<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

6.4.05

Libera me, (Domine?), de morte aeterna

Il-lejla nħossni kemmxejn stressjat (mhux imħeddel, sinonimu li jagħti Serracino Inglott fid-Dizzjunarju tiegħu)... għada ġej il-kappillan biex 'ibierek' id-dar tiegħi, u kelli nqatta' aktar minn tliet sigħat innaddaf kollox (jew killix, kif jgħidu hawnhekk u nħobb ngħid jien). Mhux għax kien hemm ħmieġ jew xi mintna, iżda għax nibża' li n-Nanna tieħu għaliha jekk tiġi għada u tara li l-ħġieġ ma jkunx qed ileqq daqs il-vetrini tal-knisja u l-ġmiel tal-Madonna. Hemm idjoma Franċiża, għalkemm daqsxejn brutali u kiefra rigward l-annimali, li tgħid j'ai d'autres chats à foutter : għandi aktar qtates x'insawwat. Din tingħad meta wieħed ikun imħabbat u ma jkollux ħin x'jitlef mal-ħmerijiet. Jiena nħobb il-qtates, u għandi rispett kbir lejn ir-reliġjon, imma sabiħa kemm hi sabiħa, din il-parafernalja kollha (jew killha) ma niflaħhiex. L-aqwa li għada m'iniex se nkun hawn x'ħin jasal il-ħabib tiegħi bl-ilma mbierek, u li n-Nanna tkun kuntenta. U meta niġi lura nispera ma nsibx il-kotba kollha mxarrbin... li kien għalija, kont inwaħħal biċċa karta mal-bieb bil-kliem "Sur Kappillan: Jekk ma jimpurtax, bierek id-dar minn barra, għax jekk jidħol ix-xitan żgur li jgħaddi minn ġol-katuża jew minn taħt il-bieb".

Ovvjament qed niċċajta, imma li kieku ħadem il-lum, forsi l-Inkwiżitur kien jiġi jsawwatni qabel ma kien joqtol lilu nnifsu... (grazzi Mark ta' dak l-artiklu, issa sirt nifhem għaliex il-Fr. Mark Montebello jikteb fit-Torċa, u grazzi wkoll ta' din tal-ħarba ta' l-imħuħ).

Insomma, mhux fuq dan xtaqt nikteb il-lejla. Nhar is-Sibt li għadda qbadt pinna u djarju żgħir, ħriġt minn dik il-kamra u mort nagħmel dawra Paceville. Wara esperjenza surrealista f'Peppermint Park –fejn b'tazza rum f'idi u mużika house għaddejja minn widnejja, fuq it-televiżjoni li kienet 'il fuq minn ras id-DJ kważi bla semmiegħa, rajt l-aħbar ta' mewt il-Papa–, sibt post ieħor bl-imwejjed barra u poġġejt bil-qiegħda biex nipprova nlesti poeżija li kienet ilha aktar minn ġimagħtejn tberren f'rasi. Kanzunetta wara l-oħra ħierġa minn ġol-bar, rum wara l-ieħor nieżel f'ġrizmejja, u tfajla sabiħa wara l-oħra għaddejja minn quddiem il-mejda, sa fl-aħħar spiċċajt il-kwartini u ġejt għall-parti l-aktar diffiċli: tmiem il-poeżija, id-dénouement jew nisġa finali tal-loġika tagħha. L-idea kienet ilha hemm mill-ewwel, imma l-kliem kien qisu jiżfen mal-mużika tal-bar u l-versi ma kinux iridu jaqblu ma' xulxin.

Imbagħad waħda minn dawn it-tfajliet sbieħ poġġiet bil-qiegħda ħdejja, spiċċiet is-sigaretta li kellha u staqsietli bil-leħen ħelwa tagħha x'kont qed nikteb. Urejtha l-ktejjeb bl-ewwel ftit paġni kollha miżgħudin b'tħarbix, li naħseb ħawwadha iktar milli diġà kont imħawwad jien. F'paġna waħda kien hemm l-ewwel vers ta' poeżija oħra mħassar, u taħtu nota bil-kliem "din lestejtha". It-tfajla tbissmet, qabdet il-pinna u ħdejn dik in-nota kitbet l-ittri O.K., b'fullstop (punt tal-waqfa?) grazzjuż li bih qisha kienet qed tgħid "qed tara, fl-aħħar it-tarf issibu!" Jekk inti qed taqrani, grazzi ta' din, għax ħajjartni nkompli nħabbel rasi sakemm lestejt is-sunett. Wara kważi erba' sigħat ta' taħwid, ħallejt id-djarju, xrobt amaretto biex niċċelebra li kont sibt it-tarf, wasal il-kuġin tiegħi u mort niżfen, tant paxxut illi saħansitra l-agħar mużika li kienu qegħdin idoqqu għalija kienet qisha l-Pavane ta' Fauré.

Kurjuża kif fullstop jista' jidhirlek sabiħ, iżda hekk ġarali. Is-soltu, il-punteġġatura taqdi biex issebbaħ u tagħti sens aħjar lill-kliem, imma dakinhar kien il-kliem, u m'hemmx xi ngħidu, kienet ukoll it-tbissima tat-tfajla, li flimkien sebbħu u taw sens lill-punt ta' l-aħħar.

Grazzi wkoll lill-ħbieb Kelmitani, li nhar il-Ħadd għenuni norqom is-sunett sakemm wasalt għal verżjoni li, nispera, se tkun definittiva. Allavolja, bħalma għedt fil-grupp Kelmet, il-filosofija tagħna ġieli titbiddel maż-żmien (jekk mhux minn jum għall-ieħor!), u l-hekk imsejħa ultima volontà tal-kittieba x'aktarx ma tistax tgħid x'inhi qabel ma jkunu telqu lejn id-dinja l-oħra. Fil-fatt, jiena nemmen li l-kitba qatt ma tkun imlestija għalkollox.

Hawn taħt għandkom is-sunett, kif wegħedt lit-tfajla (li, x'għarukaża, ma nafx x'isimha... imma forsi aħjar hekk). Kif se taraw, m'huwiex miktub bil-Malti biss, iżda b'taħlita ta' ilsna differenti. Għaliex? Anzi, għaliex le? Dan huwa esperiment, biex nesplora u nilgħab daqsxejn mal-possibiltajiet li toffri l-interazzjoni bejn il-lingwi. Jiena nħobb nara lis-sunett (u lil kull xorta ta' poeżija, jew proża, jew traduzzjoni) bħala mużajk, li fih kull sillaba jew kelma huma ġebla jew tessera oħra, u fl-istess ħin bħala mużajk ta' ideat, ta' deċiżjonijiet. Forsi dan l-esperiment ma jirnexxilix għax artifiċjali wisq, imma dan l-aħħar daħħaltha f'rasi li nipprova nagħmel ukoll mużajk ta' lingwi. Għal raġunijiet ta' ritmu m'iniex kuntent għalkollox bir-riżultat, u ma neskludix li għad baqagħli xi żball fil-partijiet miktubin bil-Malti. Dak li ma rnexxilix kien li nżomm ċertu bilanċ bejn il-lingwi li jidhru f'kull strofa (l-ottava fiha erba' versi bil-Ingliż u emistikju wieħed bil-Malti, waqt li s-sestett fih sitt emistikji bil-Malti u xejn bil-Ingliż), imma insomma, diffiċli issa niddeċiedi x'sagrifiċċju nagħmel biex inkun nista' ndaħħal kliem ġodda fil-vers li jkun.


IL-LUM QABEL GĦADA

Tout vient et tout s'en va, a nunca más volver,
the winds of time will howl as the wheel does turn,
għabra u riħ, dfin fil-qiegħ, si spegne ogni voler,
and when the lights are out no more than ashes burn.

La vita non è più che un sol lungo pensier,
spiralling back and forth, only in art to return,
y en esta lucha a muerte entre olvido y saber,
what's written may remain, what's spoken night will spurn.

Écris, mon âme, écris, forsi għada ma jisbaħx,
la tinsa lura tmur, bħalma tinsiek id-dinja,
żerniq fil-lejl ma hemmx, né vuoto ch'abbia senso;

rażżan ruħek il-lum, ħalli għada ma taħrabx,
le fleuve ne ferme jamais, né il canto della cigna,
que el silencio es la muerte, y la muerte silencio.


3 ta' April 2005


Nispera li jogħġobkom... għal min irrid, matul il-ġimgħa nagħti traduzzjoni (bil-Malti mkisser tiegħi, s'intendi!) tal-partijiet miktubin bis-Spanjol jew bil-Franċiż. Jekk issibu xi ħaġa li ddoqq ħażin, għiduli, m'hawnx problema. U jekk taħseb li dan l-esperiment huwa ċuċesk, jew baħnanata għax poeżija suppost tinkiteb f'lingwa waħda u mhux f'taħlita bħal din, għidli wkoll, għalkemm jidhirli li l-fruntieri qegħdin hemm biex naqsmuhom, u li fil-kitba kreattiva iktar ma wieħed ikun dogmatiku aktar jitfixkel, u inqas ikun jista' jieħu n-nifs.

Saħħa għalikom,

Antoine.

Kummenti: 7

Blogger alex qal/qalet...

Ave! Senor Gakbu Joyce!

6/4/05 15:31  
Blogger -- qal/qalet...

Prosit sijab u grazzi mill-qalb tal-kliem sbieh li ghogbok tghidli dwar il-progett zghir tieghi. Kompli u ad altiora.

7/4/05 11:43  
Blogger gybexi qal/qalet...

interessanti kif "j'ai d'autres chats à foutter" hi "i've got other fish to fry" u "to have a frog in one's throat" hi "avoir un chat dans la gorge" - imma l-paccu jghidulu "le beau chat". almenu...

7/4/05 21:42  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Interessanti tassew. Imbagħad hemm idjoma Spanjola li tgħid "buscar tres pies al gato", 'fittex tliet saqajn fuq il-qattus'. Jiġifieri, li tipprova targumenta xi ħaga li inti stess taf li mhux minnu, għax qattus (suppost) għandu erba' saqajn, u mhux tlieta biss.

15/4/05 18:10  
Blogger Erezija qal/qalet...

kont qed naghmel "trip down memory lane", u minghalija f'dil-bloggata, fil-kummenti, fejn l-ewwel iltaqgħu ruħi u ruħek, kien hemm xi altercation. Ħassartha kont? Għalfejn?

20/10/09 10:47  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Triq sabiħa qbadt Alex. Kemm kont inġenwu dak iż-żmien (u għadni) ! Ma niftakarx li ħassart il-battibekk li qed issemmi. Forsi qiegħda f'xi bloggata ta' wara? Issa nfittex ftit.

20/10/09 11:05  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Hawn hu sieħbi:

http://maqluba.blogspot.com/2005/04/dwar-il-bnadar-il-kburija-u-l-blokk.html

20/10/09 11:13  

Ħalli kumment

<< Home