<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d11862797\x26blogName\x3dTriq+il-Maqluba\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLACK\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://maqluba.blogspot.com/\x26vt\x3d8115735014150492648', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

7.4.05

Dwar il-Bnadar, il-Kburija u l-Blokk tal-Kittieb

Grazzi Twan, ad altiora semper, bħalma qallek wieħed mil-Lussemburgu (Mark, forsi?) u issa napprofitta ruħi biex ngħidlek jien ukoll. U nispera li l-proġett tiegħek ma jibqax żgħir, iżda li jkompli jitlaħħam u jdaħħak lill-għeżież qarrejja. Min jaħseb li Twannie hu pastaż iżżejjed u li jmissu jistħi minn dak li jikteb, jaf fejn għandu jmexxi l-ġurdien.

Grazzi wkoll lil ereżija... għalkemm mill-kliem kiesaħ u bla intonazzjoni ta' fuq l-iskrin ma nafx jekk dak li ktibt kienx jew le ta' ton sarkastiku. Insomma, nirringrazzjak l-istess. Jekk jogħġbok, din ta' l-Ave aħjar ninsewha, għax tfakkarni f'ċerti personaġġi kemm ta' l-imgħoddi kemm tal-lum, minn dawk il-patrjottiċi li għandhom ħabta jitfgħu superlattivi 'l hawn u 'l hemm biex iwasslu l-messaġġ sempliċi tagħhom lill-massa ta' moħħ magħluq. Nies li tħobb il-fruntieri aktar milli tħobb il-ħajja, u li għandna nevitaw kemm jista' jkun.

Forsi għax jiena trabbejt l-Ingilterra (minbarra ħames snin bejn il-Qrendi u l-Imsida sakemm għalaqt tlettax-il sena) u sirt raġel Spanja, żewġ pajjiżi fejn il-linja ta' bejn il-patrjottiżmu, l-imperjaliżmu u r-razziżmu hija ferm diffiċli li tiġbidha (interessanti li f'Spanja ssib ħafna nies li jistħu jilbsu il-flokk ta' l-iskwadra nazzjonali għax l-ilwien tal-bandiera għadhom marbuta fil-kuxjenza soċjali mad-dittatura ta' Franco... osservajtu xi darba li bosta plejers tat-tim Spanjol ma jkantawx meta jindoqq l-innu nazzjonali tagħhom?), malli nisma' xi kelma patrjottika nħoss widnejja jtextxu u jkolli nitbiegħed minnufih. Mill-bqija, dan l-aħħar qed niskopri li l-patrjottiżmu hawn Malta –ġeneralment, s'intendi, mingħajr ma nirriferu għall-vergonja ta' Ħal-Safi– għandu bil-fors tifsir wisq differenti, sewwasew għax kellna nistennew il-mijiet ta' snin sa ma sirna pajjiż independenti. Għalhekk, ma tfawwart xejn il-ġimgħa l-oħra meta f'Jum il-Ħelsien qrajt poeżija li ddedika Ġorġ Pisani lil Mikiel Anton Vassalli, iżda nammetti li tbissimt tbissima ta' kburija x'ħin wasalt għall-aħħar vers: «Malti fl-Ilsien u l-Qalb, Malta Maltija».

Naf li l-Malti tiegħi għadu goff, jekk mhux ukoll daqsxejn aħrax għax forsi nikteb b'sintassi Spanjola mingħajr ma ninduna, imma l-istess bħalma ħassejtni kburi x'ħin qrajt is-sunett ta' Pisani, inħossni kburi li wara daż-żmien kollu nitkellem u naħdem bil-Ingliż u bl-Ispanjol, qed nikteb xi ħaġa –u saħansitra naħseb u nirraġuna wkoll– bil-Malti. Il-Malti dejjem kien jaħrabli f'mumenti ta' ferħ jew rabja estremi (kelmiet li fil-futur mhux wisq imbiegħed żgur li tarawhom fid-Dizzjunarju), iżda fl-oqsma kollha oħrajn baqagħli midfun fil-qiegħ. Mhux beħsiebni noqgħod nirripeti ruħi, iżda nixtieq nirringrazzjakom tal-paċenzja tagħkom: jekk wasalt s'hawn, dan ifisser, nispera, li s'issa ma ddejjaqtx.

Dwar din ta' Ġakbu Joyce, grazzi wkoll... ikolli ngħid li jiena m'iniex ħlief pseudo-kittieb ifittex il-qarrejja tiegħu, u billi joqgħod hemm is-suffiss pseudo nkun kuntent. Qatt se nkun kapaċi nilħaq il-livell ta' Joyce fl-ebda lsien, lanqas il-livell tal-Malti li wħud minnkom tiktbu fil-bloggs, u mhux beħsiebni nipprova.

Dan kien se jkun kumment żgħir, imma issa li twal, se nibgħatu bħala posta għaliha. Wara din il-balbuljata kollha (jew killha), nikkonkludi billi ngħid xi ħaġa rigward ir-raġunijiet il-għaliex jiena kittieb mingħajr suċċess. Dan mhux minnu, ereżija... agħmel kuraġġ, għax jekk bil-qari l-moħħ jitfannad, aħseb u ara bil-kitba. Tajjeb li tagħmel dak id-dubju s-suġġett ta' dak li tikteb: nissuġġerilek taqra Se una notte d'inverno un viaggiatore ta' Italo Calvino, ktieb li fih l-awtur jegħleb il-kriżi tal-writer's block (blokk, twegħir, sadd tal-kittieb?) billi jivvinta storja sewwasew dwar dil-problema. U m'hemmx xi ngħidu, jekk tibża' li dak li joħroġlok minn ġol-pinna ma jkunx tal-kwalità li tixtieq, ibqa' sejjer, u ftakar li biex wieħed jasal għall-eċċellenza, l-ewwel għandu jgħaddi mill-medjokrità bil-fors. Meta jkolli ċans, nixtieq naqra bil-kwiet ir-rakkonti tiegħek ta' fuq Individwi... imbagħad ngħidlek x'jidhruli.

Għal-lum daqshekk, għax għadu kemm daħalli l-faħam u naħseb li se nkun imħabbat sa nhar is-Sibt. Imbagħad, jekk ma jerġax jibdieli u t-traduzzjoni tal-lum ma ddaħħallix fellus ieħor f'rasi, fi tmiem il-ġimgħa li ġej nitkellmu dwar idea li taħqar mhux biss lill-kittieba iżda forsi lil kull wieħed minna: il vuoto, jew il-vojt, in-nuqqas ta' sinifikat, kemm fid-diskors kemm fil-ħajja ta' kuljum.

Nittama li fissirt ruħi sewwa. Saħħa għalikom,

Antoine.

P.S. Il-bieraħ ġie l-kappillan ibierek id-dar, u daħal ix-xitan: in-Nanna lagħbet in-numri ta' dari fis-Super Five u rebħet sittin lira. Dan serva biex ikompli jsaħħaħ il-fidi tagħha, u li kieku kienet rebħet mhux sittin lira iżda sitta u sittin, forsi kont noqgħod naħsibha ftit ukoll. Imn'Alla ma telgħux in-numri tal-Papa, għax kieku naħseb li tal-Maltco kien ifalla għalkollox!

Kummenti: 2

Blogger alex qal/qalet...

Grazzi għall-kliem tiegħek li ħarġu mill-qalb. Fil-fatt il-ktieb ta' Calvino qrajtu bosta snin ilu, u kif għidt sewwa inti, jirnexxielu jegħleb il-blokk ta' kreatività b'mod ġenjali għall-aħħar, billi jkun kreativ, li tista' sservi ta' lezzjoni fil-ħajja tagħna wkoll, kif tegħleb kriżi billi tiffaċċjaha head on. Dwar dik ta' Ġakbu Joyce, fil-fatt kont qed inkun sarkastiku, bl-Ave b'kollox, u bil-kalma li biha irreaġixxejt inbaxxi rasi u nitloblok taħfirni.

Biex nagħlaq.... li għandi mhuwiex writer's block... huwa ferm iktar interessanti... nista' nikteb kemm niflaħ, iżda qed inħoss li kull ħaġa li nikteb titlef kull sinjifikat malli toħroġ mill-pinna.

Grazzi Dott li għad tismagħni (u l-Malti tiegħek mhuwiex goff, anzi, huwa mexxej ħafna)

8/4/05 08:49  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Ħfirtlek mill-ewwel, sieħbi, u ma ħadtx għalija. Anzi bil-maqlub: nirringrazzjak għax tajtni spunt biex nikteb xi ħaġa (jew kif jgħidu hawnhekk, xi ħoġa, bil-o mkarkra, li tinstema' kważi u. Kemm inħobbu jien id-djalett!).

"nista' nikteb kemm niflaħ, iżda qed inħoss li kull ħaġa li nikteb titlef kull sinjifikat malli toħroġ mill-pinna"

Fuq din il-biċċa nixtieq nikteb xi ħaġa matul il-ġranet li ġejjin... ma nafx x'inhi s-soluzzjoni għaliha, imma l-ġlieda ta' bejn is-sinifikat u l-vojt letterarju tinteressani ħafna. Forsi għax dan huwa biża' li jaħkem fuq l-iljieli tiegħi, l-aktar dawk tax-xitwa.

Insomma, imbagħad naraw.

Ħajr u s-sliem,

Twanny Cassar.

8/4/05 16:24  

Ħalli kumment

<< Home