezz proposition; (agbazara@gmail.com) jew agbazara@gmail.com
LUCY mill-Istati Uniti.

5/8/15 12:24  

Ħalli kumment

<< Home